Għawdex- Sptar mentali — tiswija ta' toilets u air conditions
Question
Tista' l-Ministru tara li t-toilets u l-aircondition unit li hemm fix-short stay ward ta' fl-isptar mentali ta' Għawdex jiġu rranġati peress li t-toilets ilhom ħafna mkissrin u l-air conditioner ma jaħdimx sew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fis-sala short stay m'hemmx toilets imkissrin u l-airconditioning qed jaħdem sew.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-pjan t'azzjoni li kellu jitfassal bejn il-Malta Enterprise u l-Ministru t'Għawdex għall-promozzjoniji t'Għawdex għall-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi? Jekk huwa lest, tista' tpoġġi kopja ta' dan il-pjan t'azzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Malta Enterprise qiegħda kontinwament taħdem fuq il-promozzjoni u assistenza għal Għawdex.
Dan l-eżerċizzju ma jinvolvix biss li jinkoraġġixxi attivament l-investiment, imma anke li jirrevedi l-istrateġija u l-proċeduri tal-Malta Enterprise.
Din ta' l-aħħar isseħħ billi kull tant żmien il-Malta Enterprise tikkonsulta ma' stakeholders li jinkludu l-Ministeru ta' Għawdex kif ukoll entitajiet oħra. Dawn jinkludu l-kmamar tal-kummerċ lokali, assoċjazzjonijiet industrijali kif ukoll entitajiet oħra bħalma huma l-Finance Malta u l-NSO fejn tinġabar l-informazzjoni prinċipali biex b'hekk toħroġ strateġija.
L-istrateġiji tal-Malta Enterprise li jirrigwardaw lil Għawdex jiġu pubblikati skond u meta jkun hemm bżonn ta' l-intervent tal-pubbliku.
Għawdex — trasformazzjoni radikali tas-settur tat-trasport pubbliku
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri ttieħdu fl-aħħar sena biex kif kien imwiegħed issir trasformazzjoni radikali tas-settur tat-trasport pubbliku f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ħadet kuntratti tal-Gvern f'Għawdex il-kumpannija li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament fl-2006, 2007 u 2008? Tista' tagħti lista sħiħa ta' dawn ix-xogħlijiet? Kemm minnhom kienu b'tender jew le? Tista tgħid x'kien il-valur tal-kuntratt u x'kienet l-ispiża finali ta' kull tender li ngħatat lill-kumpannija fis-snin imsemmija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 9442 u tgħid kemm hemm impjegati f’Għawdex mad-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha? Tista’ tagħti l-istess tagħrif għall-aħħar ta’ Diċembru 2007? Tista’ tagħti l-informazzjoni mitluba skond il-grad u l-iskala tal-ħaddiema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — impjegati li gradwaw jew ħadu kors l-Università
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tagħha li huma gradwati mill-Università għaliex segwew kors sponsorjat mill-Gvern? Tista' tgħid meta ggradwaw u liema kors għamlu? Kemm sewa l-kors? Kemm għadhom jaħdmu mal-Gvern, f'liema grad u f'liema dipartiment? Kemm irriżenjaw? Kemm ħadu sponsorship iktar minn darba, f'liema kors u meta? Kemm weħlu mill-eżamijiet tal-kors u allura ma komplewx? Jekk intalbux jirrifondu xi ammonti mħallsa mill-Gvern in konnessjoni ma' l-istudji tagħhom? Kemm kien l-ammont, jekk kien il-każ? Jekk kienx hemm xi impjegat li minkejja li m'għaddiex reġa' beda l-kors sponsorjat għal darb'oħra mill-Gvern? X'kien il-kors relattiv u meta kienet l-intake year u l-grad ta' tali impjegat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma narax il-ħtieġa li nuża r-riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant peress li din trid ammont kbir ta' ħin sabiex tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex kien qed isir tħaffir f'dawn l-aħħar ġranet miċ-ċentru għal matul il-jum ta' Santa Marta liema tħaffir baqa' ħiereġ għal triq ir-Repubblika u baqa' sejjer sa l-Arkadia, ir-Rabat Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-tħaffir viċin iċ-ċentru għal matul il-Jum ta' Santa Marta qed isir biex titkabbar l-istallazzjoni tad-dawl għal dan iċ-ċentru. Dan ix-xogħol qed isir mill-Korporazzjoni Enemalta.
