Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjonijiet għal fidi ta' ċens

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15094, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet din l-applikazzjoni minħabba li d-Dipartiment tal-Joint Office mhux qed iwieġeb għall-informazzjoni meħtieġa lill-applikant in kwistjoni?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kuntratt ta' Manoel Island lill-kumpanija MIDI plc

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja uffiċjali tal-kuntratt ta' meta l-Gvern għadda Manoel Island lill-kumpanija MIDI plc, inkluż il-kopji uffiċjali tad-dokumenti kollha u l-pjanti annessi mal-istess kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16413.

flus miġbura mit-taxxi tal-poplu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont tal-flus miġbura mit-taxxi tal-poplu f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-total tat-taxxa fuq id-dħul minn personal income tax miġbura fl-2008 kien ta’ €735.9 miljun filwaqt li fl-2009 l-ammont laħaq €739.4 miljun. In-numru ta’ taxpayers f’dawn is-sentejn kien ta’ 159,444 u 130,120 rispettivament.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kumpaniji tal-awdituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kumpaniji tal-awdituri li jagħmlu xogħol lill-korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Meta ġew magħżula u kif saret is-sejħa? X'inhu l-pakkett finanzjarju li ngħatat kull kumpanija?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

applikazzjonijiet għall-ħlas ta' għotja ta' inċentivi speċifiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm industrijalisti Għawdxin li għandhom applikazzjonijiet għall-ħlas ta’ għotja ta’ inċentivi speċifiċi għall-industrija f’Għawdex approvati u għadhom ma tħallsux? Jista’ jgħid kemm huma l-ammonti dovuti lil dawn l-industrijalisti u għal liema snin huma dovuti? Jista’ jgħid meta se jitħallsu u kemm se jitħallsu? Jista’ jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għand il-Malta Enterprise? Kemm huma l-ammonti mitluba u għal liema snin huma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-ewwel ta Jannar ta’ din is-sena, Malta Enterprise ħadet f’idejha wkoll il-ħlas ta’ għotja ta’ inċentivi għall-industrija f’Għawdex (Gozo Transport Grant -manufacturing). Claims għall-valur ta’ €473,347, li kienu approvati mill- Korporazzjoni u li l-ħlas tagħhom kien għadu pendenti sa Diċembru 2009, ġew mħallsa fi Frar 2010. Bħalissa hemm 15-il applikazzjoni pendenti li qed jiġu pproċessati, li l-valur tagħhom ma jistax jiġi determinat qabel ma jispiċċa il-proċess kollu. Infakkar lil Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni għat -transport grant issir meta il-kumpanija jkollha f’idejha l-audited financial statements għal dik is-sena partikulari. Dawn il-fondi jirreferu għall-iskema imsemmija f’Artiklu 23 tal-BPA, u ma tinkludix l-Inter-Island Transport Scheme li hija amministrata mill-Ministeru ta’ Għawdex direttament.

Postijiet kummerċjali li fetħu fl-1 ta' Mejju 2010

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' postijiet kummerċjali (tan-negozju) li talbu li jiftħu għall-klijenti tagħhom fl-1 ta' Mejju 2010? Kemm fil-fatt ingħataw il-permess biex jagħmlu dan il-bejgħ f'din l-okkażjoni u kemm sar ħlas minn dawn il-ħwienet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru kien ta' 41 (wieħed u erbgħin) post kummerċjali li ngħataw il-permess u kull wieħed ħallas €698.81. Wieħed irid iżda jirrimarka illi dawn l-applikazzjonijiet ma fihomx dawk il-ħwienet, li minħabba ċerta proviżżjonijiet fl-Avviż Legali 1/2006 setgħu jiftħu fi btala pubblika mingħajr ma jħallsu.

Korporazzjoni Enemalta — persuna sospiża mix-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-ġimgħat li għaddew il-persuna li dettalja tagħha qed jingħataw b’mod separat kien sospiż mix-xogħol tiegħu fil-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, għal liema raġuni kien sospiż? Jista' jgħid jekk l-individwu konċernat tressaqx quddiem xi bord ta’ dixxiplina intern tal-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, kien hemm xi deċizjoni? Jista' jgħid jekk dan l-individwu reġax iddaħħal għax-xogħol u fil-każ x’inhu x-xogħol tiegħu fil-preżent fi ħdan il-Korporazzjoni Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Nista nikkonferma li wara li saru allegazzjonijiet ta’ natura serja u fil-fatt ġew mgħoddija lil pulizija għal investigazzjoni; ittieħdet deċiżjoni li din il-persuna tiġi sospiża. Nikkonferma li wara li ma tieħdux passi mill-pulizija; ittieħdet deċiżjoni sabiex din il-persuna terġa' tiddaħħal għax- xogħol. Din il-persuna qed tgħaddi bord ta' dixxiplina. Il-każ għadu qed jinstema`. Bħalissa din il-persuna qed tagħmel xogħol amministrattiv relatat mas-servizzi korporativi.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — lista ta' konsulenti u kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ? Kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tal-VAT — telf ta' flus minħabba frodi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex kwantifikat eżattament kemm tilef Ewro il-gvern minn dawk li ffrodaw id-Dipartiment tal-VAT u tressqu quddiem il-Qorti? Kemm hu l-ammont ta’ VAT li bħalissa huwa dovut lid-dipartiment u kemm hu l-ammont li qed jiġi kkontestat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi rigward każijiet li tressqu mill-Pulizija wara l-investigazzjonijiet li saru s-sena l-oħra, d-Dipartiment tal-VAT għadu għaddej b’investigazzjonijiet fuq 16-il persuna reġistrata. Barra minn hekk ġew konklużi 21 investigazzjoni li uħud minnhom jinsabu fi stadju ta’ Review u oħrajn ġew ikkontestati quddiem il-Bord ta’ l-Appell. B’dan l-eżercizzju jirriżulta li kien hemm ammont ta’ €1,233,010 bħala korrezzjonijiet mitluba mill-persuni minn jeddhom u li xorta qed jiġu jew ġew investigati. Id-Dipartiment ħareġ ukoll assessments li jammontaw għal €1,220,379 li minnhom €234,247 huma finali. Minn dawn l-ammonti €50,730 huma kkontestati.

Industrija — piżijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16136, fejn qed nitlob li l-Ministru jagħti spjega tat-tweġiba li kien ta għall-mistoqsija preċidenti tiegħi 15321?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Divizjoni tal-Kummerċ ma daħħlet l-ebda piżijiet ġodda fuq l-industrija. Mhux hekk biss, iżda permezz tar-reviżjoni l-isfel fil-liċenzi tal-kummerċ, ġeneralment tħaffu bil-kbir il-piżijiet finanzjarji fuq l-industrija.

Joint office — allegat abbuż mill-proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi investigat l-allegat abbuż mill-proprjetà tal-Gvern amministrata mill-Joint Office imsemmi mis-Sindku Nazzjonalista ta' Ħal Lija f'artiklu f'ġurnal lokali li l-kopja tiegħu qed tintbagħat separatament? Jista' jgħid kemm kien hemm każijiet bħal dak imsemmi mill-istess Sindku fl-aħħar għaxar snin u jagħti d-dettalji ta' kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel ma ġew introdotti l-emendi għall-Iskema ta’ tal-2001 dwar Xiri tad-Dirett Dominju Temporanju ta’ proprjeta’ tal-Gvern, użata bħala residenza, ma kien hemm l-ebda kundizzjoni fil-kuntratt li kienet tipprojbixxi li jsir dak li hemm referenza għalih fl-artiklu imsemmi. Jiġifieri għad li teknikament l-ispekulazzjoni tal-proprjeta li ċ-ċens tagħha jkun infeda u li kienet ġiet mill-Knisja mhijex abbuż (f’termini legali), il-Gvern ħass li tali bejgħ ta’ proprjeta li ċ-ċens tagħha kien għadu kemm jinfeda ftit ġranet qabel, u bi prezz għexieren ta’ drabi ogħla mill-prezz tal-fidi, kien imur kontra l-ispirtu tal-Ftehim li Malta u s-Santa Sede iffirmaw fil-1992 u għalhekk kellu jintervjeni. Għaldaqstant, l-Uffiċċju Konġunt ma jista’ jieħu l-ebda azzjoni dwarha. Madanakollu, l-Uffiċċju Konġunt ħa l-miżuri neċessarji fl-2009 biex dan ma jibqax isir. Dan biex l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskema tkun tirrifletti fedelment l-iskop u l-ispirtu tal-Ftehim li Malta u s-Santa Sede iffirmaw u li jgħid, fost oħrajn, li l-proprjeta li ġiet mill-Knisja għandha tintuża “for the Country’s most pressing social requirements, such as social housing….” Dwar it-tieni parti tad-domanda, l-Uffiċċju Konġunt m’għandux din l-informazzjoni.

Gvern Malti — miżuri jew kontribut lejn is-sostenibiltà finanzjara tal-Gvern Grieg

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri jew kontribut (inkluż xiri ta' stocks jew bonds tal-gvern Grieg, u/jew kwalunkwe kontribuzzjoni oħra) jista' jkun ta jew se jagħti l-Gvern Malti, bħala membru fiż-żona Ewro, lejn is-sostenibiltà finanzjara tal-Gvern Grieg?

Response (FENECH, TONIO)

Il-Gvern Malti la ntalab u ma ta l-ebda kontribut finanzjarju lejn is-sostenibbilità finanzjarja tal-pajjiż imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Stallazzjoni ta' Smart Meters

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt iffirmat mal-IBM International biex jiġu stallati smart meters f'Malta u Għawdex filwaqt li jsiru stallazzjonijiet oħra meħtieġa biex tali infrastruttura tkun tista' tkun operattiva?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jekk ma hemmx xi raġuni speċifika għaliex qed jitlob dan il-kuntratt, irrid niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li r-Regolamenti tax-xiri tal-Gvern (Public Procurement Regulations) jimponu dover ta’ kunfidenzjalità kif speċifikat f’Regulation 4(4) “contracting authorities shall respect fully the confidential nature of any information furnished to economic operators. Such information includes in particular technical and trade or trade secrets and the confidential aspects of the tender.” Billi il-kuntratt li qed jintalab jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hu ta’ natura kummerċjali u kunfidenzjali, din it-talba ma tistax tintlaqa.

Kampanja pubbliċitarja dwar l-estenzjoni tal-power station

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema persuna/i u/jew kumpanija/i qed imexxu l-kampanja pubbliċitarja preżenti (April 2010) tal-Korporazzjoni Enemalta dwar l-estensjoni tal-power station f’Delimara? Kemm se ddum sejra din il-kumpanija? X’inhu l-budget għaliha u fuqiex se jintnefaq?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija li qed tmexxi l-kampanja pubbliċitarja preżenti (April 2010) tal-Korporazzjoni Enemalta dwar l-estensjoni tal-power station f’Delimara hija 26th Frame. Fil-kampanja informattiva huwa maħsub li jintefqu madwar €50,000 bejn riklami u produzzjoni. Din il-kampanja ser tinqasam bejn reklamar fuq gazzetti u fuq it-televiżjoni.

Kuntratt ta' Manoel Island lill-kumpanija MIDI plc

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15289 li ilha pendenti għal dawn l-aħħar xahar u nofs u ċioe: Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja uffiċjali tal-kuntratt ta' meta l-Gvern għadda Manoel Island lill-kumpanija MIDI plc, inkluż il-kopji uffiċjali tad-dokumenti kollha u l-pjanti annessi mal-istess kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kopja uffiċjali ta’ dan il-kuntratt u d-dokumentazzjoni anċillari, ġiet imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta tas-7 ta’ Lulju, 2000.

Qtugħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nqata' d-dawl matul l-2009 u sal-15 ta' April 2010? Kemm huwa stmat li ntilfu sigħat ta' xogħol u flus kull meta nqata' d-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16880.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — awtoritajiet u korporazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma ċ-chairpersons, diretturi, u chief executive officers ta' kull waħda minnhom? X'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Inkwilinat tal-fond kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-għaliex il-gvern ma rrikonoxxiex fl-inkwilinat tal-fond kummerċjali ġewwa l-Belt Valletta l-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jidhirlu għal tal-inqas l-Ministru li almenu jekk se jerġa' joħroġ b'offerta għall-kera, li l-persuna indikata jkollha d-dritt tal-ewwel rifjut kif is-soltu jiġri?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat tal-Artijiet ma setax jirrikonoxxi b’mod dirett lill-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament. Il-fond kummerċjali in kwistjoni se joħroġ għall-kiri bl-offerti u kemm-il darba din il-persuna titfa’ l-offerta tagħha tiġi mogħtija d-dritt tal-ewwel rifjut.

Kuntratt tal-estensjoni tal-Powerstation

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-involviment li allegatament kellu r-Rappreżentant Permanenti ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, in konnessjoni mal-proċess li eventwalment wassal għall-għoti tal-kuntratt tal-estensjoni tal-Power Station ta' Delimara lill-BWSC, partikolarment in vista tat-taħditiet li kienu saru bejnu u bejn ir-rappreżentanti tas-socjetà Bateman? Jista' jqiegħed fuq il-Medja tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha li rċieva l-uffiċjal indikat in konnessjoni ma' dan il-każ, il-korrispondenza (li tinkludi emails u kull xorta oħra ta; komunikazzjoni in skritt) li ħarġet mill-uffiċċju tar-Rappreżent Parlamentari ta' Malta fl-Unjoni Ewropea in konnessjoni ma' dan il-każ u l-korrispondenza li għaddiet bejn dan l-uffiċjal u l-Ministeru tiegħek, jew xi Ministeru ieħor dwar dan il-każ?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba moghtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16855.

Rapporti dwar l-operat tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16295 u jgħid meta ġie kkummissjonat ir-rapport intern dwar l-operat tal-VAT? Meta tlesta? Jekk għadu ma tlestiex, sa meta għandu jitlesta? Ġew attwati xi rakkmandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali biex issir reviżjoni ta' ċerti prattiċi fi ħdan dan id-dipartiment u jekk iva, jista' jindika x'kienu?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.