Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Ħaddiema fir-Revenue Section

Question

Peress li fl-1992, meta ġiet imwaqqfa l-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma, l-ħaddiema li kienu impjegati tal-gvern li għażlu li jibqgħu mal-korporazzjoni kien ingħatalhom id-dritt li jkunu jistgħu jmorru lura f'xi dipartiment tal-gvern; u billi l-istess ħaddiema li kienu fir-Revenue Section tal-korporazzjoni wara kienu ġew assenjati mal-ARMS Ltd; u peress li dawn il-ħaddiema issa qed jiġi mitluba li jagħżlu bejn li jibqgħu ma' ARMS Ltd jew li jmorru lura mal-korporazzjoni, u peress li l-ftehim mal-unions kien jassigura li l-impjegati jistgħu jmorru lura mal-gvern biss f'każ li ARMS Ltd tiġi xolta, jista' l-Ministru jgħid jekk id-dritt li dawn l-impjegati, fil-każ li jagħżlu li jibqgħu mal-ARMS Ltd, hux se jibqagħlhom id-dritt li jmorru lura mal-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li skond il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat fl-10 ta’ Mejju, 2012, u li jkopri l-perjodu mill-2012 sal-2015, ġie stabbilit u miftiehem mill-partijiet kollha ‘kkonċernati li, impjegati ‘detailed’ mal-Arms jibqgħu jibbenefikaw ‘mutatis mutandi’, minn dak li hemm stipulat fl-ittra li nħarġet mill-OPM lill GWU, iddatata 29 ta’ Jannar, 1996, rigwardant “Ħaddiema tal-Gvern ma’ Entitajiet Pubbliċi.”

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 35155, fejn il-Ministru kien irrisponda permezz ta' mistoqsija parlamentari 34774, u peress li fil-mistoqsija 35155 kont tlabt kemm tħallas mill-Air Malta l-avukat u l-kumpanija tal-avukat li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, u peress li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34774, l-Air Malta ma semmiet imkien, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35155?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ma tistax tingħata minħabba li hi ta’ natura kummerċjalment sensitiva.

Bord tad-Diretturi — membri

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi membri tal-bord tad-diretturi (inkluż is-segretarju tal-istess bord) tal-kumpanija Gozo Channel li matul l-aħħar 12-il xahar taw servizz professjonali kemm huma personalment kif ukoll żwieġhom u/jew kumpaniji li huma jew żwieġhom ħadmu jew jaħdmu magħhom, lill-kumpanija Gozo Channel stess? Jista' jgħid min kienu l-persuni u/jew kumpaniji li taw tali servizz? Jista' jgħid b'liema tip ta' sejħa ġie kkuntrattat kull servizz professjonali imsemmi? Jista' jgħid jekk saritx sejħa pubblika għall-offerti dwar min ħa d-deċiżjoni li jingħataw direct orders? Jista' jgħid jekk dawn il-persuni u/jew kumpaniji ddikjaraw il-kunflitt ta' interess tagħhom? Jista' jgħid kemm kienet l-istima oriġinali għal kull servizz ikkuntrattat u kemm kien il-ħlas effettiv għal kull servizz?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kumpanija Gozo Channel Co. Ltd f’dawn l-aħħar tnax-il xahar għamlet użu mis-servizzi ta’ Dr. Georgine Grech minn Grech & Grech Associates. Dr. Grech hija s-segretarja tal-bord tal-Gozo Channel. Is-servizz ta’ Dr. Grech ingħata b’Direct Order b’kuntratt ta’ 4 snin (Direct Order Office Ref. No. MF 100/05/2). Il-ħlas dovut lil Dr. Grech huwa ta’ €1,200 fix-xahar fejn €200 huwa ħlas għal servizzi ta’ Board Secretary u €1000 huwa retainer fee għall-servizzi legali.

