Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizzi ta’ ħidma soċjali lill-persuni b’diżabilità

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8741, jista’ l-Ministru issa jagħti risposta ta’ din il-mistoqsija dwar is-Servizzi ta’ Ħidma Soċjali tal-Aġenzija Sapport?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Servizzi ta’ Ħidma Soċjali fi ħdan l-Aġenzija Sapport, huwa l-ewwel kuntatt li jsir mal-Aġenzija minn persuna b’diżabilità u l-familja. L-ewwel pass huwa li klijent prospettiv jiltaqa’ ma’ Ħaddiem Soċjali sabiex jiġu assessjati l-bżonnijiet tal-persuna u jkun riferut lejn is-servizzi meħtieġa, kemm fi ħdan l-Aġenzija kif ukoll dawk provduti minn entitajiet oħra. Minbarra dan, l-Ħaddiema Soċjali jsegwu wkoll persuni b’diżabilità li jkunu qed jibbenefikaw mis-servizzi tal-Aġenzija, jekk ikun hemm il-ħtieġa, kif ukoll imexxu workshops u support groups għal ġenituri u aħwa ta’ persuni b’diżabilità, kif ukoll attivitajiet soċjali permezz tas-servizz Sharing Lives.

Aġenżiji u taqsimiet fil-qasam soċjali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8944, jista’ l-Ministru jindika min huma l-persuni responsabbli f’din il-lista u x’email address għandhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn aktar x’inżid mal-informazzjoni kollha mgħotija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8944.

Ir-Rabat Għawdex – Housing Estates ta’ Taċ-Ċawla — lifts

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10839 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid xi pjanijiet hemm biex isiru lifts fil-Housing Estates ta' Taċ-Ċawla ġewwa r-Rabat Għawdex? U jekk iva, meta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġiet sottomessa applikazzjoni waħda, għall-installazzjoni ta’ lift fil-Housing Estates Taċ-Ċawla, r-Rabat Għawdex. Dan ifisser illi ser ikun qiegħed jiġi installat lift fi blokka waħda. L-Awtorità tad-Djar kisbet il-permessi neċessarji u appuntat Perit li qiegħed jagħmel ix-xogħol preparatorju, biex immedjatament wara jkunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet.

Servizzi ta’ Foster Care –benefiċċji lil min jagħti servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli u jagħti elenku tal-benefiċċji u r-rati applikabbli għal allowance ta’ servizz ta’ foster care?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm familji kif ukoll istituzzjonijiet li jagħtu servizz ta’ fostering għandhom dritt għall-Foster Care Allowance. Tali allowance titħallas lill-kap tal-familja li jkollu l-affidament approvat skont l-Att dwar il- Foster Care , jew lill-Kap tal-Istituzzjoni li tkun iċċertifikata li qiegħda tieħu ħsieb tfal illi ma jkunux baqgħu jgħixu mal-familja/qraba tagħhom. Ir-rata imħallsa għal din l- allowance tammonta għal €100 fil-ġimgħa għal kull tifel jew tifla li qed jiġu fostered .

Tfal b’Diżabilità — allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal allowance għal tfal b’diżabilità? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal allowance għal tfal b’diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Allowance għal Tfal b’Diżabilità, titħallas lill-familji li għandhom tfal li jkunu qegħdin jitħallsu allowance għat-tfal illi jkunu ċċertifikati li qegħdin isofru minn diżabiltà skont kif jipprovdi l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Ir-rata dovuta hija dik ta’ €20 fil-ġimgħa għal kull tifel jew tifla li jkunu ġew iċċertifikati li għandhom diżabilità skont kif jipprovdi l-Att dwar is-Sigurta` Soċjali, u li jissodisfaw l- assessment tal-bord mediku imwaqqaf bis-saħħa tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.

Allowances Supplimentari ta’ Ltim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal-allowance supplimentari ta’ ltim? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal Allowance Supplimentari ta’ ltim?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Allowance Supplimentari ta’ Ltim, titħallas lill- persuna li jkollha l-kura ta’ iben jew bint li jkollhom il-ġenituri mejtin u tal-inqas wieħed mill-imsemmija ġenituri jkun ċittadin Malti. Ir-rata fil-ġimgħa għal din l- allowance hija ta’ €106.85 għal kull iben jew bint taħt kura u titħallas bejn l-età ta’ 16-il sena u 21 sena.

