Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol ta' manutenzjoni mistenni jsir fl-Iskola Primarja tan-Nadur matul is-sajf 2019 anke in vista tal-fatt li f'diversi mistoqsijiet preċedenti dejjem qal li x-xogħol mistenni jibda dalwaqt, iżda sal-lum prattikament ma sar xejn?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont il-pjan annwali bħalissa fl-iskola primarja tan-Nadur qed isir xogħol ta’ tisbiħ taż-żewġ kuriduri. Infurmat ukoll li wara s-sajf se jsir xogħol ta’ irranġar tal-kmamar li qabel kienu jagħmlu parti mill-iskola tad-drama, bħal installazzjoni tal-elettriku, tikħil u tibjid, sabiex ikunu jistgħu jintużaw bħala klassijiet.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — għarfien fuq traffikar ta' persuni
Question
B'referenza ghar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġa mill-US State Department 2019, jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix jew hemmx pjan li tinħoloq, kollaborazzjoni interministerjali bejn il-Ministeru tiegħu u Ministeri oħra? Jista' jindika liema huma dawn il-Ministeri?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-funzjoni tinqeda permezz tal-Human Trafficking Stakeholders’ Taskforce fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ittieħdet id-deċiżjoni minn SportMalta li titneħħa s-sħubija (membership) għall-pixxina nazzjonali li kienet tiswa’ €140 fis-sena, biex issa l-Maltin se jkollhom iħallsu għaxar darbiet iżjed biex imorru l-pixxina kuljum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhuwiex minnu li min juża l-pixxina ser ikollu jħallas għaxar darbiet iżjed. Anzi persuni li jużaw il-pixxina bejn is-13:00 u t-15:30 kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, iħallsu €50 fis-sena li huwa ferm irħas minn dak li kien jitħallas qabel.
Infurmat ukoll li minħabba li l-pixxina laħqet in-numru massimu ta’ nies jużawha, il-management iddeċieda li kull min irid juża l-pixxina meta jkunu qed jagħmlu taħriġ klabbs tal-waterpolo, għawm, għawm sinkronizzat, programmi ta’ SportMalta u skejjel, dan iħallas €2 kull sessjoni, meta l-korsiji jkunu disponibbli.
Persuni ‘l fuq minn 60 sena jibqgħu jidħlu b’xejn.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10601, jista' l-Ministru jwieġeb id-domanda u jaġġorna l-Kamra bil-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni li saret?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Kif ingħad fit-tweġiba li rrefera għaliha l-Onor. interpellant u li ngħatat fl-aħħar seduta numru 245, meta l-proċess tal-evalwazzjoni interna jkun konkluż inkun nista' naġġorna l-Kamra.
Skont il-job description ta’ Learning Support Educator (LSE) fl-2007, l-LSEs kienu marbuta biex f’Ċentri ta’ Riżorsi kif ukoll dawk l-LSEs kollha li jaħdmu fil-mainstream, kull sentejn kellhom isiru rapporti dwar il-linji gwida tal-piżijiet li għandhom jitqandlu manwalment, u jkun deċiż jekk għandhomx jinżammu jew jinbidlu. F’dan il-każ, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ir-rapporti rigward dawn il-linji gwida msemmija, sarux jew le? Jekk iva, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar tliet rapporti li saru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li r-rapport ta’ kull sentejn indikat fil-Job description tal-2007 huwa marbut mal-apparat li l-iskejjel u ċ-Ċentri għandhom u mhux mal-piż li LSE jista’ jqandel. Bir-regoli tal-Health and Safety, iċ-Ċentri u l-iskejjel fejn hemm dan l-apparat huma obbligati li jiċċekkjawhom kull sentejn biex jikkonfermaw li jifilħu l-piż indikat fil-Job description.
Eżempju ta’ dan qiegħed jingħata permezz taż-żewġ skejjel imsemmija fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Università ta’ Malta – Tranġar ta’ kmamar tal-banju fil-librerija
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’proċeduri qed jittieħdu dwar il-proġett għal tibdil ta’ kmamar tal-banju fil-librerija fl-Università ta’ Malta? Jista’ jindika x’inhuma d-diffikultajiet li qed jiltaqa’ magħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif intqal fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar dan is-suġġett, il-kmamar tal-banju kollha tal-Librerija tal-Università ser jiġu sostitwiti matul is-sajf tas-sena 2019.