Malta Enterprise — xogħol ta' perit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ xogħol ta’ konsulenza u/jew xogħol ieħor għamel il-perit li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għal Malta Enterprise? Jista’ jagħti l-ispiża ta’ kull xogħol kif ukoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull rapport li sar? Fuq liema kriterju ntagħżel il-perit għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi skont il-Memorandum li gie iffirmat fis 6 ta Gunju 2012, il-Malta Industrial Parks se tieħu ħsieb it-tisbiħ ġenerali u l-investiment li jrid isir fuq l-infrastruttura fiż-żoni komuni, kif ukoll tindif u landscaping tal-Crafts Village. L-MIP se tagħti wiċċ ġdid lil dawk it-toroq li l-aktar jeħtieġu attenzjoni, liema xogħol mistenni jibda fil-gimgħat li ġejjin. Min-naħa tagħha, l-GRTU qed taqbel li tinkoraġġixxi lill-artiġġjani biex jinvestu fl-operat u l-bini tagħhom sabiex b’hekk ikunu qed jaħdmu mal-MIP fl-iżvilupp taż-żona. Il-Memorandum jesprimi wkoll l-intenzjoni tal-MIP illi tkun flessibbli fir-rigward tas-somma ta' investiment illi jrid isir mis-sidien tal-ħwienet tax-xogħol kif stipulat fil-konvenji, biex b'hekk l-operaturi jkunu jistgħu jagħmlu proposta ta' investiment aktar konformi ma' dak li jifilħu għalih illum. Il-proposti għall-iżvilupp tal-ħwienet tax-xogħol iridu jkunu approvati mill-MIP sabiex tinżamm kwalità tajba fid-disinn u l-materjali li jintużaw u b’hekk titjieb id-dehra taż-żona tal-villaġġ kollu. Intant, l-MIP qed tressaq ukoll talba sabiex il-villaġġ kollu jingħata status ta’ DNO mill-MEPA u b’hekk il-proċess għall-iżvilupp mill-ġdid tal-ħwienet tax-xogħol ikun jista’ jitħaffef aktar. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

qtugħ fil-provvista tad-dawl

Question

B'referenza għall-qtugħ fil-provvista ta' dawn bejn Jannar 2011 u l-aħħar ta' Mejju 2012, fil-perjodu imsemmi, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm qtugħ fil-provvista tad-dawl li kien itwal minn nofs siegħa? Liema nħawi ta' Malta u Għawdex kien jolqot? X'wassal għal dan il-qtugħ? Kemm kien hemm każijiet fejn il-qtugħ tal-provvista tad-dawl ġrat minn ħsarat kawżati waqt xogħlijiet estrani min-naħa ta' kuntratturi? F'każijiet bħal dawn il-kuntratturi jħallsu għall-ħsarat? Il-Korporazzjoni Enemalta kemm sarulha talbiet, jekk sarulha, minn ċittadini privati għal ħsarat f'apparat domestiċi? Tħallsu kumpensi? Jekk iva, kemm? Kien hemm okkażjonijiet fejn il-korporazzjoni ttieħdet il-Qorti abbażi ta' dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar ta’ l-2011 u l-aħħar ta' Mejju 2012 kien hemm 1137 interruzzjoni tad-dawl, minħabba ħsarat jew xogħol fuq is–sistema ta’ vultaġġ għoli. Ġew affetwati diversi lokalitajiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, kif jidher fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn l-interuzzjonijiet kienu jikkonsistu f’328 ħsarat, li minnhom 103 kienu kawża ta’ ħsarat fuq il-linji ta’ vultaġġ għoli ‘l fuq mill-art, 168 ħsarat fuq cables ta’ vultaġġ għoli taħt l-art, 57 ħsarat f’apparat ġewwa substations , u 809 marbuta ma’ xogħolijiet. Kien hemm 58 każ li jinvolvu kuntrattur. Kull każ jiġi mistħarreġ u jintbagħat kont tal-ispejjeż lill-kuntrattur. Ninsab infurmat ukoll li kien hemm 14-il talba minn individwi għall-kumpens. L-ebda kumpens ma tħallas. Il-Korporazzjoni ma ttiħditx il-Qorti abbażi ta’ qtugħ fil-provvista tad-dawl.

każ ta' kont

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-kont tad-dawl u l-ilma ġie għoli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurnat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Enemalta — impjegati li jagħmlu l-korsijiet

