Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #25175 Sitting 338 2011-04-12 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Garaxx tal-Pulizija — nies mhux liċenzjati li jsuqu xi vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux veru jew le li x-xufiera li hemm fl-MT, Garaxx tal-Pulizija qed isuqu vetturi bħalma huma low-loaders coaches, u trakkijiet tal-Korp meta dawn ix-xufiera m'għandhomx il-liċenzji relattivi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li huma stazzjonati bħala xufiera fl-MT kollha għandhom liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Transport Malta taħt il-klassi C1 u C1+E, li tkoppri għal trakkijiet sa massimu ta' 7500Kg. Hemm ukoll 3 kuntistabbli xufiera li għandhom liċenzja minn Transport Malta li tkopri għal klassi D, ċioe’ coaches.
Leg 11 PQ #25206 Sitting 338 2011-04-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Xemxija — Ċentru tal-fire engine

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqija parlamentari 24980, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk mis-sejħiet imsemmija fit-tweġiba kienx hemm ukoll sejħiet ta' interventi li rriżultaw li ma kenux minnhom, u li l-fire engine kienet issejħet għalxejn b'mod abbużiv?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B'referenza għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 24980, in-numru ta' sejħiet ta' interventi fejn il l-fire engine ssejħet għalxejn b'mod abbużiv kien ta' 81.
Leg 11 PQ #25207 Sitting 338 2011-04-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Forzi tas-sigurtà waqt inċidenti tat-traffiku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24981, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-każ tal-inċidenti indikati b'mod partikulari f'dawk is-siti li fihom ikun hemm inċidenti b'mod ripetut, jekk il-pulizija tibgħatx l-informazzjoni li tinġabar għand Transport Malta, biex din tkun tista' tieħu passi biex tbiddel, jekk ikun il-każ, id-disinn tal-inħawi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni ninforma lill-Kamra, l-Pulizija tgħaddi rapporti fuq formola (accident report sheet) lill-Trasport Malta tal-inċidenti tat-traffiku li tinvestiga. Dan ir-rapport jinkludi l-istat u l-kondizzjoni tat-triq ta’ fejn ikun seħħ l-inċident.

Vetturi tal-Korp tal-Pulizija — traġġit ta' immigranti illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex titħares is-saħħa ta' uffiċjali tal-Puliziija, issa li l-vetturi tal-Korp qed jintużaw għat-traġitt ta' immigranti illegali u allura jistgħu jkunu esposti għal kondizzjonijiet mediċi prekarji?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-buses tal-Pulizija ilhom jintużaw għat-trasport ta’ immigranti rregolari sa minn meta bdew jaslu diversi snin ilu. Għalkemm jittieħdu l-prekawzjonijiet normali, ninsab infurmat illi l- buses tal-Pulizija ilhom jintużaw għat-trasport ta’ immigranti rregolari u issa ta’ persuni li qed jaħirbu mill-kefrija ta’ gwerra ċivili fil-Libja u ma rriżultax li kien hemm xi problema f’saħħet il-membri tal-Korp.
Leg 11 PQ #24886 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

immigranti bi status legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ immigranti bi status legali f’pajjiżna li ġew ripatrijati sena b’sena matul l-2006, l-2007, l-2008, l-2009, l-2010 u l-ewwel xahrejn tal-2011, lejn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, lejn l-Istati Uniti u lejn pajjiżi oħra? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin l-immigranti ripatrijati, kemm kien hemm minnhom irġiel, nisa jew tfal u x’kienet l-età tagħhom ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi immigranti jiġu ripatrijati lura lejn pajjiżhom għax jinsabu illegalment f’Malta. Dan mhux il-każ għal dawk li għandhom status legali f’pajjiżna, u għaldaqstant m’hemmx lok li dan iseħħ. Fir-rigward ta’ ri-sistemazzjoni jew ri-allokazzjoni ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, kien hemm diversi eżerċizzji ma’ pajjiżi oħra fosthom Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. Mill-2006 sas-16 ta’ Marzu 2011, mal-1030 persuna bi protezzjoni u familjari tagħhom marru lejn dawk il-pajjiżi. Dawn kienu jikkonsistu f’603 raġel, 206 mara, 126 minuri subien u 95 minuri bniet. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tabella dettalajata.
Leg 11 PQ #24887 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

