Legislature:
Category:
Reset
Active:

Powerstation tal-Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se isir miż-żona tal-Power Station tal-Marsa wara li tingħalaq?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la darba l-power station tal-Marsa tiġi magħluqa, iż-żona se tiġi integrata fil-pjanijiet tal-Grand Harbour Rehabilitation Corporation.

Cable bejn Malta u Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-pjan li nqabdu l-cable minn Malta għall-Sqallija biex imbgħad inkunu parti mill-grid tal-Ewropa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġett qiegħed fi stadju fejn erba' kumpaniji ġew ikkwalifikati biex jitfgħu il-bids għat-tender li qed tiġi ppreparata.

Powerstation ta' Delimara — heavy fuel oil

Question

Jista' l-Ministru jgħid jew jiċħad l-allegazzjonijiet li qed tingħata li t-teknoloġija li taħdem b'heavy fuel oil se tintuża fil-Power Sation il-ġdida ta' Delimara fejn l-emissjonijiet tagħha iqqabdu l-kanċer, problema fin-nifs u jħallu tunellati ta' skart tossiku kuljum?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi huwa kkonfermat li l-Enemalta qed tippjana biex topera l-power station il-ġdida ta’ Delimara billi tuża fuel bħalma qiegħed jintuża sew ġo Delimara u l-Marsa li hu heavy fuel oil. L-allegazzjoni li dan il-fuel jikkaġuna cancer u problemi fin-nifs mhux minnu u l-iskart li ħa jipproduċi l-impjant jiġi esportat. L-impjant jikkonforma ma' l-aħħar legislazzjoni tal-EU. L-Onorevoli Interpellant jista’ ukoll jirreferi għal ‘Environment Impact Statement’ li hu ppreparat għal dan il-proġett u li jinsab fuq il-website tal-MEPA.

kuntratti reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' kuntratti li ġew reġistrati matul is-sena 2009 u 2008 rispettivament? Kemm kien hemm minn dawn il-kuntratti li għalihom ma ġiex aċċettat il-valur kif dikjarat fil-kuntratt u li għalhekk intbagħat perit imqabbad mid-dipartiment biex jerġa' jagħmel stima tal-valur tal-proprjetà li kienet inbiegħet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ kuntratti li ġew reġistrati matul is-sena 2008 u s-sena 2009 huwa ta’ 12,190 u 11,740 rispettivament. Għas-sena 2008, 5,704 kuntratti ġew riferuti lill-periti mqabbda mid-dipartiment tal- Capital Transfer Duty biex jagħmlu spezzjoni tal-proprjetà immobbli, filwaqt li għas-sena 2009 n-numru ta’ kuntratti riferiti kien ta’ 5,488.

Stallazzjoni ta' Smart Meters

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt iffirmat mal-IBM International biex jiġu stallati smart meters f'Malta u Għawdex filwaqt li jsiru stallazzjonijiet oħra meħtieġa biex tali infrastruttura tkun tista' tkun operattiva?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — kumitat imwaqqaf wara l-qtugħ tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-ad hoc committee li l-Ministru kien talab lill-Korporazzjoni Enemalta twaqqaf wara l-qtugħ tad-dawl nhar il-Ġimgħa il-Kbira? Jista' jippubblika t-terms of reference tagħhom? Jista' jgħid jekk miż-żmien li twaqqaf il-kumitat sal-lum irrikorrewx għas- servizzi ta’ inġiniera barranin? Jekk iva min huma, x’terms of reference kellhom, kif intgħażlu u minn min?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Il-Membri kollha ta’ dan il-kumitat huma ta’nazzjonalità Maltija.

power station ta' Delimara — consumer research study

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min sar il-consumer research study dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku f'pajjiżna, inkluż l-estensjoni tal-power station ta' Delimara? Meta ġie kkummissjonat u meta tlesta? Kemm ġew intervistati nies? Liema kumpanija nediet dan l-istudju? Kemm tħallset tiegħu? Jista' jqiegħed kopja tal-findings tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Divoluzzjoni tal-Artijiet tal-Knisja — flus mingħand il-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għadda flus il-gvern lill-Kurja kull sena mis-sena 1999 sas-sena 2009 skont il-ftehim tad-divoluzzjoni tal-artijiet tal-knisja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif hemm stipulat f’ Artiklu 7 tal-Ftehim li kien sar bejn il-Gvern u l-Knisja, bejn l-1999 u l-2009 il-Gvern ħareġ Stock lill-Fondazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja għall-ammonti murija f’ din it-tabella: SENA Stock lill-Fondazzjoni 1999 € 461,617 2000 € 291,172 2001 € 410,426 2002 € 155,369 2003 € 4,003,727 2004 € 678,799 2005 € 3,390,636 2006 € 10,338,690 2007 € 6,542,600 2008 € 13,670,000 2009 # # L-ammont li jrid jinħareġ bħala stock fis-sena 2010 b’ konsegwenza tad-dħul gross minn bejgħ ta’ proprjetajiet fis-sena 2009, għad irid jiġi determinat mill-Uffiċċju Konġunt.

