Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'sar minn dawk ir-regolamenti li kien għaddielu l-Ministru ta' qablu, Leo Brincat, wara li dan kien ħoloq kumitat apposta biex ifassal ir-regolamenti dwar il-ħarsien tas-siġar Maltin? Jista' wkoll il-Ministru jinforma lill-Kamra meta biħsiebu jlaqqa' diskussjoni pubbliku fuq dawn ir-regolamenti biex dawn jiġu ppubblikati, bħalma kien wiegħed lill-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp fl-2016?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat li kien ħatar il-Ministru Leo Brincat, ġew ikkunsidrati meta sar il-proċess ta’ reviżjoni tal-abbozz li bħalissa jinsab għall-konsultazzjoni pubblika. Kull min hu nteressat jipparteċipa f'din il-konsultazzjoni pubblika jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu sal-Ħamis l-1 ta' Marzu 2018 billi jibgħat email fuq era.policyconsultation@era.org.mt jew bil-posta: National Affairs, Environment & Resources Authority, Hexagon House, Spencer Hill, Marsa, MRS 1441.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-każijiet fejn l- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ivvutat kontra l-vot tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) għas-sena 2016 u għas-sena 2017(listi separati)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-kredenzjali li fuqhom intgħażel kull membru fi ħdan l-Animal Welfare Council? X'relevanza għandhom dawn l-istess kredenzjali vis-à-vis il-ħatra tagħhom mal-istess Council?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-viżjoni u l-istrateġija tal-Animal Welfare Council huma li jirrapreżentaw l-interessi tal-ħarsien tal-annimali. Il-kredenzjali ta’ dawk magħżula biex jokkupaw dawn il-karigi huma biex jissalvagwardjaw u jgħinu l-interess tal-annimali bl-aħjar mod possibli.
B’referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3057 ta’ din il-leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel l-istudji biex jinstabu soluzzjonijiet tekniċi oħra għall-iskart ladarba l-ispazju tal-Għallis jiġi eżawrit? X’inhi t-target date illi fiha mistennija jkunu lesti dawn l-istudji?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn kalkoli approssimattivi li tagħmel il-Wasteserv, il-volum ta’ spazju li fadal għar-rimi fil-landfill tal-Għallis huwa ta’ ftit inqas minn miljun metru kubu. Nelfrattemp, qed jiġu studjati soluzzjonijiet tekniċi oħra biex ladarba l-ispazju tal-Għallis jiġi eżawrit, jiġi assigurat spazju alternattiv għar-rimi tal-iskart. Dawn l-istudji qegħdin fil-fażi preliminari.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi jinbena Material Recovery Facility (MRF) ieħor, mhux wieħed bażiku u temporanju kif elenkat f’mistoqsija parlamentari 3035 ta’ din il-leġiżlatura, imma wieħed illi huwa state-of-the-art u li jaqdi l-bżonnijiet tal-pajjiż? U jekk iva, meta hemm il-ħsieb illi jsir?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpllant li nikkonferma li l-Gvern għandu ħsieb li jara wegħda li hemm fil-Manifest Elettorali li sal-2023 l-impjant ta’ Sant’ Antnin jiġi magħluq. Għaldaqstant, filwaqt li nikkonferma li l-Wasteserv ser tkun qegħda tlesti l-impjant temporanju f’Sant’ Antnin, il-ħtieġa ta’ impjant state-of-the-art tibqa’. L-impjant il-ġdid ser ikun lest fiż-żmien stipulat skont il-wegħda elettorali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar ġimgħat ma għadhomx isiru vjaġġi lejn Malta tal-likwidu tal-baqar (farming water/demel tal-baqar) kollha ta’ Għawdex? Jista’ jgħid fejn għal dawn l-aħħar ġimgħat ir-raħħala Għawdxin kienu qed jitfgħu dan il-likwidu tal-baqar (farming water/demel tal-baqar) iktar u iktar li qegħdin fl-istaġun tax-xitwa u l-volum ikun ferm akbar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-vjaġġi tad-demel likwidu tal-baqar minn Għawdex għal Malta kien servizz imwaqqaf fuq bażi temporanja, jigifieri sakemm jkun bjonnjuż u rikjest u għal dawk ir-raħħala li volontarjament xtaqu jgħamlu użu minn dan is-servizz. Għal dawn l-aħħar ġimgħat, ir-raħħala Għawdxin m'urewx ix-xewqa jew il-bzonn ta’ dan is-servizz u għalhekk waqaf sakemm jerġa jiġi rikjest. L-istaġun tax-xitwa m’għandux ikun raġun ta żieda fil-volum tad-demel tal-baqar.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – trasferimenti/pagamenti f’kontijiet ta’ bank
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saru l-ebda trasferimenti u/jew pagamenti, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħti mis-sena 2013 sal-20 ta’ Jannar 2018.
Jista’ l-Ministru jagħti separatament, it-tip ta’ materjal u t-tunnellaġġ ta’ kull materjal, li hemm akkumulat fis-Civic Amenity Sites preżentament? (Għall-finijiet ta’ tweġiba, wieħed għandu jieħu d-data ta’ meta saret din il-mistoqsija parlamentari).
