Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsaskala – Triq Sant’Antnin – tneħħija ta’ arbli tad-dawl

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6759, dwar talba formali biex jitneħħew arbli tad-dawl ġewwa Triq Sant’Antnin f'Marsaskala, fejn il-Ministru wieġbet li skont l-informazzjoni li għaddewlha, din it-talba qatt ma kienet reġistrata għand l-Enemalta, tista’ l-Ministru tagħti l-informazzjoni għar-rigward tat-talba li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-talba li qed tirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija dwar devjazzjoni tal-linji tal-elettriku. Peress li din hija triq traffikuża, l-Enemalta applikat mal-LESA minħabba li jkun hemm bżonn uffiċjali tal-LESA biex jagħmlu devjazzjoni tat-traffiku ħalli jsir ix-xogħol li jinvolvi wkoll tħaffir tat-trinka. Ix-xogħol issa huwa maqbul mal-LESA biex jibda fil-11 ta’ April.

Negozji żgħar – ħruġ tal-iskart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk in-negozji ż-żgħar ġewwa l-ibliet u l-irħula li sa ftit taż-żmien ilu kienu joħorġu l-iskart magħżul tagħhom, għadhomx jistgħu jagħmlu dan mal-bqija tar-residenti li jgħixu fl-istess post? Jekk fin-negattiv, minn meta nbidel dan? Dawn qed ikunu mġiegħla jħallsu xi tariffi partikolari għal dan is-servizz?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Childcare centres – ħruġ tal-iskart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk iċ-child care centres ġewwa l-ibliet u l-irħula li sa ftit taż-żmien ilu kienu joħorġu l-iskart magħżul tagħhom, għadhomx jistgħu jagħmlu dan mal-bqija tar-residenti li jgħixu fl-istess post? Jekk fin-negattiv, minn meta nbidel dan? Dawn qed ikunu mġiegħla jħallsu xi tariffi partikolari għal dan is-servizz?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lil Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skejjel – ħruġ tal-iskart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja jew tal-Privat ġewwa l-ibliet u l-irħula li sa ftit taż-żmien ilu kienu joħorġu l-iskart magħżul tagħhom, għadhomx jistgħu jagħmlu dan mal-bqija tar-residenti li jgħixu fl-istess post? Jekk fin-negattiv, minn meta nbidel dan? Dawn qed ikunu mġiegħla jħallsu xi tariffi partikolari għal dan is-servizz?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar — Triq Toni Bajada - bozza ma tixgħelx

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6064 dwar bozza ma tixgħelx fi Triq Toni Bajada, San Pawl il-Baħar, fejn ingħad li din ġiet irranġata, tista' l-Ministru tassigura li din qiegħda tixgħel kif suppost hekk kif baqgħet ma tiffunzjonax, minkejja li saru rapporti lill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar dwar dan, anke wara d-data li fiha ġiet imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsijia parlamentari 6064, ninfurmaha li ressaqt mill-ġdid l-ilment lill-EneMalta.

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju — bozoz

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1417 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, b'mod partikolari b'referenza għal bozza partikolari li ma kinitx tixgħel, fejn fit-tweġiba ngħad li l-bozoz li ma kinux jixegħlu nbidlu għal bozoz LED, tista' l-Ministru tassigura li din il-bozza qiegħda tixgħel kif suppost, hekk kif din tinsab mitfija u dan minkejja li sar rapport lill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar madwar xahar ilu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ġiet infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-kuntrattur tal-kunsill informa lill-Kunsill li l-bozza f’Dawret in-Nawfraġju qiegħda tiffunzjona.

Rabat – Santa Katerina — barriera

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6616, tista’ l-Ministru tgħid x'azzjonijiet konkreti ttieħdu minn meta ħarġu l-ordnijiet fuq barriera fil-Limiti ta' Santa Katerina r-Rabat biex ma jibqax isir sfreġju ambjentali u jekk kienx hemm viżti fil-post biex jiġi assigurat li qed jimxu mad-direttivi msemmija? Jekk iva, meta saru u x'kien irrappurtat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għal Ambjent u r-Riżorsi ħadet azzjoni konkreta permezz ta’ ħruġ ta’ Ordni ta’ Waqfien u Konformità fuq barriera numru 32 fil-limiti ta’ Santa Katerina, ir-Rabat. L-attivitajiet kolpiti b’din l-Ordni huma rdim u riċiklaġġ ta’ materjal mingħajr permess ambjentali, dħul ta’ skart mhux adegwat għal ġo barriera u ħruq ta’ skart. Din l-Ordni għadha attiva u tiġi monitored b’mod kostanti. Mill-2019 sal-lum saru 13-il spezzjoni mill-ERA u b’mod ġenerali kien innutat li ma kienx hemm attivitajiet oltre dawk imsemmija fl-Ordni li jimmeritaw azzjoni ulterjuri mill-ERA.

