Legislature:
Category:
Reset
Active:

CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo

Question

B'referenza għas-sejħa CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru mill-1 ta' Novembru 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, liema xogħlijiet tlestew minn kollox, fejn saru permezz ta' din is-sejħa u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet għall-permess tal-bini pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-permess tal-bini f’San Pawl il-Baħar li bħalissa huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u li diġà ngħataw referenza (PA number, eċċ.)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet oħra li sa issa għadhom ma ngħatawx il-PA number fl-istess lokalità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta tal-Ippjanar għandha quddiemha mitejn, erbgħa u tmenin (284) applikazzjoni attiva għal żvilupp f’San Pawl il-Baħar li huma pendenti; u disgħa u tmenin (89) applikazzjoni għal żvilupp f’San Pawl il-Baħar li għadhom mhux ikkunsidrati kompluti.

L-Imġarr — Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet għall-permess tal-bini pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-permess tal-bini fl-Imġarr li bħalissa huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u li diġà ngħataw referenza (PA number, eċċ.)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet oħra li sa issa għadhom ma ngħatawx il-PA number fl-istess lokalità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta tal-Ippjanar għandha quddiemha ħamsa u tmenin (85) applikazzjoni attiva għal żvilupp fl-Imġarr li huma pendenti; u dsatax (19)-il applikazzjoni għal żvilupp fl-Imġarr li għadhom mhux ikkunsidrati kompluti.

Il-MellieħaAwtorità tal-Ippjanar — Applikazzjonijiet għall-permess tal-bini pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-permess tal-bini fil-Mellieħa li bħalissa huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u li diġà ngħataw referenza (PA number, eċċ.)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet oħra li sa issa għadhom ma ngħatawx il-PA number fl-istess lokalità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità ta’ Malta tal-Ippjanar għandha quddiema mija, wieħed u sebgħin (171) applikazzjoni attiva għal żvilupp fil-Mellieħa li huma pendenti; u erbgħin (40) applikazzjoni għal żvilupp fil-Mellieħa li għadhom mhux ikkunsidrati kompluti.

Malta u Għawdex — Permessi għal irziezet ta’ nagħaġ u mogħoż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal irziezet ta’ mogħoż u/jew nagħaġ ġewwa Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-irziezet ingħatalhom permess biex tiżdied ir-residenza?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-1993 sa nhar l-4 ta’ April 2025 - relatati ma’ bini, estensjonijiet u bdil fl-użu għal irziezet tan-nagħaġ u/jew mogħoż f’Malta u Għawdex - jammonta għal mitejn u tletin (230). Minn dawn, tlettax (13) jinkludu l-bini jew alterazzjonijiet ta’ residenza relatata mal-istess użu. Din il-figura ma tinkludix permessi għal residenza maħruġa wara li tkun ġiet sottomessa applikazzjoni separata fejn il-proposta tal-iżvilupp ma tinkludix il-kliem mogħoż u/jew nagħaġ (anke bil-lingwa Ingliża).

Xagħra — Triq Ta’ Stellini - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar ix-xogħlijiet fi-Triq Ta' Stellini fix-Xagħra u kemm ilu li nbeda x-xogħol f'din it-triq? Jista’ jgħid ukoll meta ser titlesta minn kollox din it-triq u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin.

Is-Siġġiewi – Informazzjoni dwar Sqaq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sqaq li d-dettalji u l-pjanta dwaru qed jingħataw separatament u li jwassal għal għelieqi, hux pubbliku jew privat? Jista’ jgħid ukoll jekk hux possibbli li jgħaddu servizzi bħal dawl u ilma minnu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Rigali u donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ta rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubbliċi, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa kull rigal u lil min tah?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Għawdex – Proġett tal-pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser tiġi operata u mmaniġġjata l-pixxina ġewwa Għawdex issa li qed joqrob il-ftuħ tagħha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru l-arranġamenti meħtieġa biex din il-pixxina tibda topera b’rispett anke lejn l-obbligi ta’ garanziji u maintenance. Fil-frattemp fix-xhur li ġejjin għandha tiġi ppublikata sejħa għal-offerti għall-operat u l-immaniġjar tagħha.

Heritage Malta — Mużew il-Ġdid ta' Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26466, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-ispejjeż li ntefqu fuq il-Mużew il-Ġdid ta' Għawdex s’issa u jindika b’mod ċar kemm minnhom huma minn Fondi Ewropej u kemm huma minn Fondi Lokali? X’inhi ċ-ċifra ta’ Fondi Ewropej li ntilfu minħabba d-dewmien ta’ dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll jekk il-proġett għadux qed igawdi minn Fondi Ewropej u jekk le, sa meta baqa’ jiġi ffinanzjat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26466.

Ix-Xewkija, Għawdex — Nies li żaru l-Mitħna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li żaru l-Mitħna fix-Xewkija, Għawdex minn meta nfetħet din il-Mitħna, maqsuma xahar b'xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tkopri l-attendenza mid-29 ta’ Jannar 2022 sa meta qiegħda tiġi mwieġba t-tweġiba parlamentari.

