Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjant ta’ Sant’ Antnin – ħruq – riskji minn emissjonijiet u gassijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li wara l-ħruq li ġarrab l-impjant ta’ Sant’ Antnin, ma hemm l-ebda riskju ta’ emissjonijiet, gassijiet jew kwalunkwe riskju ieħor jew dannu a detriment tar-residenti, speċjalment rigward saħħa? Jista’ jippubblika r-rapport dwar Health and Safety li saru f’dan ir-rigward?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar minn Dr Robert Cortis wara l-ħruq tal-impjant ta’ Sant’ Antnin.

Impjant ġdid flok l-Impjant ta’ Sant’Antnin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn hemm il-ħsieb li jsir l-impjant il-ġdid li fiha se jiġi rriċiklat il-materjal li kien jiġi riċiklat fl-impjant ta’ Sant’Antnin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Wasteserv qed tipprepara biex tibni MRF (Material Recovery Facility) bażika u temporanja fis-sit li qabel kien hemm l-MRF li inħaraq.

Impjant ta’ Sant’Antnin – materjal maħżun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jiġi maħżun il-materjal li qabel kien jiġi riċiklat fl-Impjant ta’ Sant’ Antnin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materjal li qabel kien jiġi rriċiklat fl-impjant ta’ Sant’ Antnin mhux qedt jiġi maħżun, imma b’mod temporanju, qedt jinħadem fl’impjant tal-Malta North ġewwa l-kumpless tal-Magħtab.

Karti, metal u plastik — riċiklaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti separatament il-volum ta’ plastic, metal u karti li bħalissa (jiġiferi fis-17 ta’ Diċembru 2017) hemm maħżuna, sabiex jiġu riċiklati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Miri biex jitnaqqas il-livell ta’ CO2

Question

Peress li Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea hija obbligata tirraporta kull sena lill-Unjoni Ewropea fuq dak li Malta tkun qed tagħmel biex tilħaq miri stabbiliti dwar tnaqqis tal-livell ta’ CO2, u peress li dawn il-miri jirrigwardaw setturi bħal trasport, agrikoltura u skart, jista' l-Ministru jgħid xi strateġija qed timplimenta Malta dwar kif tista' tnaqqas b'mod konkret l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'dan is-settur?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll permezz tar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ghat-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Parigi, hija kommessa għall-ħidma sfiqa kontra t-tibdil fil-klima. Dan billi jitwettqu miżuri skont strateġiji fl-oqsma diversi li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeri rispettivi. Għal dak li għandu x’jaqsam is-settur ta’ l-iskart, tajjeb li nirreleva li l-Pjan Nazzjonali ghall-immanigjar tal-iskart 2014-2020 jenfasizza l-importanza li nnaqsu d-dipendenza fuq l-użu tal-miżbla billi ninkoraġġixxu dejjem aktar ir-riċiklaġġ. Miżuri speċifiċi fis-seħħ jew f’fażi ta’ implimentazzjoni jinkludu: 1. Il-progett ta' ġbir separat tal-iskart organiku li ser jiġi estiż fuq skala nazzjonali qabel l-aħħar tas-sena 2018; 2. Il-kampajna nazzjonali sabiex ikun hemm aktar għarfien u edukazzjoni fuq l-immaniġjar tal-iskart b’mod aktar responsabbli; Inizjattivi oħra li qed jittieħdu u li jikkumplimentaw l-ispirtu ta’ din l-istrateġija huma: 1. Il-ħidma biex tiddaħħal l-iskema tal-ġbir ta’ flixkien tax-xorb kontra depositu biex inħeġġu aktar r-riċiklaġġ tal-plastik, metall u ħgieg; 2. Ix-xogħol li qed isir biex ikollna faċilita li tikkonverti l-iskart f’enerġija. Fis-settur tal-agrikoltura hemm fis-seħħ il-programm gġall-Iżvilupp Rurali (Rural Development Programme 2014-2020) li fih miżuri li jippromwovu il-biedja organika, ġestonji aħjar tal-irziezet, l-użu ta’ energija rinovabbli u sistemi aktar efficjenti tal-irrigazzjoni. Matul din is-sena mistennija wkoll li titħabbar politika ġdida għas–settur. Il-Ministeru għaddej ukoll bil-ħidma għall-iżvillup tal- Low Carbon Development Strategy biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima. F’dan l-istadju, diġa ġie ppublikat dokument ta’ viżjoni li fuqu saret konsultazzjoni wiesa’. Għal dak li għandu x’jaqsam ma inizjattivi fis-settur tat-trasport, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat ġaladarba il-ħidma kontra t-tibdil fil-klima hija ħidma li trid issir b’mod orizzontali minn numru ta’ Ministeri.