immigranti bi status legali ripatrijati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ immigranti bi status legali f’pajjiżna li huwa maħsub li jiġu ripatrijati matul l-2011? F’liema pajjiżi se jkunu ripatrijati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa spjegajt fir-risposta għall-mistoqsija preċedenti, numru 24886, immigranti jiġu ripatrijati lura lejn pajjiżhom għax jinsabu illegalment f'Malta. Għalhekk qed nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal ri-allokazzjoni u mhux ripatrijazzjoni. Għal matul l-2011 se inkomplu bil-programm ta’ ri–allokazzjoni mal-Istati Uniti. In-numru totali li jistgħu jmorru jiddependi minn ħafna fatturi li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern, madanakollu nistennew li jkun fuq l-istess livell tas-sena l-oħra.
Leg 11 PQ #24934 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Degree fil-Kriminologija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24656 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk se jsiru xi sejħiet , Degree fil-Kriminologija, jpoġġix l-applikant f'vantaġġ għall-pożizzjoni ta' spettur minn barra, jew inkella l-entry requirement tkunx b'Degree fil-Kriminologija kif inhu l-każ għas-sejħiet ta' Spetturi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-paragrafu 3ċ tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-postijiet ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-2 ta’ Marzu 2010 li jgħid: " ċ) ikollhom first degree minn Università rikonoxxuta, jew ġew approvati mill-Università għall-għotja ta’ first degree jew għandhom kwalifiki oħra xierqa, komparabbli u rikonoxxuti. Tingħata kunsiderazzjoni lil dawk il-kandidati li għandhom first degree jew kwalifiki oħra xierqa, komparabbli u rikonoxxuti f’dawn l-oqsma: Management, Accounting, Economics, Banking, Finance, Studju Legali, Xjenza, Studju Soċjali, Psikoloġija u Kriminoloġija. "
Leg 11 PQ #24974 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

immigranti irregolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-immigranti irregolari kollha li ġew Malta sal-lum mill-Magħreb mindu feġġet il-kriżi tal-gwerra, kemm minnhom kienu b'refugee status u kemm minnhom kienu economic migrants? Ta' liema nazzjonalità kienu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi din is-sena, s’issa kien hemm:- 55 applikazzjoni għall-ażil. 35 minnhom huma relatati mal-kriżi fil-Libya,19 mill-Eritrea, 1 mill-Iraq, 4 mill-Palestina, 10 mill-Libja, 1 mis-Sudan. Fost dawn il-35, 4 diġa’ ngħataw l-istatus ta’refuġjat, 8 ingħataw il-protezzjoni sussidjarja, u 4 kellhom it-talba rtirata għax m’għadhomx iktar interessati fil-proċess. 7 talbiet sussugwenti u 3 talbiet ta' reviżjoni tal-każ. L-ebda wieħed ma kellu relazzjoni mal-Libya. 819 il-wasla fuq tlett dgħajjes li kollha allegatament ġew mil-Libya. Minn dawn xi wħud diġa' applikaw għall-ażil, l-oħrajn għadhom fiż-żmien li jagħmlu dan. Rigward il-mistoqsija ta’ kemm minnhom għandhom status ta’ refuġat u kemm jitqiesu li m’għandhomx dritt għall-protezzjoni, it-tweġiba tkun tista' tingħata wara li jinħadem il-proċess tal-ażil.

