Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn – Bini ta’ Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex se tinbena Għassa tal-Pulizija ġdida f’Wied il-Għajn u jekk iva sarx studju u sarx proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili sabiex jiġi identifikat l-aħjar sit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser tinbena għassa tal-Pulizija f’Wied il-Għajn. Kienu saru evalwazzjonijiet ta’ siti differenti, intagħżel l-aħjar sit u sar il-proċess meħtieġ mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – Data Protection Officers

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom tad-Data Protection Officers kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali inkluż dawk l-uffiċjali f kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

In-numru ta’ uffiċjali li bħalissa qed jaqdu d-dmirijiet ta’ Data Protection Officer fil-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali huwa ta’ 11. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data se jkun applikabbli fil-25 ta’ Mejju 2018 u għaldaqstant il-ministeri, dipartiment u entitajiet qed jaġġornaw il-listi skont il-provvedimenti tar-Regolament.

Mutual Help Fund tal-Pulizija

Question

B’referenza għall-Mutual Help Fund tal-Pulizija u għad-deċiżjoni li dan jiġi xolt, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni dwar din id-deċiżjoni? Kemm inġabru flus matul is-snin? Kemm tħallsu flus lura lill-Membri tal-Korp tal-Pulizija mis-somma miġbura matul is-snin? X’miżuri ttieħdu biex min ta l-kontribut tiegħu lil dan il-fond jingħata kumpens xieraq? X’inhu l-mudell finanzjarju li ntuża?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – radio advertising — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq radio advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Marzu 2013 sal-lum intefqu €15,621.68 (Vat inkluż) fuq radio advertising, liema nefqa u xandiriet saru fl-2017.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — mobile phones imħallsa mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4896 u jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi hemm 4 persuni inkluż jien li għandhom il-mobile telephone imħallas mill-Ministeru. 5 persuni oħra jieħdu allowance relatata ma’ telefonati. In-nefqa globali minn Ġunju 2017 sa April 2018 hija ta’ € 11,843.82.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm kienu l-inċidenti tat-traffiku li seħħew fi Triq Lewis Wettinger (bypass) fil-Mellieħa bejn il-Ġimgħa 20 ta' April 2018 u l-Ħadd 6 ta' Mejju 2018 u jekk dawn l-istess inċidenti seħħewx fiż-żona minn fejn jew viċin fejn ittieħdet parti mill-istess triq fl-aħħar ġimgħat, preċiżament fil-parti li ż-żona biswit tagħha hija magħrufa bħala Ta' Masrija u li tinsab viċin ħafna t-triq li tagħti għall-Miżieb. (inċidenti qed nifhem kemm dawk li ssejħu l-pulizija kif ukoll l-uffiċjali tal-komunità - gwardjani lokali)

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant, u ċioè bejn il-Ġimgħa 20 ta' April 2018 u l-Ħadd 6 ta' Mejju 2018, kien hemm inċident tat-traffiku wieħed irregistrat fis-sistema tal-Pulizija, li seħħ fi Triq Lewis Wettinger, il-Mellieħa. L-inċident seħħ viċin l-entratura tat-Triq għall-Miżieb. L-informazzjoni ma tinkludix dettalji ta’ inċidenti tat-traffiku li attendew għalihom il-Gwardjani Lokali. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq it-tali informazzjoni, nitolbu jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Reġistratur tal-Kumpaniji – talbiet mill-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għamel il-Korp tal-Pulizija lir-Reġistratur tal-Kumpaniji sabiex jikseb informazzjoni dwar beneficial owners skont dak li jipprovdi r-regolament 7 tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġislazzjoni Sussidjarja 386.19) mill-1 ta' April 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Korp tal-Pulizija m’għamel l-ebda talba lir-Reġistratur tal-Kumpaniji sabiex jikseb informazzjoni dwar beneficial owners skont dak provdut fir-regolament 7 tar-Regolamenti dwar Companies Act (Register of Beneficial Owners) (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 386.19) bejn l-1 ta' April 2018 u s-7 ta’ Mejju 2018.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — safar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4876 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija – Trasferiment ta’ surġent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-Surġent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament ġie trasferit lejn ir-Rapid Intervention Unit (RIU) matul ix-xhur li għaddew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi t-trasferiment tas-Surġent imsemmi f’din il-mistoqsija, sar skont l-esiġenzi tas-servizz, bħal kull trasferiment ieħor li jsir fil-Korp.

Kummissarju tal-Pulizija – laqgħat ma’ surġent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'laqgħat kellu l-Kummissarju tal-Pulizija mas-Surġent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament? Jista' jgħid id-data ta' kull waħda minn dawn il-laqgħat, x'kien is-suġġett u l-eżitu ta' kull waħda mil-laqgħat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi jsiru diversi laqgħat mill-Kummissarju tal-Pulizija ma’ diversi membri tal-Korp, però ma jkunx opportun illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant jkun magħmul Pubbliku.

