Legislature:
Category:
Reset
Active:

Social Impact Assessments – konklużjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’valur għandhom il-konklużjonijiet mis-‘social impact assessments’ meta dawn jintalbu biex isiru fuq proġetti kbar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ “Social Impact assessment” fi proġetti partikolari, l-Awtorità tal-Ippjanar tkun qed tassigura illi fil-konklużjonijiet, dan ir-rapport ikun jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa biex ikun jista’ jiġi mitigat b’mod konkret kull impatt li jista’ jaffettwa b’mod negattiv lir-residenti tal-lokal. Dawn l-istess mitigazzjonijiet ikunu mressqa bħala parti mill-proposta biex jiffurmaw parti minn sett ta’ kundizzjonijiet li jiffurmaw l-eventwal permess jekk l-iżvilupp ikun għall-approvazzjoni.

San Pawl il-Baħar – Telgħet ix-Xemxija – tiswija tal-moll

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-moll li jinsab taħt it-triq prinċipali tax-Xemxija, jiġifieri Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, jiġi rranġat qabel jitkisser iktar, hekk kif bħalissa dan diġà fih ħafna ħsara?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Raħal Ġdid – pjazza quddiem il-Knisja ta’ Għajn Dwieli — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex se jsiru xogħlijiet matul din is-sena sabiex tiġi rranġata aħjar il-pjazza li hemm quddiem il-Knisja ta’ Għajn Dwieli, Raħal Ġdid u jgħid ukoll jekk jistgħux jinbidlu l-balavostri li qed jitmermru?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li se jsiru xogħlijiet matul din is-sena sabiex tiġi rranġata l-pjazza li hemm quddiem il-Knisja ta’ Għajn Dwieli, Raħal Ġdid u l-balavostri jistgħu jinbidlu.

Proġett tal-Mosta – konsultazzjoni mis-Sezzjoni tal-Ilma tax-Xita

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5748, jista' l-Ministru jgħid ma’ min saret konsultazzjoni mis-Sezzjoni tal-Ilma tax-Xita fi ħdan it-Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita meta ressqet il-proposta tal-istorm water management il-ġdid fil-Mosta lil Infrastructure Malta? Jista' jippreżenta r-rapporti u/jew studji li saru qabel ma ġie deċiż li l-ilma jintefa' f'Wied il-Għasel u x'alternattivi kienu kkonsidrati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett kien implimentat minn Infrastructure Malta u s-Sezzjoni tal-Ilma tax-Xita fi ħdan it-Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita taħt il-Ministeru tax-Xogħolijiet Pubbliċi li pprovdiet assistenza teknika lil din l-aġenzija. Għalhekk saret kunsultazzjoni mal-uffiċjali ta’ Infrastructure Malta li kienu inkarigati mix-xogħol tat-toroq fi Triq il-Kbira, Pjazza Rotunda, Triq il-Kostituzzjoni, Pjazza 16 ta’ Settembru, Triq il-Farinal, Triq ir-Rebbiegħa, Triq il-Barrieri u Triq it-Torri fil-Mosta u ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tal-istess lokalità. Minħabba t-topografija tal-post, l-ilma tax-xita miġbur f’dawn it-toroq dejjem kien imur fil-wied. Għalhekk studji ma sarux, iżda saru kalkoli bbażati fuq il-livelli tat-toroq u l-kobor tal-catchment areas li jaffettwaw id-daqs tal-katusi li jridu jintuzaw biex jiġbru l-ilma tax-xita f’każ ta’ maltempati.

BCA – applikazzjoni għal clearance għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm obbligu biex persuna tapplika għall-clearance min-naħa tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) qabel tagħmel xogħlijiet ta' kostruzzjoni, twaqqigħ jew tqattigħ?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna hi obbligata biex tapplika ghal clearance fi kwalunkwe xogħol ta’ skavar, demolizzjoni jew kostruzzjoni.

BCA – xogħlijiet mibdija mingħajr clearance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabux siti ta' kostruzzjoni fejn inbdew xogħlijiet mingħajr clearance tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA)?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sabet siti ta' kostruzzjoni fejn inbdew xogħlijiet mingħajr clearance.

Minisetru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar — proġetti li għandhom permessi validi mill-Awtorità tal-Ippjanar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5684, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-40 proġett approvati u liema huma t-tliet proġetti li qed jistennew approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar u dan kif mitlub fl-istess mistoqsija parlamentari?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Safi, Imqabba u Ħal Kirkop – ħruġ ta’ permessi għal tined/canopies

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm inħarġu permessi għal tined/canopies mill-1 ta' Jannar 2022 sal-aħħar ta' Jannar 2023 f'Ħal Safi, fl-Imqabba u f’Ħal Kirkop?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.

Energy Performance Certificates

Question

Minħabba li sa minn Ġunju 2022 għadhom ma ġewx imwieġba l-mistoqsijiet parlamentari 1981 u 5572, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati, sena sena u sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali? Kemm minn dawn skadew? Kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.

Ġbir tal-ilma tax-xita fil-bjar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4312, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri tieħu l-Awtorità tal-Ippjanar biex tara li din il-ħtieġa tal-bjar tkun imwettqa? Hemm xi eċċezzjoni fid-dawl li diversi żviluppi huma mingħajr bjar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li proposti ta’ żvilupp għandhom ikollhom bir fejn jiġi wkoll indikat il-qies tal-bir. Il-liġi sussidjarja L.S. 552.22 tagħmel referenza għal dan. L-Awtorità tal-Ippjanar tara li fejn il-pjanti approvati juru bir, dan jinbena bħala parti mill-iżvilupp approvat.

Applikazzjonijiet ta’ sanctioning

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4392, jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ bini illegali li ġie sanctioned mis-sena 2013 sal-lum? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn l-illegalitajiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Anti-Harassment Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija Parlamentari 5724.

Agriculture Stores/Basement Agriculture Stores — Applikazzjonijiet għal bini, sanzjonar, bdil ta' użu jew estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bini, sanzjonar, bdil ta' użu jew estensjoni ta' Agriculture Stores/Basement Agriculture Stores ġewwa Għawdex fl-aħħar ghaxar snin? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati kemm minnhom huma sospiżi u kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2022 intlaqgħu 405 applikazzjoni kompluta għal żvilupp ta’ bini, sanzjonar, bdil ta’ użu għal jew estensjoni ta’ mħażen għal skop agrikolu ġewwa Għawdex. Minn dawn, sas-26 ta’ Jannar 2023, 250 ġew approvati, 33 ġew rifjutati, 33 oħra ġew irtirati, 7 deċiżjonijiet jinsabu sospiżi u 82 għadhom pendenti.

Gudja – Triq De Warsbergh — tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex Triq De Warsbergh, fil-Gudja tiġi rranġata u jekk le, jista’ jara li jiġi redatt pjan għaliex is-sitwazzjoni ta’ din it-triq qed tikkawża tbatija lir-residenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Materjal mormi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk irċeviex rapporti jew informazzjoni dwar it-terrapien li ġie mormi u radam parti mill-wied bejn Triq il-Maltin Internati u Eżiljati u l-Imdina? Jista’ jispjega x’azzjoni ħadet il-Planning Authority u/jew l-ERA?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet diġà ħarġet avviżi ta’ infurzar, u bdiet proċeduri t'azzjoni diretta biex jitneħħa ir-radam fil-31 ta’ Jannar 2023. Liema azzjoni twaqqfet wara li l-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Awtorità.