Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed jitfassal pjan għall-kosta mill-bajja ta’ San Blas sa Wied l-Għasri? Jekk fl-affermattiv, min qed ifasslu? Kif ingħata l-kuntratt?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li din il-wegħda elettorali hi ppjanata li sseħħ aktar tard f'din il-leġislatura.
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar kull sena mill-2007 ‘l hawn biex Għawdex isir gżira organika fil-qasam tal-agrikoltura?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-2007 'l hawn sar kors għall-bdiewa dwar il-limitazzjoni ta' l-użu tal-pestiċidi u awareness dwar l-impatt tagħhom. Il-MEPA ħarġet politika ġdida dwar l-agrikoltura.
Fil-kuntest ta' l-istrateġija Eko-Għawdex se jkun studjat kif il-biedja organika tista' tkun żviluppata b'mod sostenibbli f'Għawdex (anke mil-lat ekonomiku).
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar minn April 2008 ‘l hawn biex jinħolqu attrazzjonijiet turistiċi ġodda f’Għawdex? X’inhuma l-attrazzjonijiet li se jinħolqu u f’liema lokalitajiet huma?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex jieħu diversi inizjattivi waħdu u flimkien ma' entitajiet oħra biex jinħolqu attrazzjonijiet għat-turisti f'Għawdex. Wieħed mill-proġetti ewlenin huwa l-preparazzjoni ta' Master Plan għaċ-Ċittadella li permezz tiegħu qed jiġi ndividwati possibiltajiet t'attrazzjonijiet ġodda ġewwa ċ-Ċittadella li eventwalment isiru aċċessibbli għall-pubbliku. Il-Ministeru kkollabora wkoll ma' entitajiet bħal Wirt Għawdex fir-restawr tat-Torri ta' Mġarr ix-Xini kif ukoll fuq il-Kappella ta' Santa Ċeċilja biex meta jitlestew ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku. Fil-fatt it-Torri ta' Mġarr ix-Xini ser jinfetaħ għall-pubbliku fil-jiem li ġejjin. Matul is-sena wkoll jittieħdu diversi inizjattivi ta' natura kulturali fosthom l-organizazzjoni ta' wirjiet temporanji, kunċerti u avvenimenti kulturali. Kemm jista' jkun dawn l-inizjattivi jsiru f'diversi lokalitajiet madwar Għawdex. Avveniment prinċipali bħal dan kienet Lejlet Lapsi x-xahar l-ieħor. Il-Ministeru għal Għawdex jgħin u jikkollabora wkoll ma' Kunsilli Lokali fl-organizazzjoni ta' attivitajiet kulturali fil-lokalita' tagħhom.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuwa l-pjan għall-protezzjoni tal-ħamrija mill-erożjoni f’Għawdex u x’sar s’issa fuqu? Min fassal il-pjan? Kif ingħata l-kuntratt?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-pjan imsemmi huwa magħmul minn sett ta' miżuri li flimkien iwasslu għal inqas telfien ta' ħamrija. Dawn il-miżuri ġew identifikati minn uffiċjali fil-Ministeru għal Għawdex. Issa jmiss li dawn il-miżuri jiġu studjati fil-kuntest partikolari ta' Għawdex u jitħejja pjan t'azzjoni li jkopri l-gżira.
Sa issa ma ngħata l-ebda kuntratt għal dan ix-xogħol.
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar minn April 2008 ‘l hawn għall-iżvilupp ta’ ċentru ta’ faċilitajiet sportivi fl-inħawi ta’ Xħajma?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jara kif jagħmel l-aħjar użu minn dan is-sit għall-benefiċċju tad-dilettanti taż-żwiemel kif ukoll għal dixxiplini sportivi oħra.
Tista' l-Ministru tiddikjara x'sar mill-aħħar elezzjoni fit-twettiq tal-wegħda li Għawdex issir gżira ekoloġika? X'inhuma l-miri ewlenin tal-Gvern biex dan l-istatus ta' eko-Għawdex jintlaħaq? Liema huma t-timeframes skont kull mira (turiżmu, kwalità ta' l-arja eċċ.)?
Tista' ukoll tindika kemm ġew allokati fondi mill-aħħar elezzjoni ġenerali 'l hawn biex tiġi implimentata din il-wiegħda u tispjega kull line item? Stante li fil-website www.eco-gozo.com hemm parti fejn wieħed jista' jagħti s-suġġerimenti tiegħu, tista' tiddikjara (1) kemm daħlu suġġerimenti (2) fuq liema suġġetti (3) in-nazzjonalità ta' dawk li għamlu s-suġġerimenti u (4) f'każ ta' Maltin kemm minnhom kienu Maltin u kemm minnhom kienu Għawdxin? Liema huma s-suġġerimenti li l-Gvern iddeċieda li jimplimenta?
Min huma l-esperti li uffiċjalment qed jgħinu lill-Gvern fuq dan il-proġett u x'inhuma l-kompetenzi rispettivi tagħhom? Kemm-il darba dawn l-esperti ltaqgħu (1) bejniethom u (2) mal-Gvern? X'kienu t-terms of remit tagħhom? Se jagħmlu rapport finali? Jekk iva, meta se jiġi ppreżentat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-bidu ta' din il-leġislatura sar proċess wiesa ta' konsultazzjoni pubblika, inbdew numru ta' miżuri u proġetti u qed titfassal l-istrateġija għall-viżjoni Eko-Għawdex. Il-mira tal-Gvern hi li l-gżira ssir mudell ta' żvilupp sostenibbli. It-timeframes għandhom jiġu deċiżi wara li tiġi ppublikata din l-istrateġija.