Triq ta' Pinu u Triq tax-Xlendi — kuntratt biex jitranġaw
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kumpanniji kollha li ħadu l-kuntratti ta' bini ta' toroq f'Għawdex mil-aħħar elezzjoni ġenerali sal-lum? Tista' tispjega x'inhi r-raġuni li jkunu biss il-kumpanniji li fl-aħħar tliet snin għamlu b'madwar €16-il miljun xogħol simili li jistgħu jitfgħu offerta għall-bini mill-ġdid tat-Triq ta' Pinu u t-Triq tax-Xlendi? Taħseb li klawsola bħal din għandha l-effett li tirristrinġi ħafna l-lista ta' kandidati potenzjali għal dan il-kuntratt? Ittieħed parir biex wieħed jaċċerta ruħu li kundizzjoni bħal din ma tmurx kontra r-regoli Ewropej dwar il-kompetizzjoni ġusta u s-suq ħieles? Meta se jsiru t-Toroq ta' Pinu u tax-Xlendi? Kemm hu prospettat li jiswew? Meta hu maħsub li jitlestew? Minn liema fondi se jitħallsu? Minn dawk tal-Ministeru għal Għawdex jew mill-ministeru responsabbli mit-toroq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li:
Mill-aħħar elezzjoni ġenerali l-kumpaniji Joymar Ltd. u Gatt Tarmac Ltd. ħadu kuntratti ta' kisi ta' toroq bit-tarmak.
Il-klawsola li għaliha qiegħed jagħmel referenza l-Onorevoli Nterpellant qiegħda hemm biex tassigura li l-kuntrattur jew kuntratturi li jieħu jew jieħdu l-offerta jkollu jew ikollhom il-kapaċita' meħtieġa biex ix-xogħol isir skond il-kundizzjonijiet stipulati fl-offerta.
Din l-offerta, bħal kull offerta oħra li taqa' taħt id-Dipartiment tal-Kuntratti, kienet ivvettjata mill-istess Dipartiment.
It-toroq imsemmija huma ppjanati li jitlestew għall-aħħar tas-sena 2010 u stmati li jiswew €9.477 miljun. Il-proġett ser ikun kofinanzjat mill-ERDF.
Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni hemm ħlasijiet differenti li jsiru mir-residenti ta' Sant'Anna għal kull jum li jagħmlu hemm?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ħlas tar-residenti jiġi kkalkulat individwalment skond id-dħul rispettiv tagħhom u skond kif stabilit fuq bażi nazzjonali.
Ministeru għal Għawdex — Rilokazzjoni tad-dipartiment
Question
Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar in-nefqa fil-Ministeru tagħha u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha għas-sena 2008 u 2009 sal-lum dwar :
i) rilokazzjoni tad-dipartiment mill-post eżistenti għall-ieħor jekk tkun avverrat
ii) nefqa dwar xiri ta' għamara ġdida biex tirrimpjazza dik eżistenti u jew iżżid ma' dik eżistenti
iii) nefqa dwar redecoration fl-uffiċini u fiex kienet tikkonsisti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema se jkunu t-toroq f'Għawdex li se jingħataw wiċċ ġdid matul din is-sena 2009 u s-sena 2010?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-toroq ippjanati li jingħataw wiċċ ġdid matul is-snin 2009-2010 huma:
Triq l-Imġarr, Xewkija (B'fondi tal-E.U.)
Triq ta' Pinu (B'fondi tal-E.U.)
Triq tax-Xlendi (B'fondi tal-E.U.)
