Il-Kulleġġ ta’ Għawdex — Xogħlijiet ta’ manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25760, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u jelenka x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru, liema xogħlijiet ġew imħallsa mill-fondi tal-iskejjel rispettivi li jagħmlu parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex mill-perjodu Jannar 2023 sa Diċembru 2025? Jista’ jelenka kull biċċa xogħol li saret (għal kull skola), meta saret, kemm swiet u jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet sarux b’tender jew b’direct order?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Victoria, Għawdex – Triq Enrico Mizzi — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25761 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20887 tat-Tlettax-il Leġiżlatura, fir-rigward tax-xogħlijiet li saru matul ix-xahar ta’ Lulju 2020 mill-Ministeru għal Għawdex fuq parti minn Triq Enrico Mizzi ġewwa l-Belt Victoria, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa dan ix-xogħol u jgħid min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Perit inkarigat huwa Perit tal-Ministeru. It-testijiet li kien hemm bżonn saru kollha. Ix-xogħlijiet ġew jiswew Ewro 143,900 (excl VAT).
Awtorità tal-Ippjanar — illegalitajiet u kontravenzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ każijiet ta’ illegalitajiet jew kontravenzjonijiet fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet multa ta’ kuljum fejn intlaħaq il-massimu tal-multa, l-illegalità jew il-kontravenzjoni xorta baqgħu ma ġewx ikkorreġuti, u x’inhi l-azzjoni ulterjuri min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar li għadha pendenti? Fl-istess lista jista’ jindika n-numru ta’ referenza, meta ħarġet l-ewwel multa u meta ntlaħaq il-massimu ta’ multi għal kull każ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni nġabret mis-sistema informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar. L-Awtorità tal-Ippjanar tieħu azzjoni diretta biex tneħħi illegalitajiet skont il-prijorità ta’ każijiet pendenti.
Awtorità tal-Ippjanar — Kultivazzjoni tal-kannabis - Change of use
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25365 u fid-dawl li applikazzjonijiet għat-tibdil ta’ użu ta’ proprjetà jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux meħtieġ li ssir applikazzjoni għaċ-change of use mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex binja li ma tkunx qed tintuża għall-kultivazzjoni tal-kannabis tkun tista’ tiġi użata bħala faċilità għall-kultivazzjoni tal-kannabis?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hix biħsiebha terġa’ toħroġ l-iskema tar-restawr tal-faċċati f’żoni UCA u jekk iva, meta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma ġara fis-snin li għaddew, l-Awtorità qed tippjana li toħroġ skemi oħra ta’ restawr f’żoni UCA. Id-dettalji jitħabbru fil-mument opportun.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Konsulenti — Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-ingaġġar ta' konsulenti mill-Ministeru tiegħu, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi; min kienu dawn il-konsulenti; xi kwalifiki għandhom; x'inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għal kull servizz ta' konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll dawn il-konsulenti kif ingħataw dan ix-xogħol, jekk hux permezz ta' direct order jew tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Ħaddiema part-time
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati għandhom impjieg full-time xi mkien ieħor?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 26163.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari
Question
Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellu jirrispondi hu personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura Parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, jifhem li l-ordni tal-Interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmula interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.
PMC For Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-preliminary market consultation li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – ‘PMC For Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex’? Fiex wasal il-proċess biex tinħareġ offerta miftuħa għall-konċessjoni u kemm hu maħsub li se jkun it-tul tal-konċessjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 22148.