Allowance tal-Istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal Allowance tal-Istudenti? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal allowance tal-Istudenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Allowance tal-Istudenti, titħallas lill-familji li d-dħul annwali tagħhom ma jeċċedix il-€25,045 u li għandhom kura u kustodja ta’ tfal ta’ età bejn is-16 u l-21 sena, li jkunu qegħdin jattendu edukazjoni full-time mingħajr ma jirċievu stipendju jew jirreġistraw għax-xogħol għall-ewwel darba. Ir-rata mħallsa fil-ġimgħa tammonta għal €8.66 għal kull tifel jew tifla eleġibbli.

Allowance Supplimentari tat-Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal Allowance Supplimentari tat-Tfal? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal Allowance Supplimentari tat-Tfal?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Allowance Supplimentari ta’ €2.43 fil-gimgħa ma tingħatax biss lill-istudenti li jaħdmu imma anke lill-persuni oħra li jaqilgħu anqas mill-paga minima nazzjonali.

Allowance tat-Tfal għal Tfal Addizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu eleġibbli għal Allowance tat-Tfal għal Tfal Addizzjonali? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-benefiċċju u r-rati applikabbli għal Allowance tat-Tfal għal Tfal Addizzjonali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Allowance tat-Tfal għal tfal adddizzjonali, titħallas lill-familji li jkunu diġà qed jirċievu l-Allowance tat-Tfal, li jkollhom wild ġdid fil-familja. Għaldaqstant ir-rata li tkun diġà qiegħda titħallas għal kull wild fil-familja, tibda titħallas ukoll għall-wild ġdid. Ir-rati applikabbli jibdew minn €8.66 fil-ġimgħa sa massimu ta’ €24.08 fil-ġimgħa skont id-dħul annwali tal-familja.

Persuni b’diżabilità – servizz ta’ trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistix xi servizz għat-trasport għal dawk il-persuni b’diżabilità li jsibu xogħol?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport tmexxi l-iskema msejħa Empowerment Scheme. Fost il-benefiċċji u sussidji koperti, l-Empowerment Scheme toffri sussidju fuq servizz ta' trasport individwalizzat għall-persuni b'diżabilità li jkunu jeħtieġu li jmorru għax-xogħol, kif ukoll dawk illi jeħtieġu trasport biex imorru f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni post-sekondarja jew jattendu attivitajiet sportivi. Dan is-sussidju jingħata lill-persuni b'diżabilità li ma jkunux jistgħu jagħmlu użu mit-Trasport Pubbliku.

Stallazzjoni ta’ lift fi flat tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir il-lift fil-flat tal-Gvern li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-installazzjoni tal-lift li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, qiegħda ssir bħala parti minn proġett ko-finanzjat minn Fondi Ewropej illi ser iwassal biex 900 familja jibbenefikaw mill-installazzjoni ta’ 110 lift. Ix-xogħlijiet ta’ installazzjoni ta’ lift f’din il-blokka għaddejjin fil-preżent.

Ġenituri li kisru digriet tal-qorti – aċċess għal-ulied lill-ġenituri l-oħrajn

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10112, jista’ l-Ministru jgħid, fl-aħħar 3 snin, kemm kien in-numru ta' ġenituri li jgħixu f'Malta jew f'Għawdex li kisru digriet tal-qorti u ma tawx aċċess ta' uliedhom lill-ġenituri l-oħrajn? Kemm minnhom weħlu l-ħabs? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ġenituri li ma ħallsux il-manteniment