Għal din is-sena, ġew allokati €200,000 f'vot wieħed. L-informazzjoni u statistika dwar is-suġġerimenti tal-pubbliku għandha tiġi ppublikata ma' l-istrateġija.
Il-kumpanija Ernst & Young ġiet imqabbda biex tikkoordina l-kumpilazzjoni ta' din l-istrateġija. Saru numru ta' laqgħat waqt li għaddej dan l-eżerċizzju izda nformazzjoni dwar in-numru ta' kemm laqgħat saru ma nżammitx.
L-istrateġija għall-viżjoni Eko-Għawdex hi mistennija li tkun pubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 9640 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm hemm schemed roads f'Għawdex u jgħid liema huma? Tista' tgħid liema toroq huma maħsuba li jinfetħu fil-futur qarib?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ischemed roads f'Għawdex huma dawk immarkati fil-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna. Fil-futur qarib hemm il-ħsieb illi tinfetaħ it-Triq 31 ta' Marzu 1979.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' mobile phones li juża' l-Ministeru tagħha u d-dekasteri kollha li jaqgħu taħtha? Kemm kienet l-ispiża tas-servizz u tat-telefonati fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Kemm tħallset minn din l-ispiża fil-mument?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema li għalqu l-età tal-irtirar
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies jaħdmu fid-dekasteru li hi responsabbli għalih, li għalqu l-età tal-irtirar? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? F'liema settur qed jaħdmu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar biex jiġi attirat xogħol ta’ back office f’Għawdex? Kemm inħolqu impjiegi ġodda ta’ back office f’Għawdex minn April 2008 sal-lum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li matul is-snin 2007 u 2008 ġie trasferit lejn Għawdex ix-xogħol li għandu x'jaqsam mas-salarji u pensjonijiet tat-Teżor, mas-salarji tad-Diviżjoni tas-Saħħa, mal-verifika ta' data dwar ir-Reġistrazzjoni Ċivili, mal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumaturi, ma' l-Iskema ta' Benefiċċju dwar l-Enerġija, mas-servizzi t'amministrazzjoni tal-Qrati, mas-servizzi ta' Informazzjoni Governattiva kif ukoll mal-Call Centretad-Dipartiment tat-Taxxi Nterni.
Ninsab infurmata li qed isiru kuntatti mal-Management Efficiency Unitbil-għan li jkun identifikat xogħol ta' back office ieħor li jista' jsir f'Għawdex.
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar kull sena mill-2007 ‘l hawn għall-promozzjoni ta’ eko-turiżmu u agro-turiżmu f’Għawdex? X’kien ir-riżultat ta’ din il-ħidma?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex qed jikkunsidra dawn iż-żewġ oqsma fil-qafas tal-istrateġija Eko-Għawdex.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intnefqu fondi Ewropej f’Għawdex s’issa taħt il-programm finanzjarju 2007-2013? Tista’ tgħid fuq xiex intnefqu u kemm intnefqu fuq kull proġett, skema, eċċ.?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-proġetti taħt il-programm finanzjarju 2007-2013 huma fil-fażi ta' tendering.
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa biex jitwaqqaf direttorat ġdid fi ħdan il-Ministeru tagħha għall-promozzjoni tat-turiżmu f’Għawdex bħala destinazzjoni distinta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li dan is-suġġett qed ikun diskuss bħala parti mir-ristrutturar li hemm ħsieb li jsir fil-Ministeru għal Għawdex.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9480, tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li użaw is-servizz ta' Ċentru tas-Saħħa, ċentru b'ċentru f'Għawdex matul dawn l-ewwel xhur ta' din is-sena? Tista' tipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8978 dwar pjan ta' afforestazzjoni, tista' l-Ministru tgħid jekk dak li hemm fit-tweġiba li tat f'mistoqsija parlamentari 6016 huwiex il-pjan ta' afforestazzjoni tal-Ministeru tagħha? Tista' tgħid f'liema toroq u wesgħat f'Għawdex se jitħawlu s-siġar u l-arbuxelli msemmija fit-tweġiba tagħha? Kemm siġar u arbuxelli se jitħawlu fit-toroq u wesgħat f'Għawdex din is-sena u kull sena mill-2010 sal-2015?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li dak li hemm fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 6016 huwa parti minn dak li għandu jkun pjan ta' afforestazzjoni.
L-informazzjoni l-oħra mitluba tingħata aktar 'il quddiem.
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar kull sena mill-2007 ‘l hawn biex jitwaqqaf business incubation centre fit-teknoloġija tal-informatika u l-innovazzjoni f’Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba għal mistoqsija numru 6438.
Ministeru għal Għawdex — karozzi użati mid-dipartimenti
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta' karozzi tal-gvern li qegħdin jintużaw mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tagħha? Kemm minn dawn huwa government owned u kemm huma mikrija? Fil-każ ta' dawk mikrija, tista' tgħid kemm huma mikrija u jekk humiex leased on contract? Min qed jagħmel użu minn dawn il-karozzi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.