Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta' delivery tal-ħrieqi lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li nbeda servizz ta' delivery ta' ħrieqi lill-anzjani fi djarhom? Jekk dan is-servizz inbeda, minn meta? Fejn jistgħu japplikaw l-anzjani? Jista' jgħid jekk id-dipartiment ħariġx tender għal dan is-servizz? Jekk ħarġet tender ġiet allokkata u lil min? Jista' jgħid x'inhi s-sistema, bħal per eżempju jekk hux jintalab ħlas għad-delivery? Kemm huwa l-ħlas? Min jitħallas? Tingħata irċevuta għall-ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kien inbeda Servizz ta’ delivery ta’ ħrieqi lill-anzjani fi djarhom minn naħa tad-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunita’ b’mod temporanju. Peress li dan is-servizz ingħata mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ stess ma kienx hemm il-bżonn li jinħareg tender. Intalab ħlas għad-delivery li kien ta’ €5 għal kull delivery. Wara kull delivery, u l-ħlas dovut lid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, ingħatat irċevuta uffiċċjali, rispettivament. Mit-Tnejn, 12 ta` Marzu 2012 il-kuntrattur il-ġdid għas-Servizz tal-Inkontinenza huwa Protex Ltd. Is-servizz ta` delivery issa qiegħed isir minn naħa tal-Protex Ltd wara li l-istess anzjani jew il-qraba tagħhom jinfurmaw lill-istess kuntrattur li għandhom bzonn delivery, rispettivament. Il-ħlas ta` delivery dovuta lill-Protex Ltd hija ta` Euros 5. Wara kull delivery mnn naħa tal-Protex Ltd., tingħata rċevuta rispettiva. Dan is-servizz minn dejjem kien bi ħlas. Kull klijent jista’ jitlob li ma jużax is-servizz ta’ delivery biex jiġi eżentat minn dan il-ħlas tad- delivery .

Għawdex — nursing home statli għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il nursing home statali għall-anzjani hemm f’Għawdex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’Għawdex il-gvern għandu żewġ swali fl-isptar Ġenerali t’ Għawdex li jintużaw bħala residenza għall-anjzani.

Ċentru tas-Saħħa — apparat mediku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'apparat mediku nxtara f'kull ċentru tas-saħħa f'Malta u Għawdex b'mod separat bejn l-2004 u llum sena b'sena? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Ġenerali t'Għawdex — Central Sterile Supply Departiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni fis-Central Sterile Supply Departiment tal-Isptar t'Għawdex? Jista' jgħid x'kien l-investiment li sar f'dan id-dipartiment mill-2004 sal-lum, sena b'sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

San Pawl il-Baħar — servizz ta' home help

Question

Peress li minn żmien għal żmien qed niltaqa' ma' persuni li qed isibuha diffiċli (b'mod partikolari fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar) biex jingħataw servizz ta' home help, għaliex qed jingħad li m'hemmx nies li jridu jiġu jaħdmu f'din il-lokalità, jista' l-Ministru jara jekk hemmx possibilità li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata billi jiġu impjegati dawk in-nies li huma meħtieġa għal dan ix-xogħol?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment qed jevalwa s-sitwazzjoni u qed jara x’miżuri jista’ jieħu f’dan ir-rigward.

Sptar Mater Dei — parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-garaxx għall-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei hux irranġat bl-impjegati tal-gvern u għaldaqstant humiex imħallsin mill-istess gvern? Jekk le, liema kumpanija hija responsabbli għall-irranġar u jekk din il-kumpanija rebħitx xi kuntratt? Jekk rebħet kuntratt, b'liema mod? Kemm-il sular fih dan il-garaxx u jekk hemmx xi parti li ġiet mikrija, jew jekk hux il-garaxx kollu huwa mikri? Jekk parti biss mikrija, liema parti? Jekk mhux mikri kollu, liema huma s-sulari mwellija lil din il-kumpanija? Jekk dan il-garaxx ingħata b'kirja jew b'titolu ieħor, għal kemm żmien u meta jagħlaq il-kuntratt? Kemm huwa n-numru ta' parkeġġ f'kull sular? Min iffissa r-rati għal ħlas tal-ħinijiet tal-parkeġġ? Ġie ikkunsidrat jekk persuna li ma taħdimx, tistax tieħu parkeġġ għal ċertu żmien, bla ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titppġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