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10112, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġenituri li ma ħallsux il-manteniment li ngħataw maħfra jew amnestija qabel skontaw is-sentenza, sena b'sena, bejn is-sena 2016 u l-2019?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Programm ta' għajnuna lill-familji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx programm ta’ għajnuna lill-persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs u l-familji rispettivi tagħhom? Jekk iva, fiex jikkonsisti dan il-programm? Kemm hemm familji li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, tgħin lill-priġunieri u lill-familji tagħhom permezz ta’ 3 servizzi, li jingħataw mill-Aġenziji Sedqa, s-Servizzi Korporattivi tal-Fondazzjoni, l-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Kommunità u l-Aġenzija Appoġġ. 1. Is-servizzi tal-Aġenzija Sedqa Is-servizzi tal-Aġenzija Sedqa huma kollha miftuħa għall-persuni li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ priġunerija jew jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Priġunieri jistgħu jitolbu lill-Inmates Services fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u minn hemm ikun jista’ jibda kuntatt mas-servizzi tagħna fil-kommunità. Wara evalwazzjoni, l-priġunier ikun jista’ jaċċedi wkoll għal-servizzi rijabilitattivi residenzjali barra mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, wara li jinġiebu l-approvazzjonijiet neċessarji għar-rilaxx tiegħu. Is-servizzi ta’ l-Aġenzija Sedqa huma wkoll disponibbli għall-familjari tal-priġunieri. Dawn jistgħu jagħmlu kuntatt magħna kemm permess tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kif ukoll fuq inizjattiva personali. 2. Is-Servizzi Korporattivi Id-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Fondazzjoni, jgħin lil dawn il-familji li għalkemm ma jkunux eligibli mit-tqassim tal-FEAD (Fund for the European Aid to the Most Deprived) jew tal-SFFD (State Funded Food Distribution), billi meta jkun hemm nuqqas ta’ riżorsi, tipprovdi għajnuna materjali li tvarja minn ikel għall-bżonnijiet oħra tad-dar bħal għamara, ħwejjeġ jew white goods. 3. L-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Kommunità L-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Kommunità, tagħti servizzi lill-prinġunieri li jinsabu taħt ir-responsabbilità tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi (CSA), b’diversi modi. Dawn id-diversi interventi huma elenkatikif ġej; 3.1. Sessjonijiet ta’ żvilupp fil-ħiliet. Sessjonijiet ta’ żvilupp fil-ħiliet qed jiġu mogħtija lill-priġunieri li qed iservu l-aħħar sena mis-sentenza tagħhom. Is-suġġetti huma diversi u jinkludu magħhom sessjonijiet relatati ma’ impjieg, l-immaniġjar tal-ħin u l-flus, il-metodi differenti ta’ ħlas, l-istil ta’ ħajja san u b’saħħtu, stejjer ta’ suċċessi mingħand priġunieri tal-passat, il-motivazzjoni, tisħiħ tal-karattru, l-immaniġjar tal-iskart u l-ġrajjiet kurrenti fost oħrajn. Dawn is-sessjonijiet qed jiġu provduti kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa kull ġimgħa. 3.2. Sezzjonijiet individwali Ġaladarba l-priġunier jiġi riferut għas-servizzi tal-Aġenzija, hija tipprovdi sessjonijiet individwali fejn flimkien jiddiskutu u jfasslu bi qbil, pjan ta’ azzjoni bi preparazzjoni għad-data tat-tluq. L-Aġenzija taddotta mod multidixxiplinarju fejn bis-saħħa ta’ tim magħmul mill-qasam soċjali bħal CSA, FSWS, Jobplus u NGO’s fost professjonisti oħrajn, jiġu preżentati d-diffikultajiet u s-soluzzjonijiet sabiex jitaffew ftit minn dawn id-diffikultajiet. Matul dawn is-sessjonijiet, jiddiskutu sitwazzjonijiet relatati ma’ impjieg u akkomodazzjoni wara li l-priġunier joħroġ mill-Faċilità, s-sistema ta’ sapport illi wieħed ikollu u xi servizzi addizzjonali li jistgħu jkunu ta’ interess għall- priġunier. Is-Servizz jaħdem qatiegħ sabiex il-priġunier ikollu aċċess għall-dawn is-servizzi, kif ukoll jagħti is-setgħa lill-klijent jieħu l-pass meħtieġ biex jkollu ġejjieni aħjar. 3.3. Integrazzjoni Wara r-rilaxx, l-Aġenzija taħdem sabiex tassisti fl-għanijiet illi jkunu ġew diskussi fil-pjan ta’ azzjoni kemm qabel kif ukoll wara l-prigunerija, flimkien mal-klijenti. Toffri sapport bażiku u għajnuna prattika għall-klijent, filwaqt li tinkoraġixxi sapport u motivazzjoni lilhom biex jerġgħu jintegraw lura fil-kommunità. Tkompli tinkoraġġihom ukoll sabiex jutilizzaw is-servizzi eżistenti u mogħtija lilhom illi l-aktar jilħqu l-miri tagħhom. 