Stocks, bonds u shares tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Borża ta' Malta tieħu passi sabiex stocks, bonds u shares ma jinħarġux għall-bejgħ lill-pubbliku bi prezz esaġerat jew li jirrifletti il-valur reali tagħhom fis-suq?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qabel xejn, ta’ min wieħed ifakkar li l-funzjoni tal-Borża fis-suq kapitali hija primarjament dik li tipprovdi il-faċilitajiet kollha meħtieġa biex ikun jista’ jsir negozju ta’ ishma jew bonds bejn dawk l-investituri li jixtiequ jixtru u dawk li jixtiequ jbiegħu u dan b’mod organizzat u skont regoli eżistenti u magħrufa. Mhux ir-rwol tal-Borża li taġixxi ta’ regolatur tas-suq kapitali. F’Malta, is-suq kapitali tagħna, bħas-swieq simili f’pajjiżi oħra, huwa maqsum fi tnejn, dak magħruf bħala s-suq primarju u dak sekondarju. Fis-suq primarju, tkun l-istess kumpanija li ser toħroġ bonds jew ishma għall-bejgħ lill-pubbliku, li tiffissa l-prezz li bih dawn il- bonds jew ishma jridu jinbiegħu. Huma, għalhekk, id-diretturi tal-kumpanija li jiffissaw il-prezz (fil-każ ta’ l-ishma) jew ir-rata ta’ mgħax (fil-każ ta’ bonds ) u dan il-prezz jew rata jaslu għalih wara li jikkonsultaw ma’ l-konsulenti professjonali tagħhom. M’għandhiex xi ngħidu, jekk id-diretturi tal-kumpanija jiffissaw prezz għoli wisq għall-ishma jew rata baxxa wisq għall- bonds , ikunu qed jissugraw li dawn l-ishma jew bonds ma jinbiegħux fis-suq primarju. Fis-suq sekondarju, il-prezz ta’ kull bond jew sehem jinbidel skont iċ-ċaqlieq iddettat mis-suq. Il-prezz fis-suq jiġi stabbilit kuljum u jista’ jinbidel minħabba ħafna fatturi fosthom il-livell ta’ domanda u offerta għal dak il- bond jew sehem partikolari, kif l-investitur iħares lejn il-futur tal-kumpanija li tagħha jkollu l-ishma jew bonds , il-qagħda ġenerali tal-ekonomija tal-pajjiż eċċ. Joħroġ ċar għalhekk illi mhux il-kompitu tal-Borża li b’xi mod tipprova tinfluwenza il-prezz ta’ bonds jew ishma la fis-suq primarju u lanqas f’dak sekondarju. Wisq anqas huwa il-kompitu tagħha li tieħu xi passi fuq il-livell tal-prezzijiet fis-suq.

Testijiet fuq is-sistema tal-automated meter pilot project

Question

Jista l-Ministru jghid meta se jintemmu t-testijiet fuq is-sistema tal-automated meter pilot project ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li testijiet u titjib fuq is-sistema huma fuq bażi regolari u dawn se jibqgħu għaddejjin anke wara l-istallazzjonijiet inizjali. Madanakollu, huwa mistenni li l-ittestjar fuq din il-fażi tal-proġett pilota, tiġi fi tmiema sa l-aħħar ta’ Mejju 2010.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma — Kumpanija Arms

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu kontijiet tad-dawl u l-ilma kemm ilha topera l-kumpanija ARMS u kemm huma dawk li qed jibbenefikaw mis-sistema tal-payment installment plans?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn kemm ilha topera l-kumpanija ARMS taħt is-sistema ġdida, jiġifieri mil-bidu ta’ Jannar 2010 s’issa, inħarġu b’kollox 261,694 kont tad-dawl u l-ilma. Dawn inħarġu hekk: JANNAR 32,415 FRAR 83,861 MARZU 67,908 SAL-23 TA’ APRIL 77,510 Rigward is-sistema tal- payment installment plan ; l-ammont ta’ nies li bbenfikaw minn din is-sistema, mil-bidu ta l-2010 s’issa, kien ta 2657 u huma maqsumin hekk: Bidu ta’ l-2010 – s’issa PENSJONANTI (IL-FUQ MINN 61-SENA) 395 RESIDENZI OĦRAJN 1774 ENTITAJIET KUMMERĊJALI 488