Skola tal-Imqabba — preżenza ta' pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal fl-iskola tal-Imqabba, il-preżenza tal-Puluzija sabiex tikkontrolla t-traffiku, sabiex tiġi evitata xi diżgrazzja, hija waħda sporadika? Jista' jara li l-Puluzija li għandu jkun preżenti kuljum fil-ħinijiet indikati, jkun attiv u jeżerċita l-fakultajiet soliti kollha marbuta mal-kariga tiegħu sabiex jassikura li tiġi salvagwardjata saħħet l-istess tfal stante illi t-triq ta' quddiem din l-iskola hija l-unika waħda f'Malta fejn ma tingħalaqx waqt il-ħinijiet indikati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant, fil-ħinijiet meta t-tfal jibdew u jispiċċaw l-iskola qed ikun hemm preżenza tal-Pulizija kull meta l-esiġenzi tas-servizz jippermettu. Infurmat ukoll li qed isiru arranġamenti mal-Kunsill Lokali tal-Imqabba sabiex fin-nuqqas ta' preżenza tal-pulizija fejn l-iskola, jkun hemm gwardjan lokali.

Reġistrazzjoni tan-numri ta' telefon ċellulari

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24917, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talba mill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex kull numru ċellulari f'pajjiżna jkun reġistrat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li hemm talba sabiex kull numru ċellulari f'pajjiżna jkun reġistrat.
Leg 11 PQ #25165 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — membri barra l-pajjiż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-Korp tal-Pulizija qed jaqdi d-doveri tiegħu barra minn Malta u f'liema pajjiżi qed isir dan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 4 membri tal-Korp tal-Pulizija li qed jaqdu d-doveri tagħhom fl-Olanda, fil-Bosnia u fil-Kosovo.
Leg 11 PQ #25166 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — persuni li telqu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna telqet mill-Korp tal-Pulizija fis-sena 2010 u f'liema grad kienu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2010 kien hemm 59 membru li rtiraw mill-Korp tal-Pulizija. Dawn kienu kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Leg 11 PQ #25167 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — programmi ta' riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm programmi ta' riabilitazzjoni li attwalment f'Marzu 2011 qed jitħaddmu mal-priġunieri, fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Bil-għan illi ż-żmien li wieħed jagħmel fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin iservi ta’ ġid u jkun effettiv għal-bidla fil- priġunier, il-faċilità toffri programm olistiku ta’ riabilitazzjoni f’diversi oqsma. Ninsab infurmat illi priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom diversi programmi, fosthom, priġunieri bi bżonnijiet ta’ riabilitzzjoni minn sustanzi jistgħu jagħmlu użu mill-programmi ta' riabilitazzjoni kontra d-droga ġo SATU, Sedqa u l-Caritas. Bħalissa qed jattendu 8,13, u 8 priġunieri rispettivament f’dawn ir-residenzi. Ninsab infurmat ukoll illi hemm żewġ prigunieri li qegħdin jattendu korsijiet barra mill-faċilità, wieħed fl-Università u l-ieħor l-ITS. Iċ-ċentru edukattiv fil-faċilità joffri diversi korsijiet f’suġġetti different fosthom: Life Skills (bl’Ingliz u bil-Malti), Computer Studies, Store Keeping, taħriġ fil-lingwa Ingliża, Maltija u Taljana, Accounts (O’Level), Mużika, Yoga u Crafts. Għal dawn jattendu total ta’ mitt (100) priġunier. Hemm mija u tlieta u disgħajn (193) priġunier ieħor li jagħmlu xogħol manwali u industrijali fil-faċilità, kif ukoll, wieħed u erbgħin (41) oħra jagħmlu xogħol ieħor fil-kċina, manutenzjoni fil-bini, elettriku eċċ.
Leg 11 PQ #25169 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — membri nieqsa minn Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija nieqsa minn Għawdex fil-15 ta' Marzu 2011 u f'liema grad kienu dawn il-postijiet vakanti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-complementfid-Distretti u Taqsimiet fil-Korp tal-Pulizija jinbidel minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet in ġenerali tal-Korp.
Leg 11 PQ #25171 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — sistema ta' klassifikazzjoni ta' priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-pjan li tibda titħaddem sistema ta' klassifikazzjoni ta' priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Abbażi ta' xiex se tkun ibbażata din is-sistema ta' klassifikazzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-klassifikazzjoni ta’ l-priġunieri qiegħda preżentament titħaddem u dan abbażi ta’ distinzjoni li ssir bejn priġunier u ieħor skont il-kriterji ta' sess, età taħt il-wieħed u għoxrien sena jew le, stat ta' vulnerabilità meqjus tali minħabba n-natura tal-offiża, jekk hux l-ewwel darba li ġie kkundannat għal-priġunerija jew le, tul tas-sentenza u jekk hux diġà kkundannat jew għadu jistenna sentenza .
Leg 11 PQ #25172 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