3.4. Sapport fl-impjieg Il-proċess jibda matul il-priġunerija u jkompli wara l-ħruġ tal-priġunier. Dan is-servizz huwa mifrux fuq l-abilitazzjoni li wieħed irid għax-xogħol. Proċess illi jinvolvi kollaborazzjoni ma’ Jobsplus fil-qasam tas-sezzjoni inklussiva, assistenza lill-klijenti fuq il-kitba tas-CV, assistenza waqt intervisti għall-impjieg, faċilita` sabiex l-intervista ssir CSA stess u preparazzjoni tal-klijenti b’mod ħolistiku għall-impjieg. Jekk ikun hemm qbil mal-klijent u ma’ min iħaddem, l-Aġenzija toffri visti fuq il-post tax-xogħol għal sitt xhur wara li l-priġunier ikun temm is-sentenza tiegħu, sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-impjegat u min iħaddem. Dan sabiex tkun ikkjarifikata b’mod professjonali, kull komunikazzjoni żbaljata u problemi li wieħed jista’ jkun qed jaffaċċja, li jistgħu jtellfu milli l-klijent iżomm l-impjieg tiegħu. 3.5. Sapport lill-familja L-Aġenzija toffri wkoll servizzi lill-membri tal-familja tal-priġunier, wara li juri x-xewqa ta’ assistenza lill-familja tiegħu. Sabiex tiġi assistita, l-Aġenzija tiltaqgħa mal-familja, jkunu identifikati l-ħtiġijiet, speċjalment dak illi għandu x’jaqsam mal-ħabs, toffri sapport, tassisti fil-bżonnijiet prattici u tirrefer skont il-bżonn. 3.6. Inizzjattivi 3.6.1. In-Network tas-CSA – Laqgħa tan-network tiġi organizzata b’mod regolari. Il-membri tagħha huma nies li jirrapreżentaw entitajiet illi jipprovdu servizz fis-CSA. Il-membri jinkuludu CSA, Jobsplus, DSS, Rise Foundation, Appoġġ u d-Dipartiment tal-Probation and Parole. L-għan ta’ din il-laqgħa hija li jiġi provdut spazju għal dawk illi għandhom sehem ta’ interess u qegħdin jaħdmu mas-CSA sabiex jgħinu lill-ħabsin. 3.6.2. Sessjonijiet tal-Incredible Years Parenting Programme qed isiru fi ħdan is-CSA. Għarafna realta’ fejn il-priġunieri speċjalment dawk femminili, jiddiskutu mal-Aġenzija kif għad m’għandhomx il-kustodja tat-tfal imma jippjanaw li jkollhom relazzjoni aktar effettiva u pożittiva mat-tfal tagħhom. Filwaqt li jittamaw li tingħatalhom lura il-kusotdja tat-tfal tagħhom wara r-rilaxximent mill-ħabs. Għarafna wkoll li wara snin ta’ nuqqas ta’ preżenza sana fil-familja u perjodu fil-ħabs li jkunu għamlu, dawn il-priġunieri jkollhom bżonn ħiliet essenzjali sabiex jgħinuhom li jkollhom relazzjoni aktar effettiva mat-tfal tagħhom wara l-perjodu li jkunu għamlu fil-ħabs. Dan il-programm jolqot propju dawn il-kwistjonijiet. 3.6.3. Korsijiet tax-xagħar u l-make up – fejn professjonist fil-qasam tax-xagħar u s-sbuħija jagħti sessjonijiet lill-prigunieri nisa fis-CSA u wara l-għeluq tal-kors jingħatalhom ċertifikat ta’ attendenza. Din tgħin biex jiżdied il-portafoll tal-assi miksub mill-priġunier u jżid il-possibilita’ ta’ impjieg. 3.7. Statistika Mal-għeluq tax-xahar ta’ Mejju 2019, is-servizz kien qed jassisti sebgħa u erbgħin individwu (47) , ħamsa (5) minnhom kienu membri tal-familja tal-priġunieri. 4. L-Aġenzija Appoġġ F’ każijiet ta` minuri li jkunu qed jiskontaw sentenza ta` ħabs, l-Aġenzija Appoġġ, permezz tal-programm Embark for Life (E4L), għandha sehem attiv fit-tfassil ta’ pjan ta’ kura għal dawn iż-żgħażagħ. Professjonisti li jaħdmu maż-żgħażagħ ikunu preżenti regolarment ġewwa l-CoRRS u, waqt illi ż-żgħażagħ ikunu qed jiskontaw s-sentenza tagħhom, jibdew jippreparawhom għal meta joħorġu lura fil-kommunità, permezz ta` workshops b’ temi differenti bħal, komunikazzjoni effettiva, preparazzjoni għax-xogħol, użu tajjeb tal-ħin, kif wieħed jikkontrolla l-imġieba tiegħu u kif wieħed jieħu deċizjonijiet għaqlija. Isir ukoll xogħol individwali u ż-żgħażagħ jiġu mgħejjuna jaħdmu fuq il-ħiliet tagħhom waqt illi jkollhom opportunità, jekk juru motivazzjoni u impenn, biex jagħmlu xi korsijiet illi jsibuhom utli meta jerġgħu jirritornaw fil-kommunità. Dan ix-xogħol isir b’ ħidma konġunta bejn professjonisti tal-CoRRS kif ukoll ma’ ħaddiema soċjali oħra, kemm mill-Fondazzjoni u anke minn entitajiet oħra, li barra li jkunu qed jiġu mgħejjuna ż-żgħażagħ infushom, ikun qed isir xogħol ukoll mal-familjari tagħhom. 5. NGOs Fl-aħħarnett, tajjeb illi jkun reġistrat ukoll li l-Ministeru permezz ta’ zewġ Public Social Partnerships (PSPs) mal-NGOs RISE Foundation u l-Għaqda Mid-Dlam għad-Dawl, qiegħed jgħin numru akbar ta’ priġunieri permezz ta’ programmi ta’ tħejjija għar-rintegrazzjoni li jsiru lejn tmiem is-sentenza karċerarja u li jiffukaw fuq li l-priġunieri jsibu xogħol u jkollhom saqaf fuq rashom.