Jista’ l-Ministru jindika x’tibdiliet saru ġewwa s-sezzjoni magħrufa bħala “Melitensia” fl-Università ta’ Malta u jista’ jindika jekk kemm-il darba l-għamara ġdida li kellha tinxtara nxtratx u jekk iva meta ser tiġi installata u jekk le x’inhuma d-diffikultajiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li x-xogħol li sar fis-sezzjoni tal-Melitensia jinkludi installazjoni ta’ vinyl flooring, UV film mal-ħġieġ tat-twieqi, installazzjoni ta’ network ġdida, installazzjoni ta’ partition tal-gypsum u tibjid. Sadanittant, ġie mħejji tender għal xiri ta’ għamara, liema tender ġie proċessat mill-UM u MEDE. Il-proċess tat-tendering ġie konkluż u l-għamara ser tiġi installata matul is-sajf 2019.
Università ta’ Malta – proġetti – Bdil ta’ units tal-air condition fis-Sala Sir Temi Zammit
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’proċeduri qed jittieħdu dwar il-proġett ta’ bdil tal-units tal-Air Conditioning ġewwa s-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta? Jista’ jindika x’inhuma d-diffikultajiet li qed jiltaqa’ magħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li dan il-proġett mhux ippjanat li jsir fl-2019. Kif ikkomunikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari preċedenti, is-Sala Sir Temi Zammit jeħtiġilha refurbishment sħiħ u s-sistema tal-air conditioning hija parti minn dan il-proġett. Loġistikament dan jinvolvi li, għal sena partikolari, jinstab post alternattiv fejn ikunu jistgħu isiru l-lectures li bħalissa jsiru fis-sala kif ukoll iċ-ċerimonji ta' gradwazzjoni. Huwa antiċipat li l-proġett jitwettaq fis-snin li ġejjin. Dan kollu jiddependi wkoll fuq il-fondi disponibbli.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Question
B’referenza għall-PR191335 ‘Stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol’ fejn intqal li ‘fid-dawl ta’ artiklu fuq gazzetta lokali fejn ġew irrappurtati metodi simili ta’ prekarjat fl-iskejjel’ jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ evalwazzjoni se jkun qed jitlob? Min se jagħmel din l-evalwazzjoni? Il-Ministru lest li jippubblika l-konklużjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din hija evalwazzjoni interna u għadha mhix kompleta. Meta dan il-proċess jintemm inkun nista' naġġorna l-Kamra.
Ftehim mal-Ministeru għall-Kultura u l-Isport ta’ Iżrael – qasam sportiv
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-ftehim li ġie ffirmat mal-Ministeru għall-Kultura u l-Isport tal-Iżrael għal koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam sportiv?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-Joint Declaration qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Skola Primarja fir-Rabat Għawdex — Tenders għal xogħol ta’ skavar u piling
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li ħarġu u għalqu t-tenders biex isir xogħol ta' skavar u piling u li dan ix-xogħol, skont it-tender li ħarġet, għandu jsir f'għaxar ġimgħat, jiġifieri fix-xhur ta' Lulju u Awwissu 2019, fuq il-post fejn hi ppjanata li ssir l-Iskola Primarja fir-Rabat Għawdex u dan minkejja li l-permessi meħtieġa min-naħa tal-PA għadhom ma ħarġux?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tender li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ħareġ bi ftehim mad-Dipartiment tal-Kuntratti. Dan sar minħabba l-urġenza li fir-Rabat Għawdex ikollna skola primarja ġdida fl-iqsar żmien possibbli. Inserraħ ras l-Onor. Interpellant li l-ebda xogħol mhu se jsir qabel mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada jkollha permess validu mill-Awtorità għall-Ippjanar.
Arkivji Nazzjonali u Librerija tal-Vajringa – Fire Alarm System u Intruder System
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 9819 u 6166, jista’ l-Ministru jgħid liema Ministeru qed jieħu ħsieb iħejji d-dokumenti tat-tender biex issir Intruder system ġewwa s-swali u l-kmamar tal-Arkivji Nazzjonali u l-Librerija tal-Vajringa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-bażi teknika tad-dokument qed tiġi kkordinata mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.