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 36002, jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żewg persuni li isimhom qed jintbaghat separatament u xi darba jew oħra kellhom il-grad ta’ PDTO mal-Korporazzjoni Enemalta u llum qegħdin fis-sezzjoni tad-distribuzzjoni, jekk intbagħtux l-Università jagħmlu xi kors? Jikkonferma jekk il-kors kienx engineering jew relatat, jekk għaddewx minn dan il-kors u jekk m’għaddewx jista’ jagħti data eżatta meta tħallsu lura l-flus li l-korporazzjoni ħallsithom f’pagi waqt li kienu qed jattendu l-Università?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab informat li ż-żewġ impjegati msemmija kienu intbagħtu mill-Enemalta jattendu kors l-Università fl-2001. Wieħed mill-korsijiet kien engineering u l-ieħor le. Wieħed minn dawk imsemmija m’għaddiex u l-ieħor ma kompliehx. Dawn iż-żewġ impjegati għandhom Diploma u għaldaqstant skont il-Ftehim Kollettiv huma intitolati għal-allowance. Ninsab infurmat ukoll illi dawn il-ħaddiema mhux qed jingħataw allowance bħalissa, iżda din qed tintuża biex jitħallsu lura l-ammonti dovuti lill-Enemalta.

chief human resources — studju fl-Università

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista oħra dettaljata minn meta nħatar iċ-chief human resources (jew executive head corporate services kif inhu magħruf issa) 'l hawn kemm nies ingħataw permess imorru jistudjaw l-Università, x’kors għamlu, jekk il-Korporazzjoni Enemalta ħallsitx għal dawn il-korsijiet u jekk il-paga baqgħetx toħroġ normali? Dawn l-ispejjeż ġew rifużi u meta f’każ li l-impjegat ma jkunx ġab il-kwalifika li għalija jkun intbagħat peress li l-Ministru fil-mistoqsija parlamentari ta biss informazzjoni għall-2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 29 impjegat li ntbagħtu jistudjaw l-Università jew ġew sponsorjati jagħmlu Distance Learning. Dawn kienu jintgħażlu minn Bord tal-Għażla u approvati miċ-Chief Executive Officer (CEO). Kien hemm każijiet fejn l-Enemalta ħallset l-ammont kollu tal-kors u kien hemm oħrajn fejn ħallset parti minnu. Il-pagi baqgħu joħorġu għas-sempliċi raġuni li l-impjegati kollha segwew il-korsijiet fuq bażi part-time , minbarra wieħed u li l-paga tiegħu kienet toħroġ bin-nofs. Dan kien jattendi x-xogħol meta kien ikollu l-vaganzi l-Università. Il-Lista ta’ korsijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Enterprise — xogħol ta' perit

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35984 u jgħid x’tip ta’ xogħol ta’ konsulenza u/jew xogħol ieħor għamel il-perit li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għal Malta Enterprise? Jista’ jagħti l-ispiża ta’ kull xogħol kif ukoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull rapport li sar? Fuq liema kriterju ntagħżel il-perit għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 35984.

Ħat-Tarxien — problema ta' ġebel fil-katusi tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara l-ilment tar-residenti ta' Triq Kalamija u Triq il-Madonna tad-Duttrina f'Ħal Tarxien, fejn dawn qed ikollhom ħafna ġebel fil-katusi tad-drenaġġ u anke qed ikun hemm riħa tintent fit-triq il-Knisja, f'Ħal Tarxien? Jista' jara li jiġi investigat dan l-ilment imressaq mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezjoni li saret fuq il-post jirriżulta li kien hemm sadd fi Triq il-Knisja li possibilment kien il-kaġun tal-irwejjaħ. Dan tneħħa u ġiet imnaddfa is-sistema wkoll. Hemm ukoll xi blajjet ġewwa waħda mit-tappieri u dawn tneħħew. Ninsab infurmat ukoll li hemm possibilta’ ta’ ħsara fil-mejn ta’ Triq Kalamija u li din ġiet investigata permezz ta’ cctv.

Ammont totali ta' investiment barrani

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32792 dwar investiment barrani, peress li l-NSO Release li rrefera għaliha l-Ministru ma tagħtix l-informazzjoni għal Malta u għal Għawdex separatament, jista’ l-Ministru issa jgħid kemm kien l-ammont totali ta’ investiment barrani, f’Malta u f’Għawdex separatament, fl-aħħar ta’ Ġunju, fl-aħħar ta’ Settembru u fl-aħħar ta’ Diċembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar ċifri li għandna miġbura jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Niġbed l-attenzjoni li ċ-ċifri kkwotati huma proviżżorji u għaldaqstant, jistgħu jinbidlu. Din l-informazzjoni ma tinġabarx separatament għal Malta u għal Għawdex. Għalhekk l-Uffiċċju tal-Istatistika jista’ jipprovdi informazzjoni skont fejn huwa l-indirizz tal-korrispondent.

