Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini ta' Triq Zakkarija Roncalli, li huwa mħabbar li għandha titlesta sa Frar 2009, liema triq trid tgħaddi minn ġo l-għelieqi u tibqa' sejra sa Fra Luca Zurki, iffissirx li din it-triq ser tinbena u tiġi asfaltata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol li qed jirreferi għalih isir meta jkunu allokati l-fondi meħtieġa lill-ADT u skond il-prijorita iffissata.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-bini ta' Triq Fra Luca Zurki fiz-Zurrieq stante li din it-triq kellha titlesta sal-aħħar tas-sena li għaddiet ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li qed jirreferi għalih isir meta jkunu allokati l-fondi meħtieġa lill-ADT.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-triq li tagħti miż-Żurrieq għal Ħal Far terġa' tinbena b'mod li anke jiġu kreati bays sabiex fil-partijiet dojoq tagħha l-vetturi jkunu jistgħu jieqfu sakemm titbattal il-karreġġjata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mhix inkluża fil-programm ta' bini ta' toroq għax-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx xi skema ta' taħriġ għall-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntratturi tat-toroq? Jekk hemm, liema huma dawn l-iskemi u kemm hemm ħaddiema li qed jiġu mħarrġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa fil-Ministeru li għalih jien responsabbli ma hemm l-ebda skema ta’ taħriġ għall-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntratturi tat-toroq.
Peress li fiċ-Ċirkewwa qed jingħataw ħafna ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali minħabba kontravenzjonijiet ta' sinjali, peress li f'dawk l-inħawi fejn ikun hemm ipparkjati l-vetturi, li ħafna minnhom ikunu ta' Għawdxin li ta' kuljum jiġu Malta għax-xogħol, mhemmx senjaletika, jista' l-Ministru jindirizza din il-problema u cioè billi ssir senjaletika adegwata u ċara kif wkoll jiġi provdut spazju għal parkeġġ adegwat għal dawn il-vetturi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita Marittima ser tistħarreġ l-ilment inkwistjoni billi tiddiskuti mall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sabiex jittieħdu l-miżuri meħtiega għall-benefiċċju tal-pubbliku.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kuntrattrui li tqabbdu jagħmlu xogħol ta' manutenzzjoni urġenti wara li kellna ġimgħat sħaħ ta' xita f'pajjiżna? Minbarra dan ix-xogħol hemm il-ħsieb li joħorġu tenders oħra speċifiċi biex ikun hemm programm kontinwu ta' manutenzjoni fit-toroq tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntratturi kienu; Bonnici Bros Ltd li ħa estensjoni fuq il-kuntratti li kellu ma l-ADT għal manutenzjoni fid-distretti tat-Tramuntana u l-Punent, Alfred Schembri & Sons Ltd li ħa estensjoni fuq il-kuntratt tan-Nofsinhar u Schembri Infrastructures Ltd li ħa estensjoni fuq il-kuntratt tal-Lvant.
Tenders oħra joħorgu skond ir-rizorsi finanzjarji u l-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid fejn suppost jiġu maħżuna ċ-ċilindri tal-gass meta jkunu fuq it-trakk? Huwa permess li dawn jinżammu f'postijiet li huma abitati min-nies?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-parkeġġ fit-triq ta’ vetturi li jġorru inqas minn 10,000 kilogramm f’ċilindri tal-gass. Infurmat ukoll li l-akbar vetturi li jġorru l-gass fil-gzejjer Maltin iġorru inqas minn 9,000 kilogramm. Rigward il-ħazna ta’ ċilindri tal-gass fuq trakkijiet f’postijiet li mhumiex toroq nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5404 u 5728 dwar Triq Merħba, Fgura u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xogħol ta' asfaltar fuqha jew le?
San Pawl il-Baħar — Limbordin - bini ta' substation
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li fl-inħawi ta' Limbordin (San Pawl il-Baħar) tinbena substation ġdida mill-Korporazzjoni Enemalta?
Meta hu mistenni li tinbena din is-substation u x'se jkun l-użu tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Enemalta għandha l-ħsieb li tibni substation fl-inħawi biex tirrinforza s-sistema tal-11kV. Ix-xogħol għadu fi stadju preliminarju.
Billi numru sostenzjali mill-cats eyes li kien hemm fit-triq bejn is-Salina u n-Naxxar u mis-Salina sa l-Iklin, fil-fatt jew inqalgħu jew m'għadhomx jidhru, u billi d-dawl f'din l-istess triq qatt ma ġie stallat, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex din it-triq issir iktar tajba għas-sewqan bil-lejl?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.
Imġarr, Għajn Tuffieħa u Xemxija — features ta' sigurtà fit-toroq
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-toroq mill-Imġarr sa Għajn Tuffieħa u mix-Xemxija sa Għajn Tuffieħa, li fil-parti l-kbira tagħhom qatt ma kellhom dawl stallat fihom, jiżdiedu fihom dawn il-features ta' sigurtà li hemm bżonn biex jiġi assigurat li jonqsu l-perikli għas-sewwieqa b'mod partikolari matul il-lejl?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.
