Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja ta’ separazzjonijiet reġistrati kuljum f’pajjiżna fl-2018?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taht li tikkontjeni l-informazzjoni mitluba.
Malta
Noti għal separazzjoni bonarja:
290
Ittri ta’ medjazzjoni (separazzjoni kontenzjuza)
907
Rikorsi ghall- Kawżi:
114
Total:
1311
B’hekk jiġi illi l-medja ta’ kuljum, fir-rigward ta’ bidu ta’ procedimenti ghal separazzjonijiet, (maħduma fuq 365 jum) hija ta’ 3.60.
Ġħawdex
Noti konġunti għal separazzjoni bonarja:
11
Ittri ta’ medjazzjoni (separazzjoni kontenzjuza)
34
Rikorsi ghall-Kawżi:
2
Total:
47
B’hekk jiġi illi l-medja ta’ kuljum, fir-rigward ta’ bidu ta’ procedimenti ghal separazzjonijiet, (maħduma fuq 365 jum) hija ta’ 0.13 jew aħjar medja ta’ 4 fix-xahar.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4382 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli, f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u affarijiet simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni.
Avukat Ġenerali – każijiet li ma ngħatawx kunsens biex jinbdew proċeduri kriminali
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ kien hemm li dwaru l-Avukat Ġenerali ma tax il-kunsens tiegħu biex jinbdew proċeduri kriminali għal xi reat taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Flus (Leġislazzjoni Sussidjarja 233.07)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li ma teżistix statistika tal-inċidenza ta’ rifjut ta’ talbiet għat-tip ta’ kunsensi msemmija mill-Onor. Interpellant liema talbiet lanqas ma huma tant spissi. Madankollu jiena nfurmat li minn Settembru 2010 sal-lum kien hemm biss każ wieħed fejn l-Avukat Ġenerali ma kienx tal-kunsens tiegħu għall-bidu ta’ proċeduri taħt l-imsemmija regolamenti u dan minħabba li ma qabilx li l-ammont involut kien materjalment jeċċedi l-limitu permess mil-liġi.
Qorti tal-Appell – L-Ewwel Sezzjoni – appelli assenjati
Question
Jista' l-Ministru jgħid, fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm appelli assenjati lill-Ewwel Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar minn liema sentenzi u digrieti huma l-imsemmija appelli assenjati lill-Ewwel Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-Qorti ta’ Malta sad-9 ta’ Jannar, hemm 1,342 kawża assenjati l-Ewwel Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. L-Ewwel Sezzjoni tisma’ u tiddetermina l-appelli kollha li ma jiġux assenjati liż-żewġ Sezzjoni l-oħra tal-Qorti tal-Appell. Imma għandha dejjem tisma’ u tiddeċiedi l-appelli minn deċizjonijiet u appelli tal-Qortit’Għawdex u appelli li prima facie jidhru li huma ta’ natura kumplessa jew kumplikata jew li jkunu jeħtieġu trattazzjoni li teħtieġ aktar minn seduta waħda. L-Ewwel Sezzjoni tiddermina wkoll r-rikorsi ai termini tal-artikolu 24 tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kapitolu 255) li minn dan it-tip hemm 47 rikors pendenti.
Tajjeb li jingħad li l-appelli kollha jiġu assenjati lill-Ewwel Sezzjoni u jitqassmu lis-Sezzjonijiet l-oħra tal-appell meta jaslu biex jiġu appuntati.
Qorti tal-Appell – It-Tieni Sezzjoni — appelli assenjati
Question
Jista' l-Ministru, jgħid fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm appelli assenjati lit-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar minn liema sentenzi u digrieti huma l-imsemmija appelli assenjati lit-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-Qorti ta’ Malta sad-9 ta Jannar 2019, hemm 103 kawżi assenjati lit-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. It-Tieni Sezzjoni tisma’ u tiddetermina dawk l-appelli li l-Prim Imħallef jidhirlu li għandu jassenjalha skont kif tipprovdi l-Legislazzjoni Sussidjarja 12.11.
