Legislature:
Category:
Reset
Active:

Powerstation tal-Electrogas – cost benefit analysis

Question

Jista’ l-Ministru jispjega u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-cost benefit analysis tal-Powerstation tal-Electrogas?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba mill-Enemalta plc għandha valur kummerċjali għal kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 29690 tal-Leġiżlatura XII fejn ma kien hemm l-ebda spiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tiegħi fl-2014, fl-2015 u fl-2016.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1751 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni, l-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma flimkien mal-Entitajiet u l-awtoritajiet fi ħdanu irċevew 50 talba. Minn dawn intlaqgħu 19 -il talba filwaqt li kien hemm 2 talbiet li ġew aċċettati parzjalment. 25 talba ġiet rifjutata filwaqt li 2 talbiet oħra ġew irtirati mill-individwi. 2 talbiet għadhom pendenti. It-talbiet kollha saru minn individwi privati jew minn mezzi tax-xandir bit-talbiet ikopru diversi aspetti varji tat-tmexxija pubblika. Ir-raġunijiet għaliex kien hemm 25 talba li ġew rifjutati huma kollha skont l-aritkolu 14 tal- KAP. 496 (Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni). It-talbiet skont kif saru sena b’sena huwa hekk kif ġej skont din it-tabella: Sena Talbiet 2011 1 2012 1 2013 20 2014 3 2015 13 2016 5 2017 (sal-24 ta' Novembru) 7

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – direct orders għal xogħol, materjal jew servizzi f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal xogħol, materjal jew servizzi f'Għawdex minn Marzu 2013 sal-aħħar ta' Ottubru 2017? Għal kull każ, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta' dawn id-direct orders, lil min ingħata u f’liema lokalità f'Għawdex sar ix-xogħol u mil-liema kuntrattur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Ottubru 2017 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — sistema tal-informatika mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk l-entitajiet/dipartimenti fid-deskasteru tiegħu li għad għandhom l-użu tas-sistema tal-informatika tagħhom mhux kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ jista’ jgħid liema huma d-dipartimenti/entitajiet u x’qed isir biex din issir aċċessibbli?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li l-Gvern ilu jsegwi l-linji gwida tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Tekonoloġija tal-Informatika (FITA) mindu din twaqqfet fis-sena 2000.

Telgħa ta’ Selmun – bozoz fuq l-arbli

Question

Peress li f’dawn l-aħħar jiem, numru ta’ bozoz fuq l-arbli li hemm fit-triq arterjali magħrufa bħala t-Telgħa ta’ Selmun limiti tal-Mellieħa kienu mitfija jew maqtugħa, jista’ l-Ministru jara li dan in-nuqqas jiġi rranġat mill-aktar fis possibbli peress li qed jikkawża inkonvenjent u periklu għas-sewwieqa li jkunu qed jagħmlu użu minn din l-istess triq fil-ħinijiet ta’ filgħaxija anke minħabba l-ammont ta’ ħofor li fiha l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li l-manutenzjoni fuq l-arbli tad-dawl msemmija saret fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn bl-assistenza ta’ wardens, impjegati tal-Enemalta rranġaw ħsara fuq il-linja u anke biddlu lampi maħruqa li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tal-kumpanija.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata ebda xogħol legali lill-individwu jew lid-ditta legali tiegħu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament. L-informazzjoni mitluba mill-Enemalta plc għandha valur kummerċjali għal kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.

Enemalta – sistemi tal-panelli fotovoltaiċi mqabbda mal-grid – feed-in tariff scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet mal-Enemalta biex familji li stallaw is-sistema tal-panelli fotovoltaiċi jiġu mqabbda mal-grid, jiġifieri jibdew jibbenefikaw mill-feed-in tariff scheme, fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ familji u negozji li qed jibbenefikaw minn sistemi ta’ pannelli fotovoltaiċi sabiex jikkonvertu l-enerġija sostenibbli mix-xemx f’enerġija elettrika qed jiżdied minn sena għal oħra. Fil-fatt, in-numru ta’ persuni li applikaw biex iqabbdu pannelli fotovoltaiċi mas-sistema tat-tqassim tal-elettriku nazzjonali (national grid) fl-ewwel għaxar xhur tas-sena laħaq l-2340, u diġa qabeż it-total tas-sena 2016 (2,311). Minkejja din iż-żieda fl-applikazzjonijiet, fl-istess għaxar xhur il-Kumpanija Enemalta rnexxielha tnaqqas kważi bin-nofs (47 fil-mija) iż-żmien li fih jitwaħħal il-meter meħtieġ sabiex dawn il-familji u n-negozji jitħallsu għall-elettriku ġġenerat mis-sistemi fotovoltaiċi tagħhom, permezz tal-iskemi tal-feed-in-tarrif. Dan ifisser li meta japplikaw għal dan is-servizz, il-klijenti jkollhom il-meter imwaħħal f’medja ta’ għaxart ijiem. 91 fil-mija tal-applikazzjonijiet fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena saru minn familji għal sistemi fi djar residenzjali, waqt li -kumplament jinvolvu sistemi simili, iżda x’aktarx akbar, installati minn negozji u entitajiet oħra f’postijiet mhux residenzjali. It-toal ta’ applikazzjonijiet ta’ sistemi fotovoltaiċi bejn l-2014 u din is-sena jilħaq 13,573, li jfisser 38 fil-mija aktar mill-istess figura fl-erba’ snin ta’ qabel.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — postijiet mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-postijiet fl-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu/tagħha li għadhom mhumiex kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ, jista’ jgħid fejn hu l-post u x’qed isir biex dan isir aċċessibbli?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-postijiet fl-Entitajiet/Dipartimenti fid-dekasteru tiegħi huma kollha aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. Fir-Rigward tal-Enemalta plc, il-bini ewlieni tal-Kumpanija li jinsab fil-Marsa u li fih hemm l-uffiċju tal-Customer Care huwa ukoll aċċessibli għall-persuni b’diżabilità. Madankollu l-Enemalta plc għandha diversi postijiet tax-xogħol oħra u stallazzjonijiet tal-Ġenerazzjoni u Distribuzzjoni tal-elettriku li mhux neċessarjament jistgħu jkunu aċċessibli minħabba n-natura teknika tagħhom. Kull Entità u Dipartimenti li jaqgħu taħti huma mpenjati li dejjem ikomplu jtejjbu l-aċċessibilita’ tal-postijiet tagħhom fejn hu teknikament possibli.

Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 92 u jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2017 u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 4 ħaddiema li l-kuntratt tagħhom inbidel min wieħed definit għal kuntratt indefinit skont Direttiva Nru 12 maħruġa f’April 2017 fl-Entitajiet u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Ma kien hemm ebda każ ta’ indivdiwi li minn bażi part-time inqalbu għal full-time. L-informazzjoni mitluba mill-Enemalta plc għandha valur kummerċjali għal kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – impjegati – unpaid leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm, u jekk iva, kemm hemm persuni li reċentement ġew impjegati matul l-aħħar sitt xhur mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, u li diġà ħadu sena unpaid leave?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jirriżulta li hemm persuna waħda involuta.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — ħaddiema b'diżabilità - ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm ilmenti (kemm jekk huma ilmenti ġodda jew fis-seħħ mis-snin preċedenti) minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti n-numri għal kull dipartiment/entità (mingħajr ma jsemmi l-ismijiet tal-persuni)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ma kien hemm ebda lment ġdid jew xi lment pendenti mis-snin preċedenti minn ħaddiema b’diżabilita’ li ma jkunux jistgħu jagħmlu xi xogħol mogħti lilhom minħabba limitazzjoni imposta mid-diżabilità tagħhom.

Għawdex – proġett ta’ second class water għall-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' second class water għall-bdiewa f'Għawdex? Kemm hemm bdiewa Għawdxin li s’issa qed jibbenefikaw minn dan il-proġett? Kemm-il litru ta' ilma qed jintuża kuljum minn dawn il-bdiewa u kemm qed iħallsu għall-użu ta' dan l-ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-produzzjoni ta’ second class water f’Għawdex għadu ma bediex, għad m’hemmx bdiewa li qed jibbenefikaw minn dan il-proġett. Meta jiġu mtejjba l-influenti li deħlin fl-impjant jkun jista jingħata bidu għall-kummissjonar tal-polishing plant. Il-ħlasijiet huma regolati minn LN210 ta’ 2017. Madanakollu l-impjant taċ-Ċumnija li qiegħed fit-Tramuntana sejjer tajjeb fejn il-konsum laħaq il-massimu ta’ 1000 metru kubu kuljum.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma – konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu, minn Mejju 2003 sa Frar 2008 u minn Marzu 2008 sa Frar 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena? Ix-xogħol ingħata b’tender jew inkella b’direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ngħatat 4 direct orders għal xogħol legali u konsulenzi mill-Entitajiet li jaqgħu taħti.

Birżebbuġa – Żona tal-Qajjenza – kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jinnega rapporti li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma mhux jaslu fil-ħin fiż-żona tal-Qajjenza f’Birżebbuġa?, Jista’ jgħid meta l-aħħar li ntbagħtu kontijiet fil-Qajjenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-aħħar kontijiet li ntbagħtu lir-residenti tal-Qajjenza f’Birżebbuġa kienu f’Settembru tal-2017 u kull xagħarejn fix-xhur ta’ qabel. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ partikolari kif qed jiġi allegat fil-Mistoqsija, nitolbu biex jagħti aktar dettalji ħalli dan jkun jista’ jiġi nvestigat mill-ARMS.

Enemalta – Chairman Eżekuttiv

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2113 fejn fit-tweġiba ġie kkonfermat li ċ-Chairman tal-Enemalta plc jibqa’ dejjem ikollu poteri eżekuttiv, u peress li issa ġie kkonfermat Chief Executive ġdid tal-Enemalta plc, u dan mhuwiex il-persuna li qed jokkupa l-kariga ta' Chairman, ma jidhirlux l-Ministru li dan se jwassal għall-konflitt serju fid-decision making tal-kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 2113.

Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 62 u jagħti lista tad-direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għall-perjodu msemmi fil-mistoqsija hija kif ġej skont id-dipartiment/entita’ rispettiva: Enemed – direct order waħda għall- Oracle database SE Payroll System . Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – 6 direct orders li kienu għal xogħolijiet ta’ trenching ġewwa San Pawl il-Baħar, ir-Rabat Għawdex u l-Għarb Għawdex, sewer trenching ġewwa Raħal Ġdid, spare parts għall-pompi Seepex u għall-kiri ta’ karozzi.

Pompi tal-Fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn pompi tal-fuel f’Malta? Kemm hawn pompi tal-fuel f’ Għawdex? Kemm huma dawk minnhom li qegħdin f’żona urbana?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li pompi tal-fuel f’Malta hawn 69 u f’Għawdex hemm 8. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — ħaddiema - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku ħaddiema b’kuntratt definit ta’ xogħol fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi huma mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enerġija li għandu 6 impjegati fuq kuntratt definit. L-informazzjoni mitluba mill-Enemalta plc għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.

Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma – ħaddiema li ħadu promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 47 u jagħti lista tal-ħaddiema fid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi li ħadu promozzjoni fil-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. F’kull każ l-entitajiet ikkonċernati mxew skont Ċirkulari Nru 08/2017.