Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – vetturi skrappjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew skrappjati vetturi (ta’ kull kategorija) matul is-sena 2022?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ vetturi skreppjati matul l-2022 kien kif indikat fit-tabella t'hawn taħt: Kategorija AMMONT Muturi 409 Vetturi tal-passiġġieri M1 8599 Minibuses M2 10 Coaches u Buses M3 18 Vetturi tal Merkanzija N1 632 Vetturi tal-Ġarr N2 54 Trakkijiet N3 101 9823

Ħal Tarxien – bdil fis-sistema preżenti tat-traffiku

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6844 u 7671, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn id-disinji ġewx kompluti u ppreżentati lill-kunsill lokali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proposti għat-toroq imsemmija għadhom qed jiġu żviluppati u għalhekk ser jiġu diskussi mal-Kunsilli Lokali inkwistjoni bħala parti mill-konsultazzjoni regolari.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — impjegati ġodda f'Awtoritajiet u Entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5785 u 6781 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u minn liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella t'hawn taħt b’rendikont ta’ kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-entitajiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru tiegħi minn Marzu 2022 sal-aħħar ta’ Jannar 2023. Dawn ġejjin mil-lokalitajiet: Zurrieq, Mosta, Mtarfa, Rabat, Pembroke, Naxxar, Kalkara, Mellieha, Marsa, Marsascala, Siggiewi , Tarxien, Sta Venera, B’Kara, Zebbug, Lija, Swatar, Fgura, Hamrun, Msida, Gzira, Bahrija, Swieqi, Dingli, Għargħur, Luqa, Pieta’, Marsaxlokk, Qala Ghawdex u Xewkija Ghawdex. Fl-istess ħin qed nipprovdih ukoll b’rendikont tal-ħaddiema li, f’dan l-istess perjodu, spiċċaw mill-istess entitajiet/awtoritajiet minħabba raġunijiet varji. Entita'/ Awtorita Ħaddiema ngaġġati Ħaddiema li spiċċaw Infrastructure Malta 5 9 Transport Malta 23 36 MATS 10 8 Yachting Malta 1 GHRC 1

Ftehim bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali Mosta dwar it-tidwir tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm ftehim bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Mosta fuq it-tidwir tat-traffiku? Sar Traffic Impact Assessment? Jekk iva, jista’ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara diversi laqgħat li saru minn Transport Malta mal-Kunsill Lokali tal-Mosta u ma’ Infrastruttura Malta, kif ukoll f’diversi laqgħat li saru permezz tat-Traffic Management Committee, l-Awtorità tat-Trasport approvat it-tibdil propost mill-Kunsill Lokali tal-Mostaż Minbarra hekk, l-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li: • Traffic Impact Assessment jiġi mitlub meta jkun hemm żvilupp (Proġett) li se jiġġenera aktar traġitti fl-akwati b’rabta mal-iżvilupp innifsu, u għaldaqstant dan it-Traffic Impact Assessment jistabbilixxi l-impatt ta’ dawn l-attivitajiet, li mhuwiex il-każ fis-sitwazzjoni msemmija; • Transport Malta ġiet ippreżentata bi pjan mill-Kunsill Lokali tal-Mosta biex ibiddel id-direzjoni ta’ dak l-istess traffiku eżistenti, u għaldaqstant mhux se jkun hemm l-ebda influss ta’ traffiku, għajr dak diġà eżistenti. Għaldaqstant, Traffic Impact Assessment mhux se jsir. • Bħala parti mill-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, Transport Malta talbet li jiġu indirizzati numru ta’ junctions f’din ir-rotta, bħal dik ta’ Triq il-Kbira ma’ Triq il-Belt Valletta, it-titjib tal-akwati ta’ San Silvestru u dik magħrufa bħala tas-Subaru u l-junction tal-Pjazza tar-Rotunda ma’ Triq il-Kbira. • Dan kollu fid-dawl ta’ titjib f’toroq oħrajn distributorji fl-istess lokalità, bħal Triq Durumblat u Triq id-Difiża Ċivili.

L-Imtarfa — Triq tat-Tabija - kontroll tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiż-żmien li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari kienx hemm aħbarijiet u fiex waslu d-diskussjonijiet fuq kif se jiġi kkontrollat aħjar it-traffiku fit-Triq it-Tabija kantuniera ma’ Triq il-Maltin Internati u Eżiljati, fl-Imtarfa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ppreżentat disinn għal roundabout junction bejn Triq it-Tabija u Triq Għajn Qajjet (li tgħaqqad ma’ Triq il-Maltin Internati u Eziljati). Saret ukoll konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali u Transport Malta. Bħalissa qed isiru modifiċi minuri sabiex ikun ffinalizzat id-disinn wara dawn il-konsultazzjonijiet.