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ħaddiema mal-Private Staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema impjegati u/jew seconded mal-Private Staff tal-Ministru u segretarju parlamentari? Jista' jgħid x'inhu l-grad li għandhom u jekk humiex impjegati taċ-Ċivil? F'każ ta' persuni seconded mal-Ministeru, minn fejn huma seconded jew on loan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

BWSC — estensjoni tal-powerstation ta' Delimara

Question

B'referenza għall-kuntratt li l-gvern iffirma mal-BWSC fuq l-estensjoni tal-powerstation ta' Delimara, jista' l-Ministru jgħid: a) min iddraftja dan il-kuntratt; b) liema kien l-uffiċċju legali li ta l-pariri legali lill-gvern fuq l-istess kuntratt u kemm tħallsu; u ċ) min kienu l-firmatarji li dehru in rappresentanza tal-gvern Malti u l-BWSC fuq l-istess kuntratt? Jista' jpoġġi kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Good Causes Fund — lista ta' entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta lista tal-entitajiet li ġew mogħtija fondi mill-Good Causes Fund minn Marzu 2008 sal-lum? Kemm kienu l-ammonti li ngħataw lil kull entità?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex għall-dawk il-fondi mogħtija mill-Good Causes Fund għas-snin 2008 u 2009 jirreferi għar-rapporti annwali tal-Good Causes Fund li jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fil-bidu ta’ kull sena. Fl-istess ħin qed nippreżenta lista ta’ dawk l-entitajiet li ġew mogħtija fondi mill-Good Causes Fund minn Jannar sa April ta’ l-2010.

investiment barrani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li sar investiment barrani fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Fiex kien jikkonsisti u f'liema setturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni dwar investiment barrani f’Malta għall-ewwel kwart tal-2010 tinsab fi stadju ta’ kumpilazzjoni.

Qtugħ ta' dawl waqt il-Quddiesa tal-Papa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li nqata' d-dawl waqt il-Quddiesa tal-Papa fuq il-Fosos tal-Furjana nhar it-18 ta' April f'xi inħawi ta' Malta? Liema kienu l-inħawi milquta? Huwa minnu li għal ftit ħin kienet affettwata t-trasmissjoni tal-Quddiesa fuq ir-RAI?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi meta nqata’ d-dawl fuq il-Fosos ma ġarax ħabba l-Enemalta imma fault għax kien hemm ħsara fl-installazzjoni temporanja li kienet qed tiġi operata mill-kuntrattur imqabbad mill-Kurja. Il-qtugh tad-dawl li seħħ f’B’Kara, Lija u Balzan ġara minħabba cable fault, u ma kienx relatat ma’ dak li ġara il-Fosos.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — uffiċċju fil-Belt

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16417, jista' l-Ministru jwieġeb parti mill-mistoqsija oriġinali li baqgħet mhux imwieġba u jgħid jekk jaħsibx li huwa ġust li kulħadd qed jiġi mġiegħel jitla' Ħal Luqa b'inkonvenjet kbir għal bosta, b'mod partikolari għall-anzjani u nies li m'għandhomx trasport? Peress li fit-tweġiba li l-Ministru irreferieni għall-mistoqsija parlamentari 16378, x'qed iġiegħel lill-Ministeru tiegħu jieħu daqshekk fit-tul biex isib post ieħor fil-Belt biex iservi ta' uffiċċju għall-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jaqdi bl-aħjar mod lill-konsumaturi wara li ngħalaq l-uffiċċju li kien hemm fil-Belt?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Twaqqif ta' percipitators

Question

Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsijiet parlamentari 16071, 15536, 15016 u 14644 u jispjega kif waqt li fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 13554, il-Ministru ta’ qablu responsabbli mill-Korporazzjoni Enemalta Austin Gatt, qal li l-precipitators li huma stallati fuq tliet boilers fil-Marsa Power Station għal numru ta' xhur matul l-2009 ġew imwaqqfin mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minħabba li nħarġet stop notice fuq il-kuntrattur li jieħu ħsieb li l-flyash titneħħa skont ir-regoli, min-naħa l-oħra l-awtorità f'rapport datat Novembru 2009 qalet li l-Korporazzjoni Enemalta minn rajha waqqfet dawn il-precipitators?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

flus miġbura mit-taxxi tal-poplu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16397 u jgħid kemm kien l-ammont tal-flus miġbura mit-taxxi tal-poplu f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.