Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani Għawdxin – servizz ta’ helper fid-dar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3813, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi u jekk iva, x'tip ta' żviluppi kien hemm f'dan ir-rigward?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Novembru sal-lum bdew jagħtu s-servizz erba assistenti soċjali ġodda, li qed jaħdmu perezz ta’ tender, u li qed jaqdu 41 dar. Min-naħa l-oħra, irritornaw lura għax-xogħol - wara l-leave tal-maternita’ - żewġ assistenti soċjali li bejniethom qed jaqdu 29 dar. Il-kuntrattur offra li min irid jista jaħdem overtime u d-differenza tħallasha l-kumpanija. B’dan il-mekkaniżmu tal-overtime qed jinqdew 12-il dar.

Animal Welfare Officers — Ħaddiema

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 2811, 3428, 3643 u 3822, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid min hi l-persuna li tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha? Jista' jgħid ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna? Jista' jgħid b'mod speċifiku kemm hemm Animal Welfare Officers f'din it-taqsima? Jista' jgħid xi grad għandhom it-tliet ħaddiema klerikali li hemm f'din it-taqsima?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma ngħad fir-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet 2811, 3428, 3643 u 3822, din is-sezzjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tad-direttur ta’ EkoGħawdex. L-uffiċjali li jaħdmu f’din it-taqsima huma impjegati mal-Ministeru għal Għawdex jew huma impjegati tal-Community Workers Scheme. L-informazzjoni l-oħra mitluba ġiet provduta fl-erba’ tweġibiet l-oħra kollha u l-grad li għandhom dawn it-tliet uffiċjali jippermetti li jsir ix-xogħol amministrattiv u klerikali kollu li jkun hemm bżonn.

Għawdex – Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma – twaqqigħ ta’ numru ta’ stallel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3630 u 3821: B'referenza għax-xogħlijiet ta' twaqqigħ ta' numru ta' stallel taż-żwiemel fil-Korsa taż-Żwiemel f'Ta’ Xħajma, minħabba li ngħad li kienu f'qagħda perikoluża li iżda sal-ġurnata qabel twaqqgħu kienu għadhom qed jintużaw mis-sidien taż-żwiemel biex fihom ipoġġu ż-żwiemel tagħhom qabel u wara t-tiġrijiet, jista' l-Ministru jgħid dan ix-xogħol kienx kopert bil-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar permezz ta’ applikazzjoni ta' Dangerous Structures (DS) u jekk iva, iqiegħed kopja ta' dan il-permess fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol ta' twaqqigħ, kif intgħażel u kemm ġie jiswa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 3630 fejn diġà tajtu l-ispjegazzjoni mitluba rigward it-tneħħija tal-periklu. It-tneħħija tal-periklu saret taħt s-superviżjoni ta’ perit tal-Ministeru għal Għawdex, filwaqt li l-eżekuzzjoni saret mill-Awtorità kkonċernata.

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4041 u jgħid meta ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern il-listi ta' Direct Orders dipartimentali mogħtija mid-direttorati u diviżjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bejn l-1 ta' Jannar 2021 u l-31 ta’ Ġunju 2021 u bejn l-1 ta' Lulju 2019 u t-30 ta' Diċembru 2021 skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-listi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata perjodikament fuq il-gazzetta tal-Gvern. Qed inpoġġi kopji fuq il-Mejda tal-Kamra, imma għal darb'oħra ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni jista’ jsibha online u b’hekk niffrankaw kemm il-ħin kif ukoll il-karti.

Għawdex – Skejjel Primarji ta’ Kerċem, Żebbuġ, Għarb u diversi skejjel oħra – xogħol ta’ tisbiħ u modernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3647 u 4088 u jgħid matul is-sena 2022 sal-lum kemm kienet in-nefqa: a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem; b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ; ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb; d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex? F'kull każ, jista' jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex minn l-elezzjoni 'l hawn ingħata r-responsabbiltà tal-iskejjel f’Għawdex. Preżentament għaddejjin xogħlijiet maġġuri fuq l-iskola primarja l-ġdida tar-Rabat, Għawdex b’investiment kapitali ta’ aktar minn €16-il miljun u kif ukoll fl-iskola primarja tan-Nadur fejn ninsab ċert li jaf x’jikkonsistu x-xogħlijiet u li fuq din l-iskola qed jiġu investiti mal-ħames miljun Ewro . Kif għamilna suċċess fil-qasam tal-infrastruttura ta’ gżiritna wara ħamsa u għoxrin sena ta’ telqa minn Gvern Nazzjonalista, hekk sa ngħamlu wkoll fejn jidħlu l-iskejjel tagħna fejn dawn ukoll wara ħamsa u għoxrin sena ġew mitluqa taħt Gvern Nazzjonalista.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fi grad mediku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4042 u jgħid kemm kien hemm impjegati mediċi (Allied Health Practitioner, Senior ECG technician, Enrolled Nurse, Nursing Aide, Health Assistant eċċ.) impjegati fuq il-kotba tal-Ministeru, u fejn qed jaħdmu, maqsuma sena b'sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm kien hemm minn dawn il-ħaddiema li bla ma ħarġet sejħa, inqalbu minn grad Mediku għal grad Industrijali jew Tekniku? Jista’ jispjega x'inhu l-proċess biex wieħed jaqleb minn grad Mediku għal grad Tekniku jew Industrijali mingħajr ma toħroġ sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tingħata fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Riżenji ta’ direttur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat kienx hemm riżenja ta' direttur u jekk iva, ta' liema direttorat u min fil-preżent qed jaqdi l-funzjonijiet ta' dan id-direttorat? Jista’ jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġi ingaġġat direttur ġdid?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2022 kien hemm riżenja tad-Direttur tas-Servizzi Korporattivi. Bħalisssa għaddej il-proċess ta’ mili ta’ vakanzi ta’ Diretturi biċ-Ċirkolari OPM16/2022.