Korp tal-Pulizija – Surġent – għażla għal trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li s-Surġent tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament ġiex mogħti l-għażla mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar fejn għandu jiġi trasferit matul ix-xhur li għaddew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif sar fil-każ tas-Surġent li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, kull tqassim ta’ membri tal-Korp isir skont l-esiġenzi jew neċessitajiet oħra tal-Korp, li jkun hemm fiż-żmien li trasferiment ikun ser isir.

Korp tal-Pulizija — Surġent - promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu fil-Korp tal-Pulizija s-Surġent li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament? Jista' jgħid xi promozzjonjiet ingħata l-imsemmi Surġent matul is-snin li ilu fil-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid x'każijiet ta' dixxiplina kellu jew għad għandu pendenti fil-konfront tiegħu l-imsemmi Surġent?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi s-Surġent li d-dettalji dwaru ngħataw separatament daħal fil-Korp tal-Pulizija bħala Kuntistabbli fis-sena 2000 u ġie promoss bħala Surġent tal-Pulizija, fis-sena 2005. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ma nħossx li jkun prudenti u mhix il-prassi li tingħata l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — production costs għal TV advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-infiq li sar relatat mal-production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 maqsuma sena b’sena huwa dan: 2013 Xejn 2014 873.77 2015 Xejn 2016 3184.45 2017 7,245.49 2018 Xejn

Għajnsielem – Triq l-Imġarr – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika tan-numru ta’ aċċidenti tat-traffiku fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem matul l-aħħar 10 snin u kemm minnhom kienu fatali, gravi jew hekk imsejħa ħfief?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rreġistrati mal-Pulizija li seħħew fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem matul l-aħħar għaxar snin kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella tindika wkoll dawk l-inċidenti li kienu fatali, gravi jew ħfief. Il-figuri ma jinkludux kulliżjonijiet front to rear u inċidenti li jiġu rriferuti u koperti minn Gwardjani Lokali.

Għawdex – karozzi li huma rrappurtati derelict

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika tan-numru ta’ karozzi f’Għawdex li huma rrapportati derelict matul l-aħħar ħames snin u kemm minn dawn tneħħew mit-toroq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ karozzi, vetturi u makkinarju ieħor li matul l-aħħar ħames snin kienu rrapportati derelict f’Għawdex, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Dawn kollha ħlief għal vettura waħda li ġiet irrapurtata riċentement tneħħew mit-toroq. 2013 2014 2015 2016 2017 2018 (sa April) Total 46 9 26 73 23 18 195

Korrispondenza bejn il-Korp tal-Pulizija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Europol

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha li għaddiet bejn il-Korp tal-Pulizija u/jew il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Europol dwar l-ittra bid-data tas-26 ta' April 2018 u li d-Direttur Eżekuttiv tal-Europol bagħat lill-Membru Parlamentari Ewropew Ana Gomes u li dwar l-istess ittra, il-Korp tal-Pulizija ħareġ stqarrija nhar it-28 ta' April 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux prudenti li l-korrispondenza li qed jirreferi għaliha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija – kopja ta’ ittra

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li l-Korp tal-Pulizija ta lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament jew lill-Avukati tal-istess individwu u li permezz tagħha jingħad li l-imsemmi individwu mhux qed jiġi investigat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li għalkemm ma jkunx prudenti li ittri mibgħuta lil xi individwi, inkluż il-persuni msemmija f’din l-Interpellanza jkunu magħmula pubbliċi, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni speċifika u jagħtina aktar dettalji, inkun nista' nivverifika ulterjorament.

Mewt f'inċidenti tat-traffiku minħabba sewqan taħt alkoħol jew droga

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5384 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk matul is-sena 2017, kienx hemm każijiet ta' fatalitajiet fit-toroq minħabba li s-sewwieq ikun vittma ta' xi sustanza waqt is-sewqan, bħal alkoħol jew droga?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li għalkemm mill-inċidenti fatali li seħħew fis-sena 2017, hemm suspett li kien hemm każ wieħed li ħalla vittmi peress li wieħed mis-sewwieqa seta’ kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, wieħed irid jistenna l-eżitu tal-inkjesta biex dan ikun ikkonfermat.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — nisa fuq bordijiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba b’rabta mal-bordijiet maħtura minn dan il-Ministeru, mill-elezzjoni sal-lum hija din: 139 membru fejn 48 minnhom huma nisa: 34% Infakkar li wħud mill-membri fil-Bordijiet huma regolati mil-Liġi u allura qegħdin fit-tmexxija ta’ diversi Dipartimenti fi ħdan id-dekasteru (ex-officio). Meta jiskadi l-perjodu ta’ kull Bord, qed insegwu l-wegħda tal-Manifest Elettorali sabiex nersqu lejn il-kwota ta’ 40% li jkunu nisa.