Triq id-Dwajra, San Lawrenz
Triq Franġisk Portelli, San Lawrenz
Parti minn Triq ir-Ramla, Xagħra
Triq Sannat, Sannat
Triq it-Tomba, Victoria
Triq il-Ħanaq, Nadur
Triq Mons. Pietru Pace, Victoria
Triq 31 ta' Marzu,Victoria
Triq il-Qbajjar, Żebbuġ (it-tieni kisja)
Tkomplija ta' parti minn Triq il-Knisja, Nadur
Triq ta' wara l-Bjut, Sannat
Triq il-Pergla, Xagħra
Triq il-Konti, Żebbuġ
Triq Ketelby, Għarb.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li se jispiċċaw ħaddiema tal-Gvern Għawdxin f'kull kategorija, industrijali, klerikali u amministrattivi sas-sena 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 9662, 9487 u 9000 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġew riferuti lilha u tgħid kemm hemm fabbriki li bħalissa qed joperaw f’Għawdex? X’jipproduċu? Kemm iħaddmu nies? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm nies impjegati f’dawn il-fabbriki f’Mejju 2007 u 2008 separatament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija mogħtija fit-tabella annessa.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk ir-rapport dwar id-dħaħen kbar suwed li spiss joħorġu miċ-ċumnija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex tlestiex? Jekk fl-affermattiv minn xiex huma kkawżati? Tista’ issa tgħid jekk dawn id-dħaħen humiex konformi mal-liġijiet Maltin u ma’ dawk Ewropej? Jekk ir-rapport għadu ma tlestiex, meta mistenni li jitlesta? Min għamel/qed jagħmel dan ir-rapport? Tista’ tagħti assigurazzjoni li dawn id-dħaħen mhux qed jikkontaminaw l-arja in konnessjoni mat-tħaddim tad-decompression chamber?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li r-rapport tekniku dwar jekk l-emissjonijiet tal-boiler house humiex konformi mal-leġislazzjoni relevanti għadu ma tlestiex. Tali rapport li qed jiġi kkummissjonat f'dawn il-ġranet mistenni jitlesta madwar tlett ġimgħat oħra.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmata li l-arja kollha li tintuża għat-tħaddim tad-decompression chamber tgħaddi minn filtru apposta li jissuplixxi arja nadifa skond il-livelli rakkomandati mill-UE.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar xi proġetti huma maħsuba għal Għawdex għall-enerġija alternattiva li jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ambjent u biex jitwettqu proposti li jkunu żgur vantaġġjużi fil-fehma għall-Għawdxin infushom f'dan il-qasam?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Ministeru għal Għawdex se jkabbar is-sistema ta' pannelli fotovoltajċi tiegħu permezz tal-fondi ffrankati mill-kont tad-dawl permezz ta' din is-sistema stess.
Jiena nfurmata wkoll li bħalissa għaddejjin preparazzjonijiet preliminari dwar numru ta' inizjattivi f'dan il-qasam.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'inhu maħsub li jsir biex jissaħħu s-servizzi tas-saħħa u l-kura medika, b'servizzi ġodda maħsuba b'mod speċjali fil-qasam tal-anzjani f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li r-residenti taż-żewġ swali, dawk tan-nisa u dawk tal-irġiel ġewwa l-Isptar t'Għawdex qegħdin jingħataw kull servizz li jkollhom bżonn kemm fuq bażi medika kif ukoll fuq dik soċjali.
It-tabib jinvistahom kuljum u anke hemm speċjalista li jdurhom minn żmien għal żmien. Is-servizzi jinkludu dawk ta' physiotherapist, occupational therapist, hairdresser, dentist u anke social worker.
Barra minn hekk, nieħdu ħsiebhom anke fuq livell soċjali u jiġu organizzati attivitajiet kemm ġewwa l-isptar stess kif ukoll barra mill-isptar.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'inhu maħsub li jsir fil-futur biex tissaħaħ is-sistema amministrattiva tal-gżira t'Għawdex biex din tkun tirrifletti verament id-dimensjoni u l-ħtiġijiet reġjonali t'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li bħalissa qegħdin jittieħdu l-miżuri neċessarji għar-ristrutturar tal-Ministeru għal Għawdex. Dan ir-ristrutturar huwa ntiż biex isaħħaħ is-sistema amministrattiva tal-gżira Għawdxija biex fost l-oħrajn din tkun tirrefletti l-ħtiġijiet reġjonali t'Għawdex illum.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif jekk l-Gvern qattx alloka fondi mill-Good Causes Fund bħala inċentiv biex jiġu organizzati attivitajiet li jiġbdu t-turiżmu lejn Għawdex? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid kemm kien dan l-ammont?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif kemm persuni u kumpanniji f'Għawdex gawdew minn skemi għall-iżvilupp tar-riżorsi umani bħalma huma l-iskema tal-gradwati, l-iskema għall-ħolqien ta' negozju ġdid u l-iskema għall-introduzzjoni tal-informatika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija dik li tidher hawn taħt:
Activity 1: Graduate Scheme 7 parteċipanti
Activity 2: Support Small Business Scheme 5 parteċipanti
Activity 3: Foster Entrepreneurship Scheme 14 parteċipanti
Activity 4: Customer Service Courses 125 parteċipanti.