Ċentri LEAP – Għajnuna lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 31246 tat-12-il Leġiżlatura dwar l-għajnuna mogħtija lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, jista’ l-Ministru issa jagħti risposta ta’ din il-mistoqsija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għajnuna li jingħataw dawn il-persuni, l-familjari u l-carers tagħhom, permezz tas-social mentor, mhux li jipprodvu dan is-servizz professjonali huma stess, imma li jassisstu u jidderieġu lil dawn il-persuni lejn is-servizzi professjonali relattivi u professjonisti kompetenti biex jirċievu l-għajnuna li għandhom bżonn. Il-prassi hija li dawn il-persuni qed jiġu megħjjuna skont il-pjan t’azzjoni li jiġi maqbul ma’ l-individwu u mal-professjonisti l-oħra li jkunu qed jaħdmu mal-klijent. Fejn ma jkunx hemm professjonisti eżistenti u jinħass il-ħtieġa, l-klijent jiġi ggwidat biex iffittex servizz addatat jew ikun riferut minnha wara li jingħata l-kunsens. F’kaz ta’ urġenza jew f’kaz ta’ periklu, għall- individwu u n-nies l-oħra, anke jekk ma jingħatax kunsens, jingħata servizz jew jiġi riferut għal servizz addatat hekk kif titlob il-liġi u l-etika.