San Ġiljan – Spinola – xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3832 dwar ir-riġenerazzjoni tal-pjazza/ġnien ta’ Spinola, peress li f’din it-tweġiba jingħad li x-xogħlijiet se jibdew, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid fiex waslu dawn ix-xogħlijiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett ser ikun qed isegwi x-xogħlijiet li ser isiru minn entità ta’ servizzi li se tkun qed tintervjeni fuq is-sistema eżistenti tas-servizzi tagħhom.

San Ġwann — Triq Taż-Żwejt - dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn qatt ma reġa’ ġie installat id-dawl tat-triq fi Triq taż-Żwejt, f’San Ġwann, wara li dan tneħħa mill-kuntrattur waqt li kienet qiegħda ssir it-triq? Peress li sal-lum din it-triq għadha mingħajr dawl, jista’ jieħu passi biex jerġa’ jkun installat id-dawl f’din it-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Imtarfa – tiswija ta’ asfaltar fi Triq in-Narċis

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7585, anke jekk il-problema ilha minn qabel l-2019 xorta waħda wara l-2019 is-sitwazzjoni baqgħet dik li hi, u sal-ġurnata tal-lum għadu jidħol ħafna ilma fil-garaxxijiet, għaldaqstant jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex jiġu solvuti l-problemi ta’ ħafna residenti li qed jilmentaw li qed isofru ħsarat kbar fil-garaxxijiet tagħhom kaġun tal-ilma tax-xita, billi jara li jitranġa l-livell tat-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 7585 fejn ġie spjegat ċar li peress li waqt ix-xogħlijiet li saru f’din it-triq nżammew l-istess livelli oriġinali, il-ħsara li qed tiġi riferuta għaliha f’din il-Mistoqsija ma jistax jiġi attribwit ma’ xogħlijiet li saru min Infrastructure Malta erba’ snin ilu.

Kalkara – Proġett tax-Xatt – Ftuħ mill-ġdid tat-triq li tagħti mill-mina sax-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7762, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B’referenza għall-proġett li qed isir fix-Xatt tal-Kalkara, peress li t-triq li tagħti mill-Mina tal-Kalkara sax-Xatt ilha magħluqa għal dawn l-aħħar xahrejn jew iktar, jista’ jgħid meta din it-triq se terġa’ tinfetaħ għat-traffiku sabiex ma tibqax tirrenja l-konfużjoni li qed ikun hemm fix-Xatt?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol imsemmi kellu jieħu numru ta’ ġimgħat aktar milli ppjanat minħabba diversi imprevvisti li rriżultaw fiż-żona. Issa x-xogħol qabad ritmu li għandu jwassal biex it-triq tinfetaħ fi ftit ġimgħat oħra.

Kalkara — Proġett tax-Xatt – aċċess għall-ispiżerija

Question

B’referenza għall-proġett li qed isir fix-Xatt tal-Kalkara, b’mod partikolari għall-parti tax-Xatt fejn hemm l-ispiżerija u l-Każin tal-Banda, peress li din il-parti tax-xatt ilha b’aċċess ristrett għal tal-inqas xahrejn u peress li l-ispiżerija tax-Xatt tal-Kalkara hija l-unika waħda li hemm fil-lokalità u dawk kollha, inkluż anzjani u morda, li bilfors iridu jinqdew minn din l-ispiżerija qed ikollhom jimxu tul esaġerat f’periklu kbir, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun hemm aċċess bil-karozzi imqar għall-bżonn f’din il-parti tax-Xatt?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8273.

Kalkara – Proġett tax-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7764, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B’referenza għall-proġett tax-Xatt tal-Kalkara, jista’ l-Ministru jgħid, skont it-tender/letter of acceptance, meta għandu jintemm ix-xogħol? Jista’ jikkonferma jekk ix-xogħol huwiex qiegħed skont l-iskeda jew le? U jekk le, jista’ jgħid għaliex? Jista' jgħid meta effettivament se jintemm il-proġett kompletament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal diversi proġetti oħra, dan tal-Kalkara kellu jibda fi żmien li d-dinja kollha esperjenzat il-miżuri tal-COVID19. Dan wassal biex il-programm oriġinali inkluż fis-sejħa għall-offerti kellu jiġi totalment rivedut. Apparti dan, waqt il-kors tax-xogħlijiet u minħabba l-fatt li hawnhekk kellha tinbena sistema kompletament ġdida u ħafna ikbar tad-drenaġġ, inqalgħu diversi sfidi relatati mal-fatt li din iż-żona hija kollha art riklamata mill-baħar. Dan wassal biex max-xogħol previst kellu jsir ħafna xogħol ieħor biex tiġi indirizzata l-problema tal-ingress tal-baħar. Fil-fatt parti minn dan ix-xogħol kellu jsir fil-baħar permezz ta għaddasa apposta. Dan il-fattur wassal għal dewmien fl-eżekuzzjoni tal-proġett. Huwa ppjanat li l-proġett ikun lest kompletament sal-aħħar tas-sena, għalkemm partijiet minnu diġa nfetaħ għall-pubbliku u parti sostanzjali minnu ser ikun aċċessibbli fi ftit ġimgħat oħra.