Ix-Xewkija – Proġett ta’ mmodernizzar tal-Heliport, tal-Helipad u tar-Runway
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-proġett tal-immodernizzar tal-faċilitajiet tal-Heliport kif ukoll il-Helipad u r-Runway fix-Xewkija u fiex waslu t-tħejjijiet biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol meħtieġ? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar u sena hu maħsub li jinbdew ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġu finalizzati t-technical specifications u l-BOQ’s sabiex tkun tista toħroġ is-sejħa għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jagħti d-data definittiva ta’ meta ser isir it-twaqqigħ tal-proġett li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li nbena illegalment f’sit li jinsab tul parti mix-Xatt tal-Gżira u Ta' Xbiex u li l-ispazju jingħata lura liċ-ċittadini u jerġa' jinfetaħ għall-pubbliku, u dan ġaladarba nhar id-19 ta' Frar 2025 il-Qorti tal-Appell (Kompetenza Inferjuri) irrevokat id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar tal-31 ta’ Ottubru 2024 peress li l-imsemmi żvilupp mhux permess u għalhekk il-Qorti ddikjarat li l-permess PA 680/22 “huwa bla siwi u għalhekk null fil-liġi”?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Fil-każ tal-konċessjoni ta’ marina fuq ix-xatt ta’ Ta’ Xbiex, magħrufa bħala Gardens Marina, u li ngħatat wara sejħa pubblika fl-2020, l-Awtoritajiet qegħdin jevalwaw d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, anki billi għadu qed jiddekorri t-terminu li fih tista’ tiġi intavolata ritrattazzjoni mill-imsemmija deċiżjoni tal-Qorti, li għalhekk għadha mhux definittiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm riżenji ta’ ħaddiema mill-Awtorità tal-Ippjanar minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll:
i. f’liema grad kienu l-persuni li rriżenjaw minn ma' din l-awtorità;
ii. kemm minn dawn l-impjiegi mtlew minn persuni ġodda;
iii. kemm minn dawn l-impjiegi mtlew minn persuni li diġà kienu jaħdmu mal-istess awtorità; u
iv. kemm minn dawn l-impjegi għadhom vakanti u x’inhi r-raġuni għal dan?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 19-il riżenja minn Jannar 2023. Kien hemm 4 persuni ġodda li mlew dawn il-karigi u 3 persuni oħra li kienu diga jaħdmu mal-istess awtorità.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Manutenzjoni tat-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huwiex responsabbli mill-manutenzjoni tat-toroq kollha ġewwa Għawdex u jekk iva, kemm ilu responsabbli?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huwa responsabbli mill-manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Ħaddiema ‘part-time’
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu u fis-Segretarjat tiegħu li jaħdmu 'part-time' u x'inhu l-grad tagħhom? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta’ xogħol jagħmlu, kemm ilhom jaħdmu part-time u kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 26163 Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Ħaddiema ‘part-time’.pdf
CT2019/2025 — 'FRAMEWORK AGREEMENT (WITH MANUAL CALL-OFFS/JOB ORDERS) FOR THE PROVISION OF LONG-TERM CARE BEDS IN GOZO FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING WITH REDUCED ENVIRONMENTAL IMPACTS'
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa: CT2019/2025 - 'Framework Agreement (With Manual Call-Offs/Job Orders) for the Provision of Long-Term Care Beds in Gozo for the Ministry for Gozo and Planning with Reduced Environmental Impacts' u għaliex inħasset il-ħtieġa li toħroġ din is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll:
i. kemm hu l-valur u għal kemm hu;
ii. il-perjodu ta’ żmien ta’ din is-sejħa;
iii. min kien/kienu qed jipprovdi/u dan is-servizz li hemm mitlub f'din is-sejħa f'dawn l-aħħar xhur u snin ġewwa Għawdex;
iv. kemm tħallas għal dan is-servizz;
v. meta kienet l-aħħar li ħarġet din is-sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa CT2019/2025 tikkonċerna Ftehim Qafas għall-Provvista ta' Sodod għal Kura fit-Tul f'Għawdex. Il-ħtieġa għal din is-sejħa oriġinat mill-impenn tal-Gvern li jespandi u jtejjeb is-servizzi tal-kura fit-tul għaċ-ċittadini Għawdxin. Dan huwa servizz addizzjonali li jirrispondi għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tas-soċjetà tagħna, b'attenzjoni speċjali għall-kwalità tal-kura u l-kontinwità tas-servizz. Il-Gvern huwa impenjat li mhux biss iżid l-għadd ta' sodod disponibbli, iżda wkoll li jtejjeb b'mod sinifikanti l-kwalità tas-servizz offrut lill-persuni li jeħtieġu kura fit-tul. Fir-rigward tad-dettalji speċifiċi, il-valur u l-perjodu taż-żmien huma kif ippubblikat fit-tender.
Fid-dawl li t-triq ġdida fil-Qala mmarkata b’żewġ sinjali ħomor fil-pjanta mehmuża, liema triq tgħaqqad Triq il-Wardija ma’ Triq it-Tletin t’Ottubru 1948, fejn hemm mijiet ta’ sidien li għadhom qed jistennew li t-triq tingħata t-tarmak ġaladarba l-iżviluppaturi ilhom li lestew tali appartamenti u diġà tħallsu l-kontribuzzjonijiet dovuti għall-infrastruttura neċessarja snin ilu, jista’ l-Ministru jgħid meta se tingħata t-tarmak?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq mistennija jsiru fix-xhur li ġejjin.
Energy Performance of Buildings Directive (EU/2024/1275)
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25827 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid f’liema proċess waslet l-implimentazzjoni tal-Energy Performance of Buildings Directive (EU/2024/1275), x’bidliet saru, u sa meta jippjana li jkunu qed jiġu implimentati l-bqija tal-bidliet mitluba mid-direttiva?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Persuni b'diżabilità - Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati direttament mal-Ministeru tiegħu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' persuni u x'tip ta' xogħol iwettqu? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat lill-kollega tagħha għall-mistoqsija parlamentari 24614, ġejt infurmat illi l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva u privata tagħha. Intenni illi l-Gvern jibqa’ kommess li japplika politiki u mizuri inklussivi fuq il-post tax-xogħol biex jissaħħah l-istatus ta’ persuni b’dizabilita’ impjegati kif spjegajt fl-interpellanza su referita.