mobile squad tal-Pulizija — informazzjoni dwar il-vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura hemm preżentament disponibbli għall-mobile squad tal-Pulizija? Ta' liema marka huma dawn il-vetturi? Kemm minnhom qed ikunu assenjati għal kull shift?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-iskwadra tal-Mobile tal-Korp tal-Pulizija għandha għad-dispozizzjoni tagħha 21 vettura tal-marka Ford Focus. Dawn kollha jistgħu jintużaw skont kif ikun kompost is-shift.

Imgħallmin tan-nar — liċenzja A

Question

Wara li saru eżamijiet biex l-imgħallmin tan-nar jakkwistaw il-liċenzja A fl-24 u 26 ta' Jannar li għadda, għaliex ir-riżultati għadhom ma ħarġux u meta se joħorġu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi r-riżultati qegħdin jintbagħtu lill-kandidati kkonċernati.
Leg 11 PQ #24862 Sitting 336 2011-04-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każijiet ta' annulamenti multiple

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika u/jew jirriżultawx każijiet ta' annulamenti multiple jiġifieri aktar minn wieħed mill-istess persuna? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif simili għal dawn l-aħħar erba' snin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika ta' każijiet ta' annullamenti ta' żwiġijiet li ngħataw aktar minn darba lill-istess persuna, però l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jindika d-domanda tiegħu fuq dawk il-każijiet partikolari li jixtieq ikun jaf dwarhom, dejjem jekk dan huwa l-każ.
Leg 11 PQ #24969 Sitting 336 2011-04-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni ħatja ta' abbużi sesswali fuq minuri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21155, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nstabu ħatja ta' abbużi sesswali fuq minuri f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm 167 persuna li nstabu ħatja ta’ reati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni.
Leg 11 PQ #24979 Sitting 336 2011-04-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Banda tal-Korp tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jistudja l-possibilità li l-banda tal-pulizija tibda twettaq displays fuq il-front ta’ Bugibba u l-Qawra matul ix-xhur tas-sajf, biex ikunu jistgħu igħinu biex jallegraw lil dawk il-Maltin u barranin li jkunu f’dawn l-inħawi, f’dan iż-żmien tas-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nirringrazzja lill-Onorevoli Interpellant tal-apprezament tiegħu lejn il-banda tal-Korp tal-Pulizija. Madankollu irid jingħad li l-banda tal-Korp hija waħda li ma taħdimx fuq livell ta’ full time, f’sens illi l-bandisti kollha għandhom ir-responsabilitajiet tagħhom bħala membri tal-Korp fid-diversi Distretti u Taqsimiet tal-Korp fejn huma stazzjonati. Fil-fatt il-bandisti jiehdu 4 sigħat taħriġ fil-gimgħa. Ta' min ifakkar illi matul ix-xhur tas-sajf ix-xogħol għal-Korp tal-Pulizija jiżdied sew minħabba n-numru kbir ta' festi f'diversi lokalitajiet, kif ukoll bin-numru ta' patrols li l-Pulizija tagħmel fuq ix-xtut, bajjiet u lokalitajiet li jattiraw in-numru kbir ta' turisti li jżuru pajjiżna, kif ukoll manifestazzjonijiet festivi oħra. Għalhekk li jsir dak kollu li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant, għalkemm huwa diffiċli, ta' min wieħed ifakkar illi fil-gimgħa li l-Korp tal-Pulizija jiċċelbra l-anniversarju mit-twaqqif tiegħu f’Lulju, il-banda tal-Korp kif ukoll is- Silent Drill Team u t-Taqsima tal-Klieb jagħtu wirjiet f’diversi lokalitajiet, fosthom f’Bugibba /Qawra.