Qorti tal-Appell – It-Tielet Sezzjoni – appelli assenjati
Question
Jista' l-Ministru jgħid, fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm hemm appelli assenjati lit-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar minn liema sentenzi u digrieti huma l-imsemmija appelli assenjati lit-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-Qorti ta’ Malta sad-9 ta’ Jannar 2019, hemm 59 kawża assenjati lit-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell. In forza tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 12.11, it-Tielet Sezzjoni tisma’ u tiddetermina l-appelli mis-sentenzi u digrieti tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja), minn sentenzi u digrieti f’kawżi għal żgumbrament minn proprjetà immobbli u minn deċiżjonijiet tal-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8093 u jgħid meta ġie ppubblikat ir-rapport dwar ir-rispons li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) irċeviet kif imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7092? Jekk ir-rapport ġie ppubblikat, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? U jekk ir-rapport għadu ma ġiex ippubblikat, jista’ jgħid meta ser jiġi ppubblikat? Jista’ jpoġġi kopja tad-diversi risposti li saru fir-rigward tal-konsultazzjoni inkwistjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li r-rapport imsemmi ġie ppubblikat fl-4 ta’ Diċembru 2018 u qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ir-risposti fir-rigward tal-konsultazzjoni jinsabu fir-rapport.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8094 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7092 fejn il-Ministru għamel referenza għal ‘żviluppi ġurisdizzjonali riċenti ħafna’, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma dawn l-iżviluppi u x’inhu l-impatt tagħhom fir-rigward tat-tibdil li qed jiġi kkontemplat fil-liġi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’sentenza kostituzzjonali riċenti ġie stabbilit li filwaqt li entità pubblika li taqdi rwol regolatorju jista’ jkollha poter investigattiv, din ma jistax ikollha poter li tiġġudika u timponi piena, peress li mhijiex qorti skont l-Artikolu 39[1] tal-Kostituzzjoni. Apparti minn hekk, il-Qorti Kostituzzjonali stabbilixxiet ukoll li l-fatt li d-deċiżjoni ta’ entità pubblika setgħet tiġi kkontestata quddiem il-qrati ordinarji ċivili u eventwalment quddiem il-Qorti tal-Appell, ma kienx biżżejjed biex tali proċess ikun ikkunsidrat konformi mal-kostituzzjoni. Fid-dawl ta' dan, l-emendi proposti qed jiġu riveduti sabiex jirrifletti dan kollu.
Att dwar il-Kompetizzjoni – pubblikazzjoni tal-abbozz
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8095 u jgħid meta ser jiġi ppubblikat l-abbozz ta’ liġi li dwaru saret konsultazzjoni pubblika f’Awwissu 2018 fir-rigward tal-emendi proposti għall-Att dwar il-Kompetizzjoni u diversi liġijiet oħra, tenut kont ukoll tal-fatt li għaddew iżjed minn sentejn u nofs mid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fil-każ tal-Federation of Estate Agents, u li fl-intervall tul dan iż-żmien kollu d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) effettivament ma jistax jimponi sanzjonijiet qabel ma tinbidel il-liġi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-abbozz hu mistenni li jiġi ppreżentat din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ħames xhur mill-inawgurazzjoni tal-Pjazza f’Raħal Ġdida l-funtana ta’ quddiem il-Każin Laburista għadha bla ilma u fejn suppost isiru erba’funtani quddiem il-Knisja Kristu Re għad hemm koċċ żrar? Skont il-programme of works tal-proġett (qed nassumi li kien hemm programm) sa meta kellhom ikunu qed jaħdmu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-funtani ta’ quddiem il-Każin Laburista u l-funtani ta’ quddiem l-knisja ġew installati u żrar tneħħa. Saru ukoll xi provi tal-funtani jaħdmu, fadal xi ftit interventi tekniċi fejn jidħol l-apparat elettroniku biex il-funtani jkun jistgħu jibqgħu jaħdmu għat-tul taż-żmien. L-esperti tekniċi qed jaħdmu biex dawn il-Funtani jibdew jaħdmu malajr kemm jista' jkun.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – Konsulenti ngaġġati – ismijiet u ħlasijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4309 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hu responsabbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Imħallfin u Maġistrati – ftehim ta’ salarji u perkaċċi ġdid
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim il-ġdid dwar is-salarju u l-perkaċċi tal-Imħallfin u l-Maġistrati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-ftehim jitratta pilastru fundamentali tad-demokrazija tagħna u jkompli jsaħħaħ l-indipendenza tal-Pudikatura ta' pajjiżna.
Infakkar li kienu saru rakkomondazzjonijiet u suġġerimenti għal titjib tal-kundizzjonijiet tal-Ġudikatura min-naħa tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja, magħrufa aħjar bħala l-Kummissjoni Bonello.