Siġar tal-Prinjol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-fatt li numru kbir ta' siġar tal-prinjol qed jinxef u jmut madwar Malta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji u r-riżultati li għandu f'idejh, dwar dan it-telf u l-mewt ta' dawn is-siġar Maltin li ilu sejjer għal dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid s’issa kemm hemm minn dawn is-siġar li mietu? Jista' jgħid jekk dan il-mewt hux dovut għal xi mard jew minħabba xi speċi oħra li nġabet jew qed tiġi importata ma' siġar oħra li l-Ministeru tiegħu qed japprova? Jista' jgħid x'miżuri se jieħu biex in-numru ta' dawn is-siġar Maltin jerġa' jitħawwel, u x'passi se jieħu biex dawn ikunu mill-istess ġenetika ta' dawk Maltin u mhux importati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant, li d-Direttorat għall-Ħarisen tal-Pjanti huwa konxju minn din is-sitwazzjoni u għaldaqstant matul l-2017 spezzjona u ttestja diversi siġar tal-prinjol li kienu qed juru sintomi ta’ nixfa minn kampjuni miġbura. Saru testijiet speċifiċi għall-żewġ tipi ta’ organiżmi ta’ ħsara li huma ta’ importanza għas-saħħa tal-pjanti, li huma Bursaphelenchus xylophilus (pine wood nematode) and Gibirella circinate (pitch cancer), li riżultaw fin-negattiv. Madankollu, metodi ta’ fungi isolation li saru fil-laboratorju indikaw it-tkabbir ta' patoġeni fungali li huma assoċjati ma’ infezzjoni sekondarja. Filwaqt li għadha għaddejja investigazzjoni ulterjuri, il-kawża sospettata attwali għall-mewt ta’ dawn is-siġar qed tiġi attribwita għall-istress tan-nixfa tas-siġar li jqanqal attakk minn patoġeni fungali sekondarji u ingħataw pariri dwar it-trattament fejn meħtieġ . Ġie innutat li siġar li urew sintomi ta’ tnixxif jew li mietu kienu mħawla f’ħamrija baxxa ħafna, tant hu hekk li fil-fatt il-blat huwa viżibbli. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li f’ċerti żoni bħas-Salina u Kennedy Grove, il-mewt ta’ dawn is-siġar huwa attribwita għal xogħolijiet li saru fit-toroq. Sa issa il-Ministeru għad m’għandux ammonti ta’ siġar tal-prinjol li mietu. Fil-progetti ta’ afforestazzjoni li għaddej bihom l-Ministeru, jitħawwlu numru ta siġar indigeni fosthom is-siġar tal-prinjol. Matul is-sena 2017 tħawwlu madwar 200 sigra tal-prinjol f’ diversi siti ġewwa Malta.

MRF – rapport dwar l-inċident tal-ħruq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport dwar l-inċident tal-ħruq ġewwa l-Material Recovery Facility (MRF) ġiex konkluż u jekk fl-affermattiv hux se jkun ippubblikat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-inċident għadu suġġett għal inkjesta maġisterjali u m’aħniex infurmati li din ġiet konkluza.

Wasteserv – impjegati li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjegati rriżenjaw mill-kumpanija Wasteserv bejn Jannar 2017 u Diċembru 2017? Għal kull każ, jista’ jgħid f'liema gradi kienu dawk li rriżenjaw? Jista’ jgħid ukoll jekk ġewx sostitwiti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk kienx hemm internal call?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Miri biex jitnaqqas il-livell ta’ CO2

