Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta - Servizz mogħti lill-persuni ta’ San Pawl il-Baħar
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29464, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni minn San Pawl il-Baħar li nqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta matul din is-sena, maqsuma xahar b’xahar? Fid-dawl li llum San Pawl il-Baħar sar l-ikbar lokalità ta’ Malta, b’madwar 10% tal-popolazzjoni ta’ Malta, jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-ħsibijiet tal-Gvern biex ir-residenti ta’ dawn l-inħawi jkunu jistgħu jiġu indirizzati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma li l-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Ottubru, kien hemm 21,873 żjara fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta minn pazjenti li uffiċjalment huma residenti f’San Pawl il-Baħar. Mhux eskluż li kien hemm pazjenti li marru aktar minn darba.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29463, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar il-ftuħ tal-berġa tal-Gvern fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba nħarġet is-sejħa għal din il-berġa, u x’kienu r-risposti għall-istess sejħiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta jkun hemm żviluppi dawn jitħabbru fil-ħin propizju.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Direct orders ta' inqas minn €2,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
TENDER FOR THE SUPPLY AND DELIVERY OF NON-POTABLE WATER FOR RESERVOIR AND IRRIGATION PURPOSES FOR GOZO GENERAL HOSPITAL
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li toħroġ it-tender “TENDER FOR THE SUPPLY AND DELIVERY OF NON-POTABLE WATER FOR RESERVOIR AND IRRIGATION PURPOSES FOR GOZO GENERAL HOSPITAL”? Għaliex din ġiet ikkanċellata darbtejn? Jista’ jgħid ukoll min kien qed jagħmel ix-xogħol mitlub minn din is-sejħa f’dawn l-aħħar xhur u fil-preżent?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li t-tender inħareġ mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex ikollu s-servizz ta’ provista tal-ilma għat-tisqija tal-ġonna tal-Isptar.
It-tender ġie kkanċellat l-ewwel darba biex issir tibdil fl-FBF (financial bid form). It-tieni sejħa ġiet ikkanċellata minħabba li l-offerti sottomessi ma kinux teknikament aċċettabli. Is-servizz msemmi mhux qiegħed jingħata fil-preżent.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma eżattament il-kriterji biex persuna tidħol fl-iskema tal-‘Carers Allowance’ jew tal-‘Carers Grant’? Jekk persuna tkun diġà laħqet jew qabżet l-età tal-pensjoni, tista’ xorta tibqa’ jew tidħol f’din l-iskema?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Skola Medika Barts - Studenti li temmew l-istudji tagħhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti li temmew l-istudji tagħhom mal-Iskola Medika Barts matul is-snin 2024 u 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti ngħataw impjieg mas-servizzi tas-saħħa ta’ Malta fis-snin 2024 u 2025?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskola msemijja hi skola privata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ konsulenti ġodda li ġew reklutati fl-Isptar Mater Dei fl-2024 u fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni dipartiment, dipartiment?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Mater Dei - Konsulenti li spiċċaw, irtiraw jew irriżenjaw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ konsulenti li spiċċaw, irtiraw jew irriżenjaw mill-Isptar Mater Dei fl-2024 u fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni dipartiment, dipartiment?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk anzjani bi problemi ta' saħħa mentali humiex qed jidħlu fi djar tal-anzjani? Jekk iva, jista’ jgħid min jieħu d-deċiżjoni li għandhom jidħlu u xi trattament ikunu qegħdin jingħataw waqt li jkunu fid-djar tal-anzjani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqisija Parlamentati 31738.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21729 li twieġbet aktar minn sena ilu u ċjoè fl-14 ta’ Ottubru 2024, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tal-Gvern illum dwar iċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) kemm mill-aspett ta’ servizzi u ħaddiema, kif ukoll mill-aspett ta’ bini minn fejn jopera dan il-unit?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet għat-trasferiment għall-binja ġdida waslu lejn l-aħħar. Kif diġa weġibt mistoqsijiet parlamentari oħra, meta kollox ikun finalizzat u jkun il-ħin opportun, dawn jitħabbru.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31741 u jgħid kemm hawn koppji anzjani li wieħed minnhom jgħix f’dar tal-anzjani u l-konjugu l-ieħor jgħix fil-Faċilità San Vincenz de Paul?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellanta li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar, u ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, liema kienu l-mediċini li żdiedu fuq il-formolarju tal-Gvern mill-2023 sal-2025? Jista’ jgħid ukoll x’mard jikkuraw dawn il-mediċini?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninnota kif dan il-Gvern qed ikompli jinvesti sabiex iżid il-mediċini fuq il-formolarju tal-Gvern. Infakkar kif fl-aħħar baġit ta’ Gvern Nazzjonalista, is-somma allokata għall-POYC kienet ta’ €3miljun. Gvern Laburista fil-baġit għas-sena d-dieħla, qed jalloka €29 miljun - u qed insaħħu l-investiment b’żieda ta’ €3.5 miljuni oħra fuq is-sena kurrenti.