Fil-fatt, il-Kummissjoni Bonello fir-rapport tagħha tindika b’mod ċar u inekwivoku, f’miżura 45, il-ħtieġa u n-neċessità li s-salarji tal-Ġudikanti “jiżdiedu b’mod li jirriflettu salarji u pensjonijiet ta’ ġudikanti Ewropej.” L-istess Kummissjoni tikkwalifika dan l-argument u tisħaq illi “Dan qed jingħad għax billi jiġu offruti salarji u pensjonijiet baxxi, mhux se jikkonkorru laħjar elementi fl-avukatura għall-ħatra, u l-għażla konsegwenzjali se tispiċċa limitata b’dan il-mod. Jekk ma jingħatax pakkett finanzjarju adegwat jaf jkun hemm persuni li għalkemm għandhom il-kwalifiċi kollha neċessarji sabiex iservu fuq il-bank tal-ġudikatura, ma jkunux disposti li jikkunsidraw jesprimu interess għall-ħatra ta’ ġudikant. Dan huwa fattur kruċjali biex din ir-riforma titwettaq b’suċċess.”
Dan is-sentiment kien ukoll rifless u ċentrali fid-diskors ewlieni tal-Prim Imħallef Emeritus, l-Onor. Dr Silvio Camilleri, fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-sena forensi, fit-3 ta’ Ottubru tal-2011, fejn saħansitra, f’dan ir-rigward, il-gazzetta “The Times” ikkwotatu jgħid “
I regret to say that it appears that the Executive does not give the administration of justice the value it deserves, independently of other considerations. It appears that the Executive gives priority to activities which it feels will generate revenue for the state or turn the wheels of the economy
.”
Fl-istess okkażjoni u fuq l-istess binarji, l-avukat Dr Reuben Balzan, li dak iż-żmien kien iservi bħala President tal-Kamra tal-Avukati, kien ikkwotat jgħid mill-ġurnal ‘MaltaToday’ li: "
The appointment of judges is not just any other job. It is a Constitutionally-protected role." U jkompli: "Any government of the day must always find a way to provide the judiciary with an adequate financial package.
”
F’dan il-kuntest, nieħu l-opportunità sabiex nfakkar lill-Onor. Interpellant li lura fis-sena 2011, u ċjoè taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, il-membri tal-ġudikatura kienu ddeċidew li jibbojkottjaw għadd ta' avvenimenti Nazzjonali u dan b’rabta mal-ilmenti tagħhom fir-rigward tas-salarji tagħhom li ċertament kienu jeħtieġu jiżdiedu.
Irrid ngħid li fi żmien Amministrazzjoni preċedenti kien sar titjib fil-kundizzjonijiet tal-Ġudikanti iżda però l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti ħasset li ma kienx biżżejjed.
Għaldaqstant dan il-Gvern ħass li kellu jaġixxi bi ftehim ġdid li mhux biss jirrifletti aħjar x-xogħol li jwettqu l-ġudikanti iżda wkoll jagħti serħan il-moħħ minn kwalsiasi vertenza li jista’ jkun hemm bejn il-ġudikanti u l-Gvern f’dan ir-rigward.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim il-ġdid li jikkonċerna s-salarji tal-Imħallfin u l-Maġistrati kif ukoll il-ftehim li kien sar għal titjib fil-kundizzjonijiet minn amministrazzjoni preċedenti.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 2819 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 187 tal-Erbgħa 23 ta' Jannar 2019.)
Persuni akkużati li għamlu dikjarazzjoni falza dwar flus
Question
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet akkużata fil-Qorti li għamlet dikjarazzjoni falza jew li m'għamlitx id-dikjarazzjoni dwar flus meta l-istess persuna kienet dieħla jew ħierġa minn Malta, jew meta kienet għaddejja fi transitu minn Malta? Jista' l-Ministru jgħid in-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati, kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' l-Ministru jgħid f'kemm il-każ il-Qorti ordnat il-konfiska tal-flus li ma ġewx iddikjarati favur il-Gvern ta' Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta ma tinżammx statistika fir-rigward ta’ persuni li jiġu akkużati fil-Qorti li għamlu dikjarazzjoni falza jew li m’għamlux id-dikjarazzjoni dwar flus meta l-istess persuni jkunu deħlin jew ħerġin minn Malta.
Mill-2013 sad-9 ta’ Jannar 2019, fil-Qorti ta’ Malta kien hemm 11-il każ fejn il-Qorti ordnat il-konfiska tal-flus favur il-Gvern meta l-akkuża kienet “dikjarazzjoni falza” jew “m’għamlitx dikjarazzjoni dwar flus”.
Matul l-istess perjodu fil-Qorti ta’ Għawdex ma kien l-ebda każ.