Persuni reġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26154 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jindika kemm hemm persuni reġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità li huma residenti fil-lokalitajiet ta’ Marsaskala u ż-Żejtun? Kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għajnuna li jingħataw dawn il-persuni, l-familjari u l-carers tagħhom, permezz tas-social mentors, mhux li jipprodvu dan is-servizz professjonali huma stess, imma li jassisstu u jidderieġu lil dawn il-persuni lejn is-servizzi professjonali relattivi u professjonisti kompetenti biex jirċievu l-għajnuna li għandhom bżonn. Il-prassi hija li dawn il-persuni qed jiġu megħjjuna skont il-pjan t’azzjoni li jiġi maqbul ma’ l-individwu u mal-professjonisti l-oħra li jkunu qed jaħdmu mal-klijent. Fejn ma jkunx hemm professjonisti eżistenti u jinħass il-ħtieġa, l-klijent jiġi ggwidat biex iffittex servizz addatat jew ikun riferut minnha wara li jingħata l-kunsens. F’kaz ta’ urġenza jew f’kaz ta’ periklu, għall- individwu u n-nies l-oħra, anke jekk ma jingħatax kunsens, jingħata servizz jew jiġi riferut għal servizz addatat hekk kif titlob il-liġi u l-etika.

Iż-Żejtun u Marsaskala — Single Parents

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ single parents li jirċievu l-Għajnuna Soċjali fil-lokalitajiet ta’ Marsaskala u ż-Żejtun?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ single parents, li jirċievu l-Għajnuna Soċjali fil-lokalitajiet imsemmija huwa kif ġej; Għajnuna Soċjali Lokalità Single Parents Marsaskala 122 Żejtun 134 Total 256

Support Line 179

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li għamlu użu mil-Linja tat-Telefon 179 fl-aħħar tnax-il xahar u fiex kienu jikkonsistu dawn it-telefonati u x’tip ta’ azzjoni ttieħdet mill-Aġenzija Appoġġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-aħħar tnax-il xahar, bejn Ġunju 2018 u Ġunju 2019, is-Supportline 179 irċieva 124 telefonata mingħand minuri. It-telefonati kienu jvarjaw minn bullying, problemi fl-iskejjel, abbuż fiżiku jew emozzjonali mill-ġenituri jew partners tal-ġenituri, tfal illi jiltaqgħu ma’ xi problemi fuq l-internet bħal sexting, cyberbullying, grooming etc... tfal illi qed jitħallew weħidhom id-dar għal tul ta' ħin, tfal illi huma mdejjqin jew inkwetati minħabba problemi fil-familja, bħal separazzjoni tal-ġenituri, minuri li għandhom xi diżgwid mal-ġenituri fuq kwistjonijiet bħal sa x’ħin jistgħu jdumu barra u għax il-ġenituri ma japprovawx il-boyfriend jew il-girlfriend tal-minuri. F'każijiet ta' abbuż fuq l-internet, it-tfal ġew riferuti lis-servizz tac-Childwebalert ġewwa l-Aġenzija Appoġġ, filwaqt li f'kazijiet ta' abbuż fiżiku u/jew emozzjonali jew traskuraġni it-tfal ġew riferuti lis-servizz għall-Ħarsien tat-Tfal fl-istess Aġenzija. F'każijiet fejn il-minuri kienu weħidhom id-dar ġew involuti kemm il-ħaddiema soċjali tas-servizz tal-emerġenza u kif ukoll il-pulizija li marru fuq il-post biex jinvestigaw ir-rapporti li jkunu daħlu. Rigward problemi u bullying fl-iskejjel, it-tfal ġew riferuti lis-psychosocial team tal-kulleġġ tagħhom u lis-servizz tal-anti-bullying fi ħdan id-dipartiment ta' l-edukazzjoni. Tfal illi kienu qed iħossuhom imdejjqin minħabba affarijiet fil-familja, iżda li ma kienx hemm abbuż fuqhom, ġew riferuti lill-counsellors ġewwa l-iskola rispettiva tagħhom u ġew mgħarrfa wkoll b’servizzi simli li jeżistu ġewwa pajjjiżna u li huma mmexxija minn NGOs.

Applikazzjonijiet għal sussidju fuq stair lifts pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet għal sussidju fuq stair lifts li għadhom pendenti? Jista’ jieħu l-passi meħtieġa biex dawn l-applikazzjonijiet ikunu mogħtija l-attenzjoni meħtieġa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Awtorità tad-Djar għandha 41 applikazzjoni pendenti taħt l-Iskema tad-Diżabilità għall-installar ta’ stairlift.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — għarfien fuq traffikar ta' persuni

Question

B'referenza għar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġ mill-US State Department 2019, jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix jew hemmx pjan li tinħoloq, kollaborazzjoni interministerjali bejn il-Ministeru tiegħu u Ministeri oħra? Jista' jindika liema huma dawn il-Ministeri?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, din il-funzjoni tinqeda permezz tal-Human Trafficking Stakeholders’ Taskforce, fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.