Kalkara – Proġett tax-Xatt — servizz tat-trasport pubbliku

Question

B’referenza għat-trasport pubbliku ġewwa l-Kalkara, peress li x-Xatt huwa mblukkat kollu minħabba l-proġett u l-karozzi tal-linja qed jaslu biss sa tarf Triq il-Missjoni Taljana, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu mistenni li jdum dan l-inkonvenjent b’detriment għar-residenti, ħafna minnhom anzjani li jgħixu fl-inħawi tax-Xatt ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8273.

Konċessjonijiet għall-Port il-Kbir u l-Port ta' Marsaxlokk

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7731, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim ta' konċessjoni tal-Port il-Kbir u l-Port ta' Marsaxlokk u jneħħi dak li huwa kummerċjalment sensittiv?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm numru kbir ta’ dokumenti li fihom numru kbir ta’ paġni u informazzjoni li xorta jitiqiesu bħala dokumenti li fihom informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Kunsill Lokali tar-Rabat — Pedestrian Crossing

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8058, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3915, jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-pedestrian crossing mill-Kunsill Lokali Rabat peress li din diġà ġiet approvata minn Trasport Malta f'Awwissu tal-2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Gorg Borg Olivier ġiet klassifikata bħala triq distributorja u għaldaqstant il-crossing imsemmija ser tkun qed issir mill-gvern ċentrali.

Konġestjoni tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-kaġun li fil-ġurnata tal-25 ta’ April 2023 filgħodu kien hemm it-traffiku u konġenstjoni qawwija, speċjalment għal min sejjer għax-xogħol mill-partijiet ta’ isfel tal-pajjiż?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li kmieni (07:44) fil-ġurnata indikata kien seħħ inċident serju fil-mina ta’ Santa Venera (direzzjoni Nofsinhar), il-mina l-oħra (direzzjoni Tramuntana) kellha tintuża fiż-żewġ direzzjonijiet b’kordinazzjoni bejn l-Awtorità tat-Trasport, il-Pulizija u l-LESA sabiex b’hekk tittaffa kemm jista’ jkun il-problema tat-traffiku fir-rush hour. Peress li s-sewwieq involut weġġa’ serjament, il-proċess twal u ż-żona reġgħet ġiet lura għan-normal fit-08:35.

Konġestjoni tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-kaġun li fil-ġurnata tas-26 ta’ April 2023 filgħodu kien hemm it-traffiku u konġenstjoni qawwija, speċjalment għal min sejjer għax-xogħol mill-partijiet ta’ isfel tal-pajjiż?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġurnata msemmija l-kaġun ta’ konġestjoni ta’ traffiku kien minħabba numru ta' inċidenti li seħħu filgħodu, speċjalment fin-naħa t’isfel tal-pajjiż f’toroq arterjali kif tindika t-tabella ta’ hawn taħt. Data Ħin Post 26/04/2023 07:29hrs Triq il-Gudja, Luqa 26/04/2023 07:33hrs Aldo Moro, Marsa 26/04/2023 08:27hrs Vjal l-Avjazzjoni, Luqa/Gudja (roundabout) 26/04/2023 09:00hrs Santa Venera Tunnel 26/04/2023 14:50hrs Triq Diċembru 13, Marsa

Kuntratt għas-servizzi professjonali – tender IM014/2020

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7399, bil-frażi 'rabta uffiċjali' qiegħed nirreferi għar-rwol li għandha l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fil-kuntratt u allura r-relazzjoni li hemm bejn din il-kumpanija u Infrastructure Malta bħala l-contracting authority, għaldaqstant jista' l-Ministru jgħid x'rabta uffiċjali għandha din il-kumpanija mal-kuntratt għas-servizzi professjonali mogħti b'tender IM014/2020? Jekk hemm rabta, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-data ta' meta bdiet din ir-rabta, id-dokument li juri meta ġew appuntati u l-approvazzjoni tal-contracting authority?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix xi nżid mar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 1721 u 3144.

Santa Luċija – Vjal l-Oleandri – traffic calming measures

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6937 dwar traffic calming measures fi Vjal l-Oleandri, ġewwa Santa Luċija, jista' l-Ministru jgħid xi rriżulta mill-komunikazzjoni bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta fi ħdan il-Ministeru, ikkomunikat mal-Kunsill Lokali u l-possibiltà ta’ traffic calming measures qiegħda tiġi kkunsidrata anke in vista tal-fatt li hemm applikazzjonijiet għal żvilupp kbir fil-viċinanzi.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — rapporti kriminali mis-Segretarju Permanenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7263, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport kriminali sar mal-Pulizija mill-Permanent Secretary tiegħu fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7263.