Malta Industrial Parks Ltd — talbiet għal provvediment ta' imħażen

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba saret lill-Malta Industrial Parks Ltd għall-provvediment ta’ imħażen fl-area tal-Qasam Industrijali ta’ Ħal-Far? Kemm minnhom ġew milqugħa u kemm rifjutati? Kemm baqa’ talbiet pendenti sal-mument meta qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2011 sa llum il-Malta Industrial Parks ma rċeviet l-ebda talba għall-proviżjoni ta’ mħażen fiż-żona industrijali ta’ Ħal-Far.

Bank Ċentrali ta' Malta — riservi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw ir-riservi tal-Bank Ċentrali ta' Malta u fiex jikkonsistu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Ġunju 2012 l-assi barranin tal-Bank Ċentrali ta’ Malta kienu jammontaw għall-€2,683.5 miljuni. Minn dawn, €1,874.3 miljuni kienu jikkonsistu f’investimenti barranin denominati f’ewro, €796.1 miljuni f’assi denominati f’muniti barranin u €13.1 miljun f’deheb.

Enemalta — Gas Division - art

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36223, 35975 u 35823 u jgħid ta' min hi l-art li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta tuża għall-Gas Division fil-Qajjenza, limiti ta' Birżebbuġa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Għawdex — Rabat - Triq Gedrin - irwejjaħ

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Gedrin fir-Rabat Għawdex qed jilmentaw minħabba rwejjaħ ta' drenaġġ ħerġin mit-tappieri, jista' l-Ministru jindirizza dawn l-ilmenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ħadet il-passi meħtieġa biex issolvi l-problema.

irċevuti tal-VAT — lotterija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma, jew le, li l-irċevuti tal-VAT kollha huma eliġibli biex jieħdu sehem fil-lotterija ta' dawn l-istess irċevuti li titla' kull xahar? Jekk le, għaliex issa wara dawn is-snin kollha, rappreżentant tad-Dipartiment tal-VAT spjega (fuq Radio RTK) li mhux l-irċevuti kollha huma eliġibli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li kemm id-darba jkunu riċevuti fiskali maħruġa skont il-liġi tal-VAT dawn ikunu eliġibbli biex jieħdu sehem fil-lotterija tal-VAT. Ninsab infurmat ukoll li rappreżentant tad-dipartiment spjega li riċevuti fiskali jkunu eliġibbli, kemm il-darba jittellgħu, u jkunu validi skont il-provvidimenti tal-liġi tal-VAT.

kont tad-dawl u l-ilma — ilment

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-kont li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba l-ammont eċċessiv li nħareġ dan l-aħħar peress li din il-familja qed tilmenta li qatt ma ġie kont daqshekk għoli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijent.

ilment dwar spaction tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tar-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, minħabba spaction tad-drenaġġ li hemm fit-tarf tat-triq li minnhu qed jitilgħu ħafna ġrieden minnu u qed jikkawża periklu għas-saħħa tagħhom? Jista' dan l-ispaction jiġi rranġat?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezjoni li saret fuq il-post imsemmi jirriżulta li hemm manhole bil-kaptelli f’kundizjoni ħażina. Din ġiet rranġata.

Water Works Department u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif, rispettivament għal Water Works Department 1989, 1990, 1991 u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, għall-2009, l-2010 u l-2011, kemm kienu b’kollox l-impjegati u kemm kienet n-nefqa rikorrenti u kapitali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Xagħra - Triq Għajn Qamar - kwalità tal-ilma

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Għajn Qamar, Xagħra, Għawdex qed jilmentaw mill-kwalità tal-ilma għaliex qed ikun kollu sadid, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ I-ilma sewwiet ħafna ħsarat, u kellha tgħalaq l-ilma f’ċerti każi. Dan irriżulta f’tqanqil ta’ sadid. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tat washout lis-sistema, u issa rranġat.