Question

Peress li Malta bħala membru fl-Unjoni Ewropea hija obbligata tirraporta kull sena lill-Unjoni Ewropea fuq dak li Malta tkun qed tagħmel biex tilħaq miri stabbiliti dwar tnaqqis tal-livell ta’ CO2; u peress li wieħed minn dawn it-targets li Malta għandha hu dak li sal-2020, 10% tal-enerġija tagħna trid tiġi minn sorsi nodfa billi nużaw tekonoloġiji ta' enerġija alternattiva mix-xemx jew mir-riħ, jista' l-Ministru jgħid xi strateġija qed timplimenta Malta biex tilħaq din il-mira?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Iż-Żejtun/Ħaż-Żabbar — Bulebell - Sqaq 'Ta' Taħt l-Iskorra' - tindif

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi mnaddaf sqaq maghruf bħala Ta' taħt l-Iskorra, fl-inħawi ta' Bulebell iż-Żgħir (Żejtun/Żabbar), minħabba li minkejja li saru numru ta' rapporti lill-kunsilli lokali u anki fil-Ministeru konċernat, ħadd għadu ma ħa azzjoni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirefferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Persuni li għandhom permess ta’ kaċċatur u ta’ nassab

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-permess kemm ta' kaċċatur kif ukoll ta' nassab?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 3,007 persuni għandhom il-liċenzja ġenerali tal-insib tal-għasafar kif ukoll xi tip tal-liċenzja tal-kaċċa.

Persuni mhux ta’ nazzjonalità Maltija li għandhom permessi ta’ kaċċatur u nassab

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni mhux ta' nazzjonalità Maltija li għandhom permess ta' kaċċatur jew permess ta' nassab u kemm minn dawn il-persuni għandhom il-permess kemm ta' kaċċatur kif ukoll ta' nassab?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi ma żżommx din l-informazzjoni minħabba li r-regolamenti nazzjonali li jikkonċernaw il-kaċċa u l-insib ma jiddifferenzjawx lid-detenturi tal-liċenzja fuq il-bażi ta' nazzjonalità.

Pollution Gas Counters/stations

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn pollution gas counters/stations installati f'Malta u f’Għawdex? Fejn huma nstallati dawn il-counters/stations? Jista' jgħid jekk hawnx lokalitajiet f'Malta u f’Għawdex fejn qed jinqabżu l-limiti aċċettabbli ta' CO2 u NOx skont regoli tal-Unjoni Ewropea? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-readings meħuda fl-Imsida jew qrib l-Imsida matul l-aħħar sena dejjem jekk qed jittieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għandha 5 air monitoring stations li jinsabu f’Kordin, Żejtun, Msida, Għarb u Attard. Qatt ma nqabżu l-limiti aċċettabbli tan-NOx, skont regoli tal-Unjoni Ewropea f’dawn il-lokalitajiet. Is-CO2 ma jiġix mkejjell minn dawn l-istazzjonijiet, skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea. Id-dejta rikjestà mill-Imsida għal matul l-aħħar sena qed tiġi miġbura u maħduma skont kif inhu rikjest mid-direttiva relavanti. Għaldaqstant qed tiġi sottomessa l-valur medju annwali tal-NOx li ġie rrekordjat mill-Imsida fl-2016. Dan il valur huwa ta’ 36.4 ug/m3, li jaqa’ taħt il-limitu annwali skont regoli tal-Unjoni Ewropea li huwa 40 ug/m3.

Linji gwidi ta’ żbir ta’ siġar f’żoni pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-gwidi u x’qed jagħmel il-Ministeru dwar il-mod u ż-żmien ta’ meta jsir iż-żbir ta’ diversi speċi ta’ siġar f’żoni pubbliċi meta dawn jaqgħu taħt is-superviżjoni tal-kunsilli lokali, kooperativi, entitajiet privati jew ħidma mogħtija f’għamla ta’ kuntratti li jingħataw mill-Gvern? Hemm formula t’applikazzjoni u verifika qabel ma dan jitwettaq? X’moniteraġġ jeżisti dwar hekk?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każijiet fejn isir żbir ta’ siġar protetti skont L.S. 549.64, ir-Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar 2011, hemm obbligu ta’ permess ambjentali li fih ikun hemm kundizzjonijiet sabiex ix-xogħlijiet isiru biss fiż-żmien adekwat biex ma ssirx ħsara lis-siġar. L-applikant huwa obbligat illi jinforma l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ġimgħa qabel ma jsiru x-xogħlijiet sabiex tkun tista’ tagħmel monitoraġġ u tispezzjona dawn ix-xogħlijiet waqt illi jkunu qegħdin isiru. F’każ ta’ siġar tal-palm fl-2016, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti aġġorna l-linji gwida fejn jirrigwarda ż-żbir u bexx biex jiġi mħares it-tixrid tal-Bumunqar l-Aħmar tal-palm. Dawn il-linji gwidi huma applikabbli għall-mixtliet, ċentri tal-ġonna, entitajiet tal-Gvern, organizzazzjonijiet mhux governattivi, individwi privati u s-sidien l-oħra kollha tal-palm.

