Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ministeru għal Għawdex – proġett ta’ retro fitting

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett ta' retro fitting li qed isir fil-bini tal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid meta nbeda x-xogħol fuq dan il-proġett, x'sar s’issa, u jagħti break down dettaljat tal-ispejjeż li saru s’issa fuq dan il-proġett kif ukoll x'baqa’ jsir u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jitlesta kompletament dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġett tar-retrofitting hu ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u jifforma parti minn proġett akbar ta’ rinnovar u modernizzar estensiv taċ-Ċentru Amministrattiv li jinkludi l-Ministeru għal Għawdex. Dan il-proġett hu mmirat li jirrendi l-binja kollha aċċessibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sikura u moderna għall-bżonnijiet tal-lum. Il-proġett tar-retrofitting li ġie ppjanat wara li sar Energy Efficiency Audit hu maħsub sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-użu tal-enerġija fil-binja. Ix-xogħlijiet fuq is-sit bdew f’Lulju tal-2019. S'issa twaħħlu l-aperturi double-glazing tal-binja u saru x-xogħlijiet kollha fuq il-bjut li kienu jinkludu t-tpoġġija tal-membrane u r-rinstallazzjoni tal-pannelli fotovoltajiċi. Saru wkoll xogħlijiet strutturali, mekkaniċi u elettriċi u oħrajn ta’ insulazzjoni fl-ewwel sular tal-binja li fil-ġranet li ġejjin ser jibda jintuża mill-uffiċjali tal-Ministeru. L-imsemmija xogħlijiet ser isiru fil-kumplament tal-binja. Ix-xogħlijiet tal-parti tar-retrofitting huma ppjanti li jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena. Fil-preżent il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem fuq tliet tenders marbuta ma’ dan il-proġett li huma dak tal-pavimentar u tisbiħ tal-btieħi, tar-restawr tal-faċċati kif ukoll tal-għamara. Hu ppjanat li dan il-proġett jkun lest fl-intier tiegħu fis-sena 2024. Sa issa €1,369,967.09 tħallsu bħala spejjeż fuq Retrofitting u €1,385,534 fuq spejjeż ta’ Refusbishment.

Għajnsielem/Nadur — Triq Sant'Antnin/Triq l-Imġarr - pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur u Triq Sant Antnin f'Għajnsielem sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kull pagament lil min sar u kemm kien u kif ukoll jgħid ta' liema xogħol kien dak il-pagament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tax-xogħlijiet li saru sa issa tħallsu €13,608,385.25 lil kumpanija li rebħet is-sejħa għall-offerti.

Ir-Rabat Għawdex — Triq l-Ewropa - Pixxina u Sports Complex - pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq il-pixxina u Sports Complex ta' Triq l-Ewropa fir-Rabat, Ghawdex sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kull pagament lil min sar u kemm kien u kif ukoll jgħid ta' liema xogħol kien dak il-pagament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala nefqa fuq xogħol ta’ kostruzzjoni saru €14,169,528.16 f’pagamenti, filwaqt li f’xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi saru €2,222,895.82 f’pagamenti lil kumpaniji rispettivi li kienu rebħu s-sejħa għall-offerti.

Ministeru għal Għawdex — proġetti ambjentali u infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ambjentali u infrastrutturali saru mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022 ġewwa Kemmuna u kemm ġew jiswew? Jista' jgħid ukoll xi proġetti ambjentali u infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru ġewwa Kemmuna matul is-sena 2023 mill-Ministeru tiegħu u fiex jikkonsistu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 ma sar l-ebda proġett infrastrutturali.

Ministeru għal Għawdex — Anti-Harassment Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt dan il-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħaddiema taċ-Ċivil nirreferih għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 5724. Min-naħa l-oħra, l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex għandhom policies speċifiċi rigwad anti-harassment policy. Il-linji gwida tal-GRDA huma stabbiliti fil-Gender Equality Policy, filwaqt li l-Gozo Channel għandha Grievance Policy ġenerika fil-ftehim kollettiv li tkopri u tħares l-interessi tal-ħaddiema meta jkun hemm kwalukwe każ ta’ lment. Dan apparti li l-kumpanija timxi wkoll fuq linji gwida kif stabbilit fil-PSMC. Id-dokumenti rispettivi taż-żewġ entitajiet qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – xogħlijiet fit-toroq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3681 u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1672, li ngħatat fil-21 ta' Ġunju 2022, rigward kemm fl-aħħar żewġ leġiżlaturi (2013–2022) saru toroq jew partijiet minn toroq f’Għawdex li ngħataw il-base course biss u sal-lum għadhom ma ngħatawx il-wiċċ finali, fejn ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq il-maġġor parti tagħhom għadu għaddej”, jista’ l-Ministru jgħid f'kull triq li ssemmiet fit-tweġiba meta nbeda x-xogħol fuqha, kemm tħallsu flus sa issa fuq kull triq, liema xogħlijiet għad fadal isiru, fiex jikkonsistu, u meta se jingħata l-wearing course? Jista' jgħid ukoll jekk baqax kontijiet pendenti u jekk iva, fiex jikkonsistu u kemm jammontaw dawn il-kontijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Sannat, Għawdex – Triq Sannat – Road markings