numru ta' siringi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk in-numru ta' siringi għal dawk li jbatu mid-diabete u jieħdu l-insulina hux se jiżdiedu u dan għaliex in-numru li qed jingħata bħalissa mhux biżejjed?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-Avviż Legali 81 tal-2012. Id-Dijabete Mellitus hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi li qabel kienet tingħata l-kura taghħa b’xejn, permezz tal-kartuna r-roża u li issa żdiedet mall-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V. Pazjenti li kienu jieħdu l-kura tad-dijabete permezz tal-kartuna r-roża ser ikunu jistgħu jagħżlu jekk ikomplux jieħdu l-kura meħtieġa tad-dijabete permezz tal-kartuna safra jew roża. Il-pazjenti dijabetiċi li japplikaw skont l-emendi tas-Skeda V fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) u li parti mit-trattament tad-dijabete jikkonsisti minn insulina ser ikunu intitolati għal tletin siringa tal-insulina fix-xahar minflok għaxra fix-xahar.

ID Cards — MY Health

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkonsidra li mal-bidla tal-ID Cards, jagħmel ukoll il-faċilità liċ-ċittadini, jagħmlu wkoll l-ID ta' MY Health u dan sabiex is-servizz ikun aktar aċċessibli għal kulħadd?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-servizz tal-myHealth m'għandux ID tiegħu imma jiddependi fuq l-identità elettronika nazzjonali li hi pprovduta liċ-ċittadini mill-Ministeru tal-Intern u Affarjiet Parlamentari. Għal risposta dwar il-process li se jintuza għal bdil tal-ID Cards u l-ħruġ tal-identità elettronika nazzjonali, li fuqu tiddepedni is-sistema myHealth , nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Servizzi lill-persuni li jbatu bl-ażma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi u għajnuniet jagħti l-gvern lill-persuni li għandhom l-ażma f'Malta u Għawdex separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Ażżma Kronika hija waħda mill-kundizzjonijiet fil-lista tal-Ħames Skeda skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), liema lista għadha kif ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012, kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. Permezz ta’ din l-iskeda, nies li jbatu minn Ażżma Kronika huma ntitolati għall-mediċini b’xejn li qegħdin fil-Formolarju tal-Gvern. Fl-isptar Mater Dei hemm klinika speċifikament għal dawn il-pazjenti. Wieħed mit-testijiet li jsiru huwa l-Lung Function Test. Fl-Isptar t’Ghawdex pazjenti li jbatu minn Ażżma Kronika jattendu fuq bażi regolari l-outpatients tal-mediċina fejn ikunu taħt il-kura tal-konsulent tal-mediċina. Testijiet mediċi inkluż Lung function tests isirulhom ġewwa l-isptar. Dawn il-pazjenti huma ntitolati għall-istess benefiċji bħal f’Malta.

Persuni li jbatu bl-asthma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jbatu bl-ażma f'pajjiżna, f'kull lokalità ta' Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Jista' jagħti l-informazzjoni skont l-età?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każijiet ta' Legionella u Scabies fl-iskejjel u djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-każ ta' legionella u scabies instabu fl-iskejjel tal-Istat u fid-Djar tal-Anzjani b'mod separat, mill-Ispetturi tas-Sanità bejn l-2005 u llum, sena b'sena? F'liema skejjel u djar tal-anzjani instabu dawn il-każijiet? Kemm l-istudenti u l-anzjani kienu involuti f'dawn il-każijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentri tas-Saħħa — ġranet u ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma ċ-Ċentri tas-Saħħa f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid x'inhuma l-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ ta' kull ċentru tas-saħħa b'mod separat? Jista' jgħid x'servizzi jingħataw f'kull ċentru tas-saħħa b'mod separat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

operazzjoni li qed tiġi posponuta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32774 u jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna biex tagħmel operazzjoni f'irkobbitha u d-data tal-operazzjoni ilha tiġi posponuta minn Ottubru tas-sena l-oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — Warfarine tal-1mg

Question

Peress li fl-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek Għawdex in-nies mhux qed isibu il-Warfarine tal-1mg, jista' l-Ministru jara kif jindirizza din is-sitwazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ġiet konsenja urġenti bl-ajru biex tkopri tliet ġimgħat sakemm tasal f’Malta l-konsenja propja fi żmien ġimagħtejn.