Intant, qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Żjarat ta’ pets meta s-sid ikun rikoverat fl-Isptar Mount Carmel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pets hux qegħdin jitħallew iżuru lil sidhom meta dan ikun rikoverat fl-Isptar Mount Carmel? Jekk iva, jista’ jgħid kif u fejn, u x’inhi l-policy?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li żjarat lill-annimali domestiċi minn persuna rikoverata fl-isptar huma permessi. Għandu jintalab permess mingħand il-Kap tal-Infermiera tas-sala fejn il-pazjent hu rikoverat.
Skond il-proċedura tal-isptar li nħarġet fl-2016, jiġi jikkunsidrat dan li ġej, qabel jingħata permess:
• Riskji li jista’ jkun hemm għall-annimal jew għal pazjenti oħra.
• Huwa rakkomandat li ż-żjara ssir fil-ġnien.
• Jekk iż-żjara ssir ġo kamra fis-sala fejn ikun rikoverat il-pazjent, il-pazjenti l-oħra jiġu infurmati bil-preżenza tal-annimal, f’każ li jkollhom xi biża’ jew allerġija.
• Jekk ikun magħruf li xi pazjent għandu biża’ jew allerġija għall-annimali, iż-żjara għandha ssir f’kamra separata, ’il bogħod miż-żona klinika (preferibbilment f’kamra li normalment ma tintużax mill-pazjenti).
• Il-kamra tiġi mnaddfa sewwa wara ż-żjara.
• Iż-żjarat tal-annimali ma jsirux jekk l-annimal ikun marid jew għandu dijarea.
• Jingħata il-parir li l-annimal għandu jittieħed xi mixja qabel iż-żjara biex jitnaqqas ir-riskju li jħammeġ fuq il-post taż-żjara.
• Il-klieb għandhom jinżammu biċ-ċinga f’kull ħin u jkunu taħt is-superviżjoni tal-persuna li ġabitom fis-sala.
• L-annimal jista’ jżur biss lis-sid tiegħu u mhux lil pazjenti oħra.
• F’każ li l-annimal jew xi pazjent ieħor juru sinjali ta’ tħassib jew stress waqt iż-żjara, l-istaff tas-sala jitlob li l-annimal jinħareġ mis-sala.
Il-Proċedura tal-isptar teżiġi li ċertu annimali domestiċi m’għandhomx jitħallew jiddaħħlu fl-isptar. Dawn jinkludu annimali aggressivi u eżotiċi (inklużi rettili u sriep) kif ukoll annimali żgħar bħall-frieħ ta’ klieb (inqas minn 6 xhur) u qtates żgħar (inqas minn 9 xhur).
Żjarat ta’ pets meta s-sid ikun rikoverat fis-SAMOC
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pets hux qegħdin jitħallew iżuru lil sidhom meta dan ikun rikoverat fis-SAMOC? Jekk iva, jista’ jgħid kif u fejn, u x’inhi l-policy?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-awtoritajiet tas-SAMOC żviluppaw policy dwar l-annimali domestiċi li ilha fis-seħħ mill-2016.
Infurmat li l-pazjenti huma ssapportjati biex jaraw l-annimal domestiku tagħhom personali biex jgħinhom ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Fl-istess ħin, tinżamm f’moħħ l-amministrazzjoni, li l-pazjent innifsu, l-qraba u pazjenti oħra huma protetti f’kull ħin speċjalmnet minħabba gdim jew grif. Enfanżi partikolari tingħata lir-riskju taz-zoonosis.
Infurmat li l-proċess jibda minn meta l-pazjent jagħmel it-talba fis-sala partikolari fejn ikun il-pazjent. Il-konsulent jagħti l-approvazzjoni jekk ma jara ebda riskju għas-saħħa tal-pazjent.
Il-pazjent jiltaqa’ mal-annimal domestiku f’żona apposta, aċċessibbli mill-Level -1 tas-SAMOC. L-aċċess hu ‘fully accessible’ inkluż għall-pazjent fis-sodda.
Infurmat ukoll li s-saħħa u l-kundizzjoni tal-pazjent hi l-ħin kollu miżmuma bħala priorità. Il-pazjent ikun akkumpanjat minn membru tal-istaff tas-SAMOC.