Jista' l-Ministru jgħid x'terms of reference ngħataw min-naħa tal-Gvern lill-Perit Renzo Piano dwar il-proġett tad-daħla tal-Belt Valletta u t-Teatru Rjal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-Terms of Referencetal-proġett huma:
Landscaping ta' Landfront Ditch u Lascaris Ditch, biex jiġu mibdula f'ġonna.
Il-bini mill-ġdid tal-pont ta' Bieb il-Belt
Il-bini mill-ġdid ta' Bieb il-Belt
Proposti għal bini fis-sit tal-Opera House
Proposti għall-iżvilupp ta' Pjazza Ħelsien
Ħsibijiet u suġġeriment relatati maż-żona kollha.
Jista' l-Ministru jagħti data definittiva ta' meta se jsir il-proġett tal-footway bridge jew underpass fi Triq is-Sebħ, Ħal Qormi minħabba l-periklu li diversi residenti qed jgħaddu minnu kontinwament?
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jinbeda x-xogħol ta' rikostruzzjoni ta' Triq il-Marsa, fil-Marsa minħabba l-istat urġenti tagħha u kemm hija stmata l-ispiża għal din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq it-tiswija ta’ Triq il-Marsa fil-Marsa hu maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi se tkopri l-installazzjoni ta’ servizzi minn diversi entitajiet. Sussegwentament se jiġu rranġati xi livelli tat-triq u jingħata wiċċ lit-triq eżistenti minn ħdejn in-nizla ta’ Triq Valletta Luqa sat-tarf tat-Triq il-Marsa jiġiferi sat-Triq l-Iljun, Qormi. L-aħħar fazi se tkun il-kostruzzjoni ta’ traffic junction ġdida fit-tarf tan-niżla ta’ Triq Valletta, Luqa u t-tiswija tal-kumplament ta’ Triq il-Marsa sa Triq Aldo Moro.
L-istima tax-xogħol tat-tieni fazi hi ta’ madwar Euro 230,000, liema stima teskludi tqegħid ta’ servizzi, filwaqt li l-aħħar fazi hu stmat li se tiswa madwar Euro 250,000
Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel u t-tieni fazi se jibdew għall-aħħar tas-sena u l-aħħar fazi se ssir lejn il-bidu tas-sena d-dieħla dejjem jekk ikunu allokati l-fondi neċessarji.
Qasam tat-Tekonoloġija tal-informatika u komunikazzjoni
Question
Peress li sa ftit snin ilu, l-ambizzjoni tagħna fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u l-komunikazzjoni kienet li nkunu fost l-aħjar fil-Mediterran u peress li dan l-għan intlaħaq, jista' l-Ministru jgħid xi sfidi rridu nirbħu biex inkomplu nimxu 'l quddiem f'dan il-qasam?
Response (GATT, AUSTIN)
L-isfidi li għandu quddiemu pajjiżna fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni huma dawk li jidhru fl-istrateġija The Smart Island li nformazzjoni dwarha tista' tinkiseb mill-websajt tal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni fl-indirizz http://www.mitc.gov.mt.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li għalihom kien ħareġ il-permess għat-terminal taċ-Ċirkewwa? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess pjanti kif mibdula?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti.
B'referenza għall-proġett ta' Sant Iermu u l-madwar li għadu kif tħabbar, jista' l-Ministru jgħid kif intgħażel il-Perit Demicoli? X'inhu r-rwol ta' dan il-perit? Kemm ser jitħallas għas-servizzi tiegħu? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar ma dan il-perit għax-xogħol tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Perit Demicoli ġie magħzul għall-proġett ta’ Sant Iermu għax kien persuna li kienet ikkunsidrata li għandha il-kredenzjali kollha meħtiega biex tagħti disinn sodisfacenti għall-proġett ta’ din in-natura. Il-Perit Demicoli għandu esperjenza vasta ta’ xogħol ta’ dan il-kobor kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta. Huwa ntagħżel minħabba l-kapaċitajiet tekniċi u artistiċi tiegħu.
Il-ftehim għadu mhux konkluz iżda għandu jigi iffirmat fil-ġranet li ġejjin. Il-ftehim għandu jkopri dawn is-servizzi:
“
Concept designs
” u “
project brief
” dak li aħna insibuh bħala “
Master Plan
”.
“
Outline bills of quantities
” marbut ma’ “cost budgeting” kif ukoll dokumentazzjoni neċessarja li twassalna għall-applikazzjoni preliminari tal-permessi għall-bini minn għand il-MEPA.
Il-kumpens jigi maħdum fuq numru ta’ siegħat meħuda mill-perit fuq il-proġett, kif ukoll l-istaff tiegħu, liema ħlas huwa “
capped
” sa mhux aktar minn 30,000 Ewro. Fażijiet oħrajn li huma ta’ natura ta’ konsulenza varji u li allura jaqaw barra minn din il-fazi, huma regolati taht it-tariffa publikata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6136 u jirraporta l-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riforma tat-trasport pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fit-tieni nofs tal-2008, l-Gvern ippublika l-viżjoni tiegħu dwar is-settur. Saret konsultazzjoni estensiva mall-pubbliku u ma l-istakeholders konċernati fuq is-setturi kollha. Fil-każ tas-settur tat-trasport mingħajr skeda, bħalissa għadejja l-konsultazzjoni fuq ir-regoli l-ġodda.