Raħal Ġdid – Pjazza – Triq Ninu Cremona – art pavimentata
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn wara biss ħames xhur mill-inawgurazzjoni tal-pavimentar tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, diġà hemm parti mill-art pavimentata fil-kantuniera ta’ Triq Ninu Cremona mal-pjazza, li sfrundat bil-konsegwenza li issa tqegħdet pjanċa tal-ħadid li qed tagħmel storbju sħiħ kull meta tgħaddi vettura minn fuqha bil-konsegwenza li mhux qed jitħallew jorqdu r-residenti tal-viċin? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu kontra min għamel xogħol daqstant dilettantesk u ħażin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat li l-ħsara li sofriet l-art fil-Pjazza Antoine De Paul kantuniera ma’ Triq Ninu Cremona ġiet ikkawżata minn trakkijiet kbar li jgħaddu mill-istess pjazza allavolja hemm tabelli li jindikaw li dawn it-tip ta’ vetturi mhux permess li jgħaddu. Madanakollu, appena s-Segretarjat responsabbli mill-proġett induna bil-ħsara mill-ewwel inġibdet l-attenzjoni tal-kuntrattur li immedjatament dan sewwa l-ħsara għas-spejjeż tiegħu.
Inżid ngħid li, wara intervent ta’ dan il-Ministeru, għall-ewwel darba ngħataw fondi fil-vot tal-kunsilli lokali sabiex jagħmel tajjeb għal proġetti kapitali magħmula mill-Gvern ċentrali. Dan għaliex, sal-lum il-kunsilli ma kellhomx vot għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti, ittri u/jew dokumenti oħra kollha li ntbagħtu mill-Gvern Malti lill-Group of States against Corruption (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropea mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull korrispondenza bejn il-Gvern u l-GRECO fl-istadju qabel ma joħrog ir-rapport hija kunfidenzjali. Sabiex jiġi pubblikat u jiġi reż pubbliku r-rapport finali magħmul mill-GRECO fil-konfront ta’ Stat jirrikjedi l-kunsens tal-Istat konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ kien hemm li fih Imħallef li jkun qagħad f'kawża irrakkomanda lill-President ta' Malta li persuna kkundannata tingħata maħfra jew tnaqqis tal-piena skont dak li jipprovdi l-artikolu 494 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid dwar liema reati kienu jirreferu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, f'kemm il-każ ingħatat maħfra u f'kemm il-każ ingħata tnaqqis tal-piena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi kien hemm kaz wiehed fejn Imhallef irrakomanda lill-President ta’ Malta li persuna kkundannata tingħata maħfra jew tnaqqis tal-piena skont dak li jipprovdi l-artikolu 494 tal-Kodici Kriminali (Kap 9 tal-Ligijiet ta’ Malta).
Informat li dan ma kienx l-ewwel każ ta din ix-xorta fl-istorja legali riċenti ta pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tax-Xandir investigatx artiklu li xxandar fuq is-sit “lovinmalta.com” u sussegwentament il-programm li xxandar fuq l-istazzjon Net tv bl-isem ta' 'Akila' fejn waqt l-istess programm, żewġ tfajliet minuri, li skont l-istess artiklu għandhom tlettax u ħmistax-il sena, ġew mistoqsija jekk kenux lesti jieħdu ritratti lebsin ‘lingerie’? https://lovinmalta.com/news/news-video/watch-7-total-wtf-moments-from-this-new-maltese-modelling-tv-show
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7835 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala Aġenzija tal-Gvern hu obbligat li jagħmel skont dak li jipprovdi l-artikolu 3 (5) (d) tal-Ordinanza dwar l-Avukat Ġenerali (Kap. 90 tal-Liġijiet ta' Malta) biex jiġu stabbiliti l-finanzjament tal-aġenzija kif ukoll il-ħidmiet li għandhom jiġu indirizzati u miksubin minnha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-mument qiegħed jiġi nnegozzjat ftehim ġdid, liema negozjati jinsabu fil-fażi finali tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja ġiet ippreżentata lill-Qrati jew awtoritajiet tar-Repubblika tal-Panama mill-Qrati jew awtoritajiet ta' pajjiżna, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew esegwiti, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Nattira l-attenzjoni għall-fatt li l-mistoqsija mhijiex ċara għal jekk l-Onor. Interpellant hux qed jirreferi għar-rikjesti mibgħuta lir-Repubblika tal-Panama mill-Awtoritajiet taˋ Malta jew vice versa. Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda.