Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #10259 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex- Sptar Mentali — ilmenti fuq ġrieden

Question

Peress li saru ilmenti dwar il-preżenza ta' ġrieden fl-isptar mentali ta' Għawdex, tista' l-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi jsiru trattamenti regulari fl-Isptar mentali u f'diversi partijiet oħra fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mill-ħaddiema fi ħdan il-Pest Control għall-kontroll u l-ħarsien kontra l-ġrieden.
Leg 11 PQ #10648 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Spiża fuq proġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża minfuqa b'mod separat matul l-aħħar sena fuq il-proġetti: a) Tal-bini mill-ġdid ta' parti mit-Triq tax-Xlendi? b) It-triq li twassal għas-Santwarju ta' Pinu? ċ) It-triq li tagħti mill-Imġarr għar-Rabat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li x-xogħlijiet fuq it-Triq tax-Xlendi u fit-triq li twassal għas-Santwarju ta' Pinu għadhom ma bdewx , ma sar l-ebda ħlas matul l-aħħar sena f'dan ir-rigward. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija peress li x-xogħol fuq it-triq li tagħti mill-Imġarr għar-Rabat huwa responsabiltà tal-Awtorità dwar it-Trasport Pubbliku, nitlob lill-Onorevoli Nterpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #10650 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Villa Rundle — Xogħlijiet ta' rijabilitazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li jkun lest ix-xogħol ta' rijabilitazzjoni ta' Villa Rundle?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet konċernati huma ppjanati li jkunu lesti fis-sena 2011.
Leg 11 PQ #10653 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — taqsima ġdida tar-radjoloġija

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li tibda topera t-taqsima ġdida tar-radjoloġija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-kuntratt tar-ristrutturar tad-Dipartiment tar-Radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġie mogħti u x-xogħol fuq l-ewwel fażi nbeda fl-ewwel ta' Settembru ta' din is-sena. Ix-xogħol fuq it-tieni fażi jkun jista' jinbeda meta jiġi mogħti l-kuntratt tal-makkinarju tar-Radjoloġija u tas-Sala tal-Operazzjonijiet u tiġi ppreżentata il-proposed layout tal-makkinarju. Fil-preżent din it-tender qiegħda tiġi adġudikata.
Leg 11 PQ #10683 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — taxxi, tariffi u miżati

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnha, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtha bejn Jannar u Settembru 2009? Tista' tindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Kif ċertament jaf l-Onor. Interpellant, kull aġġustament, fi kwalunkwe żmien jew perijodu, 'il fuq jew 'l isfel ta' taxxi, tariffi jew miżati minn kull dipartiment, awtorita', istituzzjoni jew aġenzija, hu informazzjoni fil-'public domain' u ssapportjat mill-istrumenti legali neċessarji. Għalhekk, nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kull aġġustament f'dan ir-rigward li sar fil-perijodu ndikat fil-mistoqsija hu ppublikat skond kif titlob il-liġi li bis-saħħa tagħha sar tali aġġustament.
Leg 11 PQ #10754 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Wi-Fi b'xejn fuq il-vapuri tal-Gozo Channel

Question

Tista' l-Ministru tiddikjara jekk il-Gvern huwiex se jistalla sistema ta' wi-fi b'xejn fuq il-vapuri tal-Gozo Channel biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jinqdew mis-servizz tal-internet waqt it-traġitt u possibbilment anke fit-terminals rispettivi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #10845 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — Vjaġġi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm il-vjaġġ sar minn kull vapar tal-Gozo Channel matul ix-xahar ta’ Awwissu 2009 ? Tista’ tgħid ukoll kemm inġarru vetturi u passiġieri kull vapur għall-istess perijodu ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #10926 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Triq tax-Xlendi — proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa fuq il-proġett tal-bini mill-ġdid tat-Triq tax-Xlendi? Kemm huwa t-tul tat-triq li se tinbena mill-ġdid? Kemm se jiswa dan il-proġett? X’inhuwa t-timeframe għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Kemm-il darba ħarġet it-tender għal dan il-proġett? F’liema dati? Għaliex l-ebda offerta ma ġietx jew ma setgħetx tiġi aċċettata f’kull każ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li nħareġ il-permess tal-MEPA u s-sejħa għall-offerti għalqet fit-30 ta' Ġunju 2009. It-tul tat-triq li ser tinbena mill-ġdid huwa ta' madwar kilometru u nofs. Dan il-proġett, li jinkludi bini mill-ġdid ta' parti tat-Triq tax-Xlendi u parti mit-triq ta' Pinu, huwa stmat li jiswa €9.477m b'kollox u ppjanat li jkun lest is-sena d-dieħla. It-tender għat-Triq tax-Xlendi ħarġet darba u l-ebda offerta mitfugħa ma laħqet il-kriterji mitluba fit-tender.
Leg 11 PQ #10927 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Qala — Taħriġ fit-turiżmu - korsijiet full-time u part-time

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru korsijiet full-time u part-time separatament matul is-sena 2007/2008 u matul is-sena 2008/2009 fil-faċilità fil-Qala għat-taħriġ tal-ħaddiema fit-turiżmu? Tista’ tgħid f’liema suġġetti kienu l-korsijiet u kemm attendew studenti f’kull kors? X’korsijiet full-time u part-time se jsiru matul is-sena 2009/2010?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #10928 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija — Qasam Industrijali - xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma meħtieġa li jsiru fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija? X’xogħlijiet saru mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Malta Industrial Parks/Malta Enterprise f’dan il-qasam kull sena mill-2007 sal-lum? Kemm kienet in-nefqa kull sena fuq dawn ix-xogħlijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li minn żmien għall-ieħor saru xogħolijiet ta' tindif u xogħol ta' manutenzjoni bil-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, peress li l-Qasam Industrijali tax-Xewkija huwa amministrat mill-Malta Industrial Parks, nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #10929 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Airstrip - rapport

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #10930 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Business Promotion Act — industriji li rċivew il-flus

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien il-valur ta’ ħlas ta’ incentivi li sar mill-Ministeru tagħha taħt il-Business Promotion Act kull sena mill-2007 ‘l hawn lill-industrijalisti li joperaw f’Għawdex? Kemm kienu kull sena l-industrijalisi li rċevew ħlas? Tista’ tgħid kemm hu n-numru u l-valur ta’ l-għotjiet ta’ inċentivi għall-industrija f’Għawdex taħt l-istess Att li huma approvati mill-Malta Enterprise u għadhom ma tħallsux? Għal liema snin huma u kemm hu l-ammont għal kull sena? Meta saru t-talbiet mill-industrijalisti u meta ġew approvati mill-Malta Enterprise? Meta mistennija li jitħallsu? Kemm hemm talbiet li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Mata Enterprise u għal liema snin huma?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-ħlasijiet ta' l-inċentivi li saru mill-Ministeru għal Għawdex taħt il-Business Promotion Act mis-sena 2007 'l hawn kienu: Sena € Numru ta’ Benefiċjarji 2007 320,904 12 2008 663,608 10 2009 455,398 19 Jiena nfurmata wkoll li hemm għaxar talbiet (maqsuma fuq ħames benefiċjarji) li jamontaw għal €412,037 għal għotjiet li għadhom ma tħallsux. Dawn it-talbiet saru bejn is-sena 2004 u 2009 u ġew approvati bejn is-sena 2005 u 2009. Hemm ukoll disa' talbiet (maqsuma fuq tmien benefiċjarji) għas-snin 2006 u 2007 li qegħdin jiġu pproċessati mill-Malta Enterprise.
Leg 11 PQ #10931 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

San Lawrenz — Triq ir-Rabat - xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq it-tkomplija tal-proġett għall-bini mill-ġdid tat-Triq Rabat, San Lawrenz? X’qed jistenna biex jibda? X’xogħlijet jonqos isiru? Meta mistenni li jitlesta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li qegħdin fil-proċess biex jinħarġu offerti għax-xogħolijiet li jkunu jistgħu jsiru skond l-eżitu ta' l-offerti.
Leg 11 PQ #10206 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Trasferiment tax-xogħol ta' back office

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9749 dwar trasferiment ta' xogħol ta' back office, tista' l-Ministru tgħid f'liema data ġew trasferiti x-xogħlijiet imsemmija u kemm ġew trasferiti ħaddiema fuq kull xogħol imsemmi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-trasferiment tal-uffiċċjali minn Malta għal Għawdex ħareġ uffiċċjalment mill-Uffiċċju tal-Management u Personnel fit-28 u 29 ta' Jannar 2008. Ix-xogħol li għalih għamilt riferenza fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9749 ġie trasferit lejn Għawdex qabel dawn id-dati. L-informazzjoni mitluba dwar il-ħaddiema li kienu trasferiti biex jagħmlu x-xogħol imsemmi hija mogħtija fil-lista annessa.
Leg 11 PQ #10207 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Eko-Għawdex — strateġija

Question

Tista' l-Minsitru tfisser fid-dettal x'inhi l-istrateġija Eko-Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-istrateġija Eko-Għawdex hija gwida li għandha twassal biex il-gżira t'Għawdex tersaq lejn żvilupp sostenibbli. Jiena nfurmata wkoll li aktar dettalji għandhom jiġu ppubblikati fi ftit żmien ieħor.
Leg 11 PQ #10251 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

kumpless Downtown — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru s'issa fil-kumpless Downtown in konnessjoni ma' rilokazzjoni tar-Reġistru Pubbliku u tan-Nutar tal-Gvern?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li x-xogħlijiet li saru s'issa fil-kumpless Downtown in konnessjoni mar-rilokazzjoni tar-Reġistru Pubbliku u tan-Nutar tal-Gvern jinkludu xogħlijiet ta' tqassim adegwat t'uffiċini, xkaffar, istallazzjoni ta' parti tas-sistema ta' l-elettriku, u istallazzjoni tat-telefon u tal-Local Area Network.
Leg 11 PQ #10252 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Kumpless Downtown — kera tal-premises

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallset kera tal-premises fid-Dowtown għar-Reġistru Pubbliku u arkivji notarili minn meta ġie ffirmat il-kuntratt ta' kera?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s'issa għadha ma tħallset l-ebda kera lid-Downtown Ltd.
Leg 11 PQ #10253 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Każ fuq transfer ta' impjegat

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex qed jinżamm it-transfer ta' impjegat li jaħdem il-Qorti ta' Għawdex li jrid imur jaħdem l-uffiċċju tal-liċenzji f'Għawdex u dan meta l-istess uffiċċju huwa under staff u mhux qed ilaħħaq mad-domanda tal-pubbliku?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata illi l-impjegata li qed issir referenza għaliha ġiet trasferita għall-uffiċċju tal-liċenzji kif kien meħtieġ, skond l-esiġenzi tas-servizz.
Leg 11 PQ #10255 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Tal-Ibraġġ - indafa l-isptar menatli

Question

Tista' l-Ministru tara li fix-short stay fl-isptar mentali ta' l-Ibraġġ, f'Għawdex jiżdiedu l-cleaners peress li m'hemmx biżżejjed u hemm problema ta' ndafa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-cleaners fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex jitqassmu fuq xogħol skond il-ħteġijiet tad-diversi sezzjonijiet li hemm fl-isptar, inkluż allura ix-short stay.
Leg 11 PQ #10257 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex- Sptar mentali — tiswija fuq magna tal-ħasil

Question

Tista' l-Ministru tara li l-magna tal-ħasil li tintuża fix-short stay ward fl-isptar mentali t'Għawdex tiġi rrangata peress li ilha diversi ġimgħat ma taħdimx?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-magna tal-ħasil fix-short stay ward tinsab taħdem.