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ ħġieġ plastik ġiet irriċiklata bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Diċmbru 2016, u bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-30 ta’ Novembru 2017? Jista’ jgħid x’tip ta’ ħġieġ kien u kemm kien hemm minn kull tip bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2016, u bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-30 ta’ Novembru 2017 separatament?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Malta Resources Authority – kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet regolatorji
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilu li twaqqfet il-Malta Resources Authority sal-lum, sena b’sena, kemm il-deċiżjoni regolatorja ġiet ikkuntestata quddiem ir-Resources Appeals Board u sussegwentement mill-2012 quddiem l-Administrative Review Tribunal? Kemm minnhom ġew deċiżi mill-imsemmi Bord ta’ Appell u mit-Tribunal u kemm minn dawn id-deċiżjonijiet tal-Awtorità kienu dwar l-impożizzjoni ta’ penali jew xi forma oħra ta’ sanzjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta u fiex se jkun jikkonsisti x-xogħol li baqa' jsir?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess relatat mal-interventi ġewwa l-ġnien l-Għarusa tal-Mosta għandu joħrog fil-ġranet li ġejjin. Dan il-permess għandu jkopri interventi fuq re-surfacing tal-art, installazzjoni tad-dawl u għamara oħra għal pubbliku. Ser jiġi irranġat l-ġibjun u msaqqaf biex jzomm fiħ iktar ilma tajjeb għat-tisqija tal-istess post.
Beda ukoll xogħol fuq tneħħija ta ħaxix ħażin, siġar mejta, tranġar ta ħitan tas-sejjiegħ u tħawwil ta siġar indiġeni. Saru preparamenti u tender biex ikun hemm servizz tal-eletriku fil-ġnien.
Plastic, Metal u Karti – public tenders għar-riċiklaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-volum ta’ plastic, metal u karti li ġew riċiklati permezz ta’ public tenders bejn:
a. l-1 ta’ Jannar 2017 u t-30 ta’ Novembru 2017;
b. l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2016;
c. l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2015;
d. l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014;
e. l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013; u
f. l-1 ta’ Jannar 2012 u l-31 ta’ Diċembru 2012, b’mod separat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie ġġenerat Municipal Solid Waste fl-2015, fl-2016 u fl-2017 (sat-30 ta’ Novembru 2017) separatament? Jista' jgħid kemm minnu mar fil-landfills?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Civic Amenity Site f’Ta Qali u composter – produzzjoni ta’ kompost
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiġi prodott kompost mis-Civic Amenity Site f’Ta’ Qali u l-composter? Jista’ jgħid jekk dan il-kompost hux ta’ kwalità tajba, u jekk hux qiegħed jinbiegħ? Jekk qiegħed jinbiegħ, lil min qiegħed jinbiegħ u b’kemm qed jinbiegħ? Jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba f’din il-mistoqsija parlamentari għall-2015, għall-2016 u għall-2017 (sat-30 ta’ Novembru 2017) separatament?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa biss riċenti li d-difetti li nstabu fis-sistema tal-compostersf’Ta’ Qali ġew irranġati mill-kuntrattur. Għaldaqstant, il-Wasteserv bħalissa qiegħda fi stadju li tipproduċi ammont ta’ kompost rapreżentattiv biex tkun tista tanalizza il-kwalità tal-prodott.
Il-materjal degradat li qed jiġi prodott mill-composters mhux se jinbiegħ u dan huwa skont il-Grant Agreement ta l-istess projett. Pero il-Wasteserv biħsiebha tapplika għall-permess tal-End of Waste skont ir- Regolamenti dwar l-Iskart ta’ l-2011 u jekk dan il-permess jingħata, il-kompost li jigi prodott ma jibqax jiġi mormi fil-miżbla ta’ l-Għallis imma jkun jista jintuża mal-ħamrija bħala soil improver.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-volum ta’ spazju vojt (capacity of empty space) illi għad baqa’ fl-Għallis Landfill? Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu ladarba l-ispazju tal-Għallis jiġi eżawrit?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn kalkoli approssimattivi li tagħmel il-Wasteserv, il-volum ta’ spazju li fadal għar-rimi fil-landfill tal-Għallis huwa ta’ ftit inqas minn miljun metru kubu. Nelfrattemp, qed jiġu studjati soluzjonijiet tekniċi oħra biex ladarba l-ispazju tal-Għallis jiġi eżawrit, jiġi assigurat spazju alternattiv għar-rimi tal-iskart. Dawn l-istudji qegħdin fil-fażi preliminari.
Jista’ l-Ministru jgħid hemmx pjanijiet għal tindif u restawr ta’ Wied Blandun li jinsab bejn il-Fgura u Raħal Ġdid?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi diġà għamel xi intervent ġewwa Wied Blandun fejn ġiet preparata żona f’dan is-sit billi tneħħa materjal ta’ kostruzzjoni u numru ta siġar invasivi.
Wara dan l-intervent sar eżerċizzju ta’ preparament biex jitħawwlu siġar indiġeni. F’dan is-sit tħawwlu l-fuq minn 200 siġra indiġena bħal ma huma l-virgi u riħan.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqatlu bhejjem u xi speċi ta' bhejjem inqatlu fil-Biċċerija ta' Malta separatament mill-Biċċerija ta' Għawdex xahar b'xahar mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-impjant ta’ Sant’ Antnin se jingħalaq għal kollox u sussegwentament l-art li fuqu nbena l-impjant tingħata lura lill-pubbliku, kif imwiegħed?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant ta’ Sant’ Antnin se jingħalaq fi żmien 7 snin