Il-Furjana – ġonna Sir Luigi Preziosi u Vilhena – assistenza għaż-żamma tagħhom

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-Kunsill Lokali tal-Furjana jiġi assistit u l-Ġonna Sir Luigi Preziosi u Vilhena jiġu miżmuma aħjar billi għandhom bżonn kura?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – miżuri favur l-ambjent

Question

B'referenza għal parti mit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4855, tista' l-Ministru tgħid x'miżuri favur l-ambjent ittieħdu fid-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li diġà tajt għall-istess Mistoqsija Parlamentari din id-darba bin-numru 4855.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — ħaddiema b’diżabilità

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4909 tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies li huma b'diżabilità li jużaw is-siġġu tar-roti u jaħdmu fid-dekasteru tagħha? Hemm aċċessibilità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jżommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx diżabilità imma, fejn applikabbli, il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu jikkonformaw mar-regolamenti stabbiliti dwar aċċess għal kulħadd. Fejn ikun hemm talbiet speċifiċi jsir sforz, anke bl-għajnuna tal-Employee Support Programme, biex isiru arranġamenti meħtieġa.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrpriża – persuni b’diżabilità fiżika

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies jaħdmu fid-dekasteru tagħha li għandhom diżabilità fiżika, iżda ma jużawx siġġu tar-roti? X'miżuri ttieħdu biex dawn ikunu komdi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 6565.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrpriża – persuni b’diżabilità intellettwali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies b'diżabilità intellettwali jaħdmu fid-dekasteru tagħha? X'miżuri ttieħdu biex dawn jaħdmu mingħajr diffikultà?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 6565.

Xemxija, San Pawl il-Baħar – xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-pjan, inkluż is-sejħa għall-offerti, għal xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jinbeda u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-proċess relatat ma’xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi tax-Xemxija jinsab għaddej u s-sejħa għall-offerti tinsab fi stadju ta’ vvettjar. Wara li din tiġi ppubblikata, evalwata u jintgħażel l-offerent, ix-xogħlijiet mistennija jibdew aktar tard din is-sena.

San Pawl il-Baħar – xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet huma mistennija li jsiru fuq is-sistema tad-drenaġġ li sservi l-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar u għal meta huma ppjanati dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmija xogħlijiet jinvolvu tħaffir ta’ trinek, liema xogħol mistenni jibda lejn l-aħħar tas-sena 2023 u jitlesta lejn l-aħħar tal-2024, kif ukoll xogħlijiet ta’ Microtunneling li mistennija jibdew f’Mejju 2023 u jitlestew f’Ġunju 2024.

San Pawl il-Baħar – xogħol marbut man-new water – sistema tad-drenaġġ

Question

Billi wħud mill-inħawi fejn bħalissa qed isir ix-xogħol marbut man-new water, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, għad m'għandhomx sistema tad-drenaġġ, tista' l-Ministru tgħid jekk mal-istess xogħol hux qed jittieħdu passi biex jgħaddi wkoll main tad-drenaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ix-xogħlijiet marbuta man-new water huma mmirati sabiex aktar bdiewa jkollhom aċċess għall-ilma fl-għelieqi tagħhom u allura dan it-tip ta’ xogħol mhux relatat mas-sistema tad-drenaġġ kemm fil-miri tiegħu iżda iktar u iktar fin-natura nnifisha tax-xogħlijiet meħtieġa. F’dan l-istadju m’hemmx il-ħsieb li tkun estiża s-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tagħha, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtha matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi. Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu. Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.

Enemalta – talbiet għal bozoz pubbliċi ġodda mill-Ministeru għal Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5718, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm-il talba għal bozoz pubbliċi ġodda rċeviet l-Enemalta mill-Ministeru għal Għawdex biss mill-bidu tal-2019 sal-lum? Tista’ tgħid kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati? Tista’ tgħid fejn huma l-bozoz li ġew approvati u kemm minnhom bdew jiffunzjonaw u kemm minnhom le?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-2019 sal-24 ta’ Frar 2023, l-Enemalta installat 302 bozza filwaqt li 6 applikazzjonijiet oħra għadhom pendenti kif murija fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istatistika li għandha l-Enemalta tinkorpora t-talbiet tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Kunsilli Lokali flimkien.

Għawdex – Wied il-Lunzjata u widien oħrajn – ilma ġieri

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi qed jittieħdu biex l-ilma ġieri ta' Wied il-Lunzjata u widien oħrajn fil-qrib f'Għawdex ma jibqax jintilef fil-baħar, imma jiġi salvat u utilizzat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Project Green bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru ta’ Għawdex għaddejja bi preparamenti għal interventi f’Wied tal-Grixti, liema wied jagħmel parti mill-catchment area ta’ Wied il-Lunzjata. Fost l-oħrajn dawn l-interventi se jinvolvu xogħol ta’ tindif ġenerali, tħammil, tneħħija ta’ speċi aljeni u invażivi, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli addattati, u restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ. Dawn l-interventi huma ko-finanzjati taħt il-proġett LIFE Integrated Project u bil-għan li jirriabilitaw il-wied, b’mod li jżidu fiż-żamma tal-ilma ġieri u jħarsu l-bijodiversità.

Ħad-Dingli — Trejqet is-Sagħtar – nuqqas ta' dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn fi Trejqet is-Sagħtar f’Ħad-Dingli qatt ma ġie installat dawl tat-triq u tara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex din it-triq ikollha d-dawl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta m’għandha ebda applikazzjoni pendenti biex jiġi installat dawl fi Trejqet is-Sagħtar f’Ħad-Dingli.