WasteServ Malta Limited – impjegati ma’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-ħaddiema li bdew iservu ma’ diversi entitajiet, fergħat, stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u/jew dipartimenti tal-kumpanija WasteServ Malta Limited li fil-fatt kienu u għadhom sal-lum fuq il-kotba tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew xi kumpanija sussidjarja tagħha u dan sena b’sena matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017? Jista' jagħti lista bid-dettalji kollha iżda mingħajr l-ismijiet tal-ħaddiema, tad-diversi postijiet fejn dawn l-istess ħaddiema kienu jew għadhom qed jagħmlu xogħol u x'inhu x-xogħol partikolari li kienu jew qegħdin jagħmlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

WasteServ Malta Limited – impjegati ma’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-ħaddiema li bdew iservu ma’ diversi entitajiet, fergħat, stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u/jew dipartimenti tal-kumpanija WasteServ Malta Limited li fil-fatt kienu u għadhom sal-lum fuq il-kotba tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew xi kumpanija sussidjarja tagħha u dan għal matul il-perjodu mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti lista bid-dettalji kollha iżda mingħajr l-ismijiet tal-ħaddiema, tad-diversi postijiet fejn dawn l-istess ħaddiema qed jagħmlu xogħol u x'inhu x-xogħol partikolari li qed jagħmlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 2617.

WasteServ Malta Limited – impjegati ma’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-ħaddiema li bdew iservu ma’ diversi entitajiet, fergħat, stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u/jew dipartimenti tal-kumpanija WasteServ Malta Limited li fil-fatt kienu u għadhom sal-lum fuq il-kotba tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew xi kumpanija sussidjarja tagħha u dan għal matul il-perijodu mill-10 ta' Marzu 2013 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista' jagħti lista bid-dettalji kollha iżda mingħajr l-ismijiet tal-ħaddiema, tad-diversi postijiet fejn dawn l-istess ħaddiema qed jagħmlu xogħol u x'inhu x-xogħol partikolari li qed jagħmlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 2617.

WasteServ Malta Limited – impjegati ma’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li bħalissa qed iservu ma' diversi entitajiet, fergħat, stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u/jew dipartimenti tal-kumpanija WasteServ Malta Limited li fil-fatt kienu u għadhom sal-lum fuq il-kotba tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew xi kumpanija sussidjarja tagħha? Jista' jagħti lista bid-dettalji kollha iżda mingħajr l-ismijiet tal-ħaddiema, tad-diversi postijiet fejn dawn l-istess ħaddiema qed jagħmlu xogħol u x'inhu x-xogħol partikolari li qed jagħmlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – telefonati dwar każijiet ta’ emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il telefonata rċeviet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar każijiet ta' emerġenza, xahar b'xahar, mill-1 ta' Jannar 2016 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid x'azzjoni ttieħdet mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar kull waħda mill-imsemmija telefonati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bil-każijiet ta’ emerġenza li l-Awtorità rċiviet fuq in-numru tal-emerġenza ta’ wara l-ħin tal-uffiċċju minn April 2016 sa Ottubru 2017. Din it-Tabella turi wkoll l-azzjoni li ttieħdet fuq il-każijiet elenkati. Qed tinġibed l-attenzjoni li d-dejta li bdiet tinżamm minn Frar 2017 hija differenti u iktar komprensiva minn dik tal-perjodu ta’ qabel, prinċiparjament peress li fi Frar 2017 l-Compliance & Enforcement Unit fi ħdan l-ERA issaħħet u bdiet tindirizza l-infurzar ta’ setturi ambjentali skont il-poteri mogħtija lilha mil-liġi.