Kerċem — Triq Għajn Abdul, Triq Wied Junu u Triq ta’ Spiteri - Sejħa għall-proġett ta' bini ta' toroq

Question

B'referenza għas-sejħa li ħarġet ftit tal-ġimgħat ilu għall-proġett ta' bini ta' tliet toroq f'Kerċem, Triq Għajn Abdul, Triq Wied Junu u Triq ta’ Spiteri ffinanzjati mil-Unjoni Ewropea, fejn intqal li 'dan l-investiment strateġiku se jtejjeb l-aċċessibilità u s-sigurtà f’Kerċem, b’diversi benefiċċji, fosthom, tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku fiċ-ċentru tar-raħal u titjib fis-sigurtà fit-toroq u tnaqqis fl-inċidenti', jista’ l-Ministru jgħid fil-konkret b'liema mod/i ser titnaqqas l-konġestjoni tat-traffiku fiċ-ċentru tar-raħal ta' Kerċem?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li jipprovdi toroq imtejjba u alternattivi mal-inħawi ta’ barra l-qalba tar-raħal ta’ Kerċem, b’tali mod li l-vetturi, speċjalment dawk tal-bdiewa u vetturi kbar, ikollhom aċċess dirett u aktar sigur lejn l-għelieqi u żoni oħra mingħajr ma jkun hemm bżonn jgħaddu mill-pjazza u t-toroq ċentrali. Dan ifisser li jonqos il-volum tat-traffiku fil-qalba tar-raħal, u b’hekk titnaqqas il-konġestjoni u anke r-riskju ta’ inċidenti. B’mod konkret, l-aċċess ġdid u r-rotot alternattivi jrendu inqas ħtieġa għall-vetturi li jidħlu u joħorġu miċ-ċentru ta’ Kerċem, u b’hekk inaqqsu l-akkumulazzjoni ta’ traffiku u joħolqu ambjent aktar sigur u ħieles mill-istorbju għar-residenti tal-lokalità. Il-Ministeru huwa infurmat li l-Kunsill Lokali bhalissa għaddej bi pjan ta’ kif l-ahjar ikun immanigjat t traffiku fil-konfini tiegħu.

Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23837 dwar x’għamel il-Ministeru sa issa dwar Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni, peress li f’dawn l-aħħar xhur f'parti minn din it-triq, proprju fil-kantuniera qrib id-daħla tax-Shooting Range, it-triq ċediet u sfrondat, fejn ġie mwieġeb li 'l-Ministeru jikkonferma li saru l-interventi meħtieġa biex din it-triq tista tkompli tintuża', jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn l-interventi, min għamilhom, min kienu l-persuni tekniċi min-naħa tal-Ministeru nkarigati minn dawn ix-xogħlijiet u kemm ġew jiswew? Jista’ jgħid ukoll jekk fil-preżent hemmx periklu għall-persuni u għall-vetturi li jgħaddu minn din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li Perit tal-Ministeru żar is-sit sabiex isir ix-xogħol neċessarju.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Għajnuniet lill-istituzzjonijiet tal-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25753 u 26152 u jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja f’Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu, jew xi waħda mill-entitajiet li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Sejħa għal Direttur Ġenerali (Major Projects)

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26149, li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru, u jgħid għaliex is-sejħa ta’ Direttur Ġenerali (Major Projects) mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ma reġgħetx ħarġet? Jista’ jikkonferma li din is-sejħa mhux se terġa’ toħroġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandix xi nżid mat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 25142.

Il-Fontana, Għawdex – Triq Mons. Mikiel F. Buttigieg — Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8739 li ngħatat fl-24 ta’ Mejju 2023 dwar meta se jsir ix-xogħol fi Triq Mons. Mikiel F. Buttigieg, fil-Fontana Għawdex, peress li parti sostanzjali minn din it-triq għadha sal-lum bla wiċċ, u peress li kien ġie mwieġeb “li l-Ministeru qed jistenna d-deċiżjoni tal-PCRB fuq sejħa għall-offerti għal xogħlijiet fuq toroq biex ikun jista’ jkompli x-xogħlijiet fuq din it-triq kif ukoll spjegat fil-mistoqsija parlamentari numru 8732”, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar se jitkompla u meta se titlesta minn kollox din it-triq? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jsiru fix-xhur li ġejjin.

Għawdex – Tindif ta’ widien

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5759, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-widien li kienu ssemmew minnu f’din l-istess tweġiba humiex kollha fis-sejħa li ħareġ reċentement il-Ministeru tiegħu biex jiġu mnaddfa widien u jsir xogħol ieħor fuqhom? Jekk le, jista’ jgħid għaliex ma ġewx inklużi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din is-sejħa ser isir it-tindif ta’ dawn il-widien: · Wied il-Kbir, Wied il-Kbir, San Lawrenz, Gozo; · Wied il-Kbir, Triq ta Spiteri, San Lawrenz, Gozo; · Wied ta Mġarr ix-Xini; · Wied tal-Imġarr; · Wied l-Infern; L-istima għat-tindif tal-bqija tal-widien kienet teċċedi l-allokazzjoni ta’ fondi Ewropej. Il-Ministeru qed jesplora sejħiet għall-applikazzjonijiet għal fondi oħra biex jitnaddfu l-bqija.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Proġett ta’ retrofitting

Question

Fid-dawl tal-proġett ta’ retrofitting li qed isir fil-bini tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift ġdid sar sa issa u kemm minnhom bdew jintużaw mill-ħaddiema u mill-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent ġew installati żewġ liftijiet ġodda. B’hekk issa il-Ministeru għandu żewġ liftijiet li jistgħu jintużaw mill-ħaddiema u pubbliku. Intant qed jiġu manifatturati żewġ liftijiet oħra li ser jiġu installati fiż-żmien li ġej.