Ministeru għal Għawdex — Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4086 kollha kemm hi (intera) u jgħid ukoll jekk fl-aħħar ġimgħat inħarġux calls biex jiżdiedu Diretturi jew Assistenti Diretturi ġodda? Jekk iva, għaliex inħasset il-ħtieġa li jkomplu jiżdiedu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalisssa għaddej il-proċess ta’ mili ta’ vakanzi ta’ Headship Positions biċ-Ċirkolari OPM16/2022.

Għawdex – proġett għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr u Triq il-Madonna ta’ Lourdes f’Għajnsielem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta' Lourdes f'Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr)? Jista jgħid x'sar matul is-sena 2022 fuq dan il-proġett u kemm intefqu flus matul din is-sena fuq dan il-proġett u għal xiex intefqu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22730.

In-Nadur – Triq l-Imġarr – crash barriers

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2183 fejn kien ġie mwieġeb "li x-xogħol fuq il-crash barriers qiegħed jitkompla u mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin" jista’ l-Ministru jgħid għala għaddew iktar minn xahrejn u għadu ma tlestiex? Jista jgħid ukoll għala f'dawn l-aħħar ġimgħat ma tkompliex ix-xogħol fuq il-crash barriers f'din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet skont il-pjanijiet.

Ministeru għal Għawdex – tħawwil ta’ siġar u arbuxelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn tħawlu siġar u arbuxelli mill-Ministeru għal Għawdex mill-elezzjoni sal-lum? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża biex tħawlu u minn min sar ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu mitlub tħawlu mal-mitejn u għoxrin siġra u arbuxell. Ix-xogħol sar mill-ħaddiema tad-Direttorat għall-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Is-siġar u arbuxelli mħawla huma kollha pjanti mkabbra fil-mixtla tal-Ministeru fid-Dawwara ta' Kerċem.

Ministeru għal Għawdex — uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3713 kollha kemm hi (intera) u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-uffiċjali kollha minn Manager, Manager I u Manager II ’il fuq (sa DG) fil-Ministeru għal Għawdex, bid-dettalji tar-responsabiltajiet tagħhom u l-pakkett sħiħ ta’ kull uffiċjal u kemm ilhom (inkluż snin u xhur) f'din il-kariga?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 3713 fejn hemm il-lista sħiħa bl-iskali. Il-lista tal-managers se tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — Recovery and Resilience Facility Fund (RRF) - fondi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġetti u inizjattivi li Għawdex se jibbenefika minnhom permezz tal-programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea 'Recovery and Resilience Facility Fund (RRF)' fix-xhur li ġejjin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada, qed jipproċedu bil-proġett estensiv ta’ rinovar tal-iskola primarja fin-Nadur. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mir-Recovery and Resilience Facility Fund.

Mġarr, Marsalforn u x-Xlendi, Għawdex – “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities”

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 3634 u 3823 dwar is-sejħa li ħareġ il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġimgħat għal “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities situated at Mġarr, Marsalforn and Xlendi, Gozo” jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija intera (kollha kemm hi) u jgħid ukoll min kien qed joffri dan is-servizz, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm kienet l-ispiża, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà rrispondejtu fil-mistoqsija parlamentari 3823 fejn l-użu ta’ tali tender għadu ma bediex.

Ministeru għal Għawdex – ħruġ ta’ tender għas-servizz ta’ sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar it-tender li nħareġ għas-servizz ta' sigurtà mill-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid min kienu l-kontendenti u min intgħażel biex jagħti dan is-servizz? Jista' jgħid ukoll kemm jiswa dan il-kuntratt u għal kemm-il sena hu dan it-tender, u jelenka s-servizzi kollha li se jkunu qed jingħataw u fejn se jingħataw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni u għaldaqstant l-informazzjoni kif mitluba ma tistax tingħata f’dan l-istadju.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fi grad ta’ supervisor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sal-aħħar ta' Ottubru 2022 kemm kien hemm ħaddiema fil-Ministeru tiegħu fil-grad ta' supervisor, kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista’ jgħid ukoll ma’ liema Direttorat/Diviżjoni fi ħdan il-Ministeru ta' Għawdex jaħdmu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta' Ottubru 2022 kien hemm 54 ħaddiem fi grad ta’ supervisor fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Ix-Xagħra Għawdex – Triq ta’ Stellini — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet fadal isiru fi Triq ta' Stellini fix-Xagħra, Għawdex? Jista' jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol, u għala f'dawn l-aħħar ġimgħat ma tkompla ebda xogħol f'din it-triq? Jista’ jgħid meta ser jitkompla x-xogħol f'din it-triq u meta ser titlesta minn kollox?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà aġġornat f’mistoqsija parlamentari 1382, wara li għal għexieren ta’ snin din it-triq kienet bla drenaġġ, ftit tax-xhur ilu sar id-drenaġġ, filwaqt li x-xogħlijiet l-oħra ser jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għal Għawdex – għajnuna f’fondi lil parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja f'Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu, jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu minn Jannar 2020 sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ kemm kien l-ammont jew għajnuna oħra li ngħatat jew ġie miftiehem li tingħata lil kull parroċċa u għal liema skop ingħatat u minn liema Direttorat jew Diviżjoni ngħatat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex — karozzi elettriċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ma għandux karozzi tal-elettriku leased.

Għawdex – nefqa fil-qasam kulturali

Question

B'referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 3689, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha kemm hi dwar in-nefqa totali fil-qasam kulturali f'Għawdex għas-snin 2018, 2019, 2020 u 2021 u jagħti break down ta' din in-nefqa sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-twegiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari bin-numru 3689.