Waiting list għall-operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru x'għandu xi jgħid dwar din il-veduta tal-Ombudsman li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward il-waiting lists għall-operazzjonijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Onor. Interpellant ikkwotat mir-rapport tal-Ombudsman li ħareġ fis-sena 2008, u wara li dan ta’ l-aħħar kien investiga ilment dwar każ partikolari. Importanti wieħed ifakkar li l-kumment li qed tirreferi għalih sar fis-sena 2008. Kif kelli ħafna okkażjonijiet li nirrispondi f’dan il-Parlament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġew meħuda b’serjeta kbira. Illum ġewwa l-Isptar Mater Dei qed titħaddem sistema ċentralizzata ta’ listi ta’ stennija. Din is-sistema kompjuteriżżata tissejjaħ Central Patient Waiting List Management System . Tajjeb li ngħid li din is-sistema diġa qiegħda titħaddem f’numru ta’ dipartimenti fosthom id-dipartiment tal-ortopedija, id-dipartiment tal-oftalmoloġija, u d-dipartiment tal-kardjoloġija. Din is-sistema diġa wasslet ghall-immanigjar aħjar tal-listi ta’ stennija u toffri viżibilita’ sħiħa fuq l-istess listi.

persuni barranin li jgħix Malta — mediċini b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni ta' nazzjonalità barranija u li jgħixu hawn Malta wħud minnhom anke għal żmien twil u li jkollhom xi tip ta' mard kroniku humiex intitolati għal ċertu mediċini b'xejn jew le? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn il-mediċini jew it-tip ta' mard?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li persuni ta’ nazzjonalita’ barranija, li jgħixu hawn Malta u li għandhom id-dokumenti validi kollha tal-intitolament huma ntitolati għall-istess mediċini li qegħdin fil-Formularju tal-Gvern bħall-pazjenti ta’ nazzjonalita’ Maltija. Dawn huma dokumenti li jippruvaw li persuna hu kopert mill-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali ta’ Malta jew inkella mir-regolamenti tal-Unjoni Ewropeja għall-Koordinament tas-Sigurta’ Soċjali. Il-kriterji li fuqhom jingħata l-intitolament għall-mediċini b’xejn huma bbażżati fuq l-Att tas-Sigurtà Soċjali Kap 318 Art 23 u Skeda V ta’ l-istess att. Il-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012.

Mental Health Act — bord tal-membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa jibda jiltaqa' l-bord presedut mill-Imħallef li d-dettalji dwarhu qed jingħataw separatament taħt il-Mental Health Act in vista tar-riżenja ta' wieħed mill-membri tal-istess bord?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Nefqa tal-gvern fuq djar privata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34285 u cioè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 33577, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Gvern fuq kull dar privata? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ ftehim li hemm bejn il-gvern u kull dar privata li qed ikun hemm nefqa pubblika fuqha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

talba għal trasferiment

Question

B'referenza għall-mistoqisija parlamentari 32302, jista' l-Minsitru jerġa' jara l-każ tal-anzjana li qed tistenna sodda fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet approvata sabiex tidħol ġewwa Dar għall-Anzjani u sussegwentament ġiet approvata sabiex tidħol ġewwa San Vinċenz fejn tpoġġiet fuq il-lista ta’ stennija.

Dipartiment tas-Saħħa — tiswija ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jingħata x-xogħol ta' tiswija ta' vetturi tad-Dipartiment tas-Saħħa? Lil min qed jingħata? X'tip ta' ftehim hemm ma min qed jagħmel ix-xogħol? B'kemm ingħata xogħol individwalment lil kull garaxx? Jista' jagħti din l-informazzjoni mis-sena 2008 sa April 2012, sena b'sena kuntratt, b'kuntratt?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.