B'referenza għat-tender biex isir xogħol ta' skavar u xogħol ieħor ta' piles fis-sit fejn hemm ippjanat li tinbena l-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat Għawdex, jista' l-Ministru jgħid liema entità kienet ippreparat l-ispecifications tad-tender li kienet ħarġet u wara ġie irtirat? Jista' jagħti r-raġuni għaliex it-testijiet fuq il-blat li hemm taħt dan is-sit saru wara, u mhux qabel ġiet ippubblikata t-tender oriġinali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġew ippreparati mid-ditta tal-perit konsulent tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.
Għal aktar informazzjoni nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 10092 u 10467.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-piż massimu li għandhom iqandlu l-LSEs, skont il-job description il-ġdid hux se jkun dak ta’ 27kg? Jekk iva, jista’ jgħid mil-liema studju ħareġ dan il-piż ta’ 27kg?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-piż indikat huwa wieħed approvat mill-OHSA. Tajjeb li wieħed jinnota li l-iskejjel u ċ-Ċentri ta’ Riżorsi li għandhom każijiet li huma Profound and Multiple Learning Disabilities (PMLD), illum kollha għandhom apparat apposta biex l-LSEs ma jqandlux u x-xogħol tagħhom ikun iffaċilitat.
Persuni b' diżabilità jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex
Question
B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 10434, jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex dawk it-18-il persuna b'diżabilità li qed jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex, fosthom it-13-il persuna li ilhom aktar minn sena jirreġistraw għax-xogħol, isibu x-xogħol jew jingħataw opportunità ta' xogħol f'waħda mill-iskemi tal-Gvern li għamel referenza għalihom fl-istess risposta tiegħu? Meta hu maħsub li f'Għawdex ma tibqa' l-ebda persuna b'diżabilità tirreġistra għax-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif imwieġeb fir-risposta parlamentari 10434, Jobsplus qed timplimenta diversi miżuri biex persuni b’diżabilità jtejjbu l-ħiliet tagħhom u jsibu xogħol sostenibbli. Kif indikat fir-risposta 10434, persuni b’diżabilità li qed jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex qed jingħataw taħriġ ġewwa l-fergħa ta’ Jobsplus f’Għajnsielem. Jobsplus ma tistax tgħid meta f'Għawdex mhu se tibqa' l-ebda persuna b'diżabilità tirreġistra għax-xogħol; dan għaliex ir-reġistru huwa bbażat fuq flow ta’ nies, iġifieri persuna ssib xogħol u tieqaf tirreġistra waqt li persuna oħra tirreġistra biex tibda tfittex xogħol.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — għarfien fuq traffikar ta' persuni
Question
B'referenza għar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġ mill-US State Department 2019 jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex iżid l-għarfien fuq it-traffikar ta' persuni f'pajjiżna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10649.
Ir-Rabat Għawdex — Middle School - Health and Safety Officer waqt il-ħin ta' xogħlijiet
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10124, jista’ l-Ministru jgħid:
a) X'kienet l-urġenza li x-xogħol kellu jsir fl-10 t'April, meta fis-17 ta’ April kienu ser jibdew il-vaganzi tal-Għid?
b) Ladarba x-xogħol ta' barra ma sarx fl-istess data, (minħabba li ma kienx hemm permessi), allura x-xogħol ta' ġewwa ma setax jistenna?
c) min kien responsabbli mill-Health and Safety, waqt il-ħin tad-dħul tal-istudenti, minħabba l-makkinarju goff u x-xogħol li qed nirreferi għalih?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10467.
Infurmat li waqt ix-xogħol imsemmi, is-saħħa u s-sigurtà kienu responsabbiltà tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel apparti li joħroġ sejħa għall-impjieg, biex isolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema tal-Malti u tal-Matematika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-Gvern laħaq ftehim ġdid flimkien mal-MUT u li bih komplew jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għalliema, qed jinfetħu korsijiet ġodda kemm mill-Fakultà tal-Edukazzjoni (UOM) u mill-Institute for Education, kemm għal studenti li jixtiequ jidħlu fil-professjoni, u kif ukoll biex impjegati minn setturi u oqsma oħra jidħlu fl-edukazzjoni. Minbarra t-titjib li sar fil-proċess tal-ingaġġ u li ħalla riżultati tajbin, qed niddiskutu wkoll miżuri oħrajn li jistgħu jħajru aktar persuni jidħlu fil-professjoni tat-tagħlim.