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3909 li ngħatat fit-28 ta' Novembru 2022 rigward Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, peress li issa għaddew iktar minn sentejn u għadhom ma sarux is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li tifred karreġġjata minn oħra u lanqas ma saret zebra crossing u għalhekk hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq, u peress li f’din it-tweġiba kien ġie mwieġeb “li tajt direzzjoni sabiex jaraw li jkun hemm line markings temporanji sakemm issir il-pjazza”, jista’ l-Ministru jgħid għala għadhom ma sarux u min se jkun responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet serji, li issa ilhom snin pendenti, jekk iseħħu inċidenti f'din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti mil-line markings li jridu jsiru għadhom ma sarux peress li għaddej ix-xogħol f’dik iż-żona. Il-line markings l-oħra saru.

Sannat, Għawdex – Triq it-Tabib Anton Tabone – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 20405 u 23038 li ngħataw fit-28 ta' April 2021 u fl-1 ta' Diċembru 2021 rispettivament, rigward Triq it-Tabib Anton Tabone (imsejħa wkoll bħala “l-Qasam”) li twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat, fejn kien ġie mwieġeb li x-xogħol fuq din l-imsemmija triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin, wara li titlesta t-Triq ta’ Sannat, u peress li Triq Sannat ilha diversi xhur lesta u miftuħa għat-traffiku, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn għaddew iktar minn sena u nofs u għadu ma nbediex u ma tlestiex ix-xogħol? Meta ser jibda x-xogħol (xahar u sena) biex tinbena mill-ġdid din il-parti tat-triq, peress li tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna u kull darba li tagħmel ix-xita qed tegħreq, u hemm periklu kbir u għal xi raġuni ma saritx mal-parti ta' fuq tal-istess triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq ser isiru din is-sena.

Rabat Għawdex – Taċ-Ċawla – proġett ta’ bini ta’ housing

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-proġett ta’ bini ta' housing ġewwa Taċ-Ċawla, ir-Rabat Għawdex li kien issemma fl-2019 u jekk dan jaqax taħt il-Ministeru tiegħu jew taħt l-Awtorità tad-Djar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ġew sottomessi l-pjanti lill-Awtorita tal-Ippjanar u nħarġu l-permessi meħtieġa biex ikun jista' jinbeda x-xogħol, il-Ministeru għal Għawdex ħareġ sejħa għall-offerti u din kienet maqsuma fi tlieta. It-tender tikkonsisti f’xogħol ta’ kostruzzjoni, finishing u M&Es. Bħalissa qegħdin isiru l-preparamenti kollha meħtieġa biex jinbeda x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq l-istess proġett.

Ministeru għal Għawdex – proġetti marittimi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti marittimi saru mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2022 fil-gżira Għawdxija, fiex kienu jikkonsistu u kemm ġie jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti marittimi hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija matul is-sena 2023, fiex jikkonsistu u kemm huma ppjanati li jiġu jiswew kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2022 tlesta u ġie inawgurat il-proġett tar-Rijabilitazzjoni tal-Infrastruttura tas-Sajd f’Għawdex fil-parti tal-Imġarr. Ix-xogħol kien jikkonsisti fl-installazzjoni ta’ tagħmir fid-dry-standing area li kien jinkludi winċ ġdid u service pillars għax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-bastimenti li jkunu qed isiru mis-sajjieda fiż-żona, kif ukoll sistema ta’ CCTV cameras biex jissorveljaw l-istess żona. Dawn kienu jammontaw għal €95,000. Flimkien ma’ dawn ix-xogħlijiet kien hemm il-provvista ta’ ħames karrijiet sofistikati skont l-istandard meħtieġ biex jakkomoda l-qisien differenti tal-bastimenti kollha tas-sajd u towing truck biex jiġbed dawn l-istess karrijiet. Dawn inġabu permezz ta’ tender separat u kienu jammontaw għal €790,000. Il-proġett kollu, inkluż ix-xogħlijiet li saru fix-Xlendi aktar qabel, ġie jlaħħaq mal-€1.2 miljun.

Xewkija, Għawdex – SME hub

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett propost fid-diversi baġits passati għal SME Hub ġewwa x-Xewkija, Għawdex u jgħid x’sar matul is-sena 2022 fuq dan l-imsemmi proġett u kemm intefqu flus? Jista’ jgħid ukoll x’hemm ippjanat li jsir matul is-sena 2023 fuq dan il-proġett u kemm hu ppjanat li tkun in-nefqa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena 2023 hemm ippjanat li jkompli l-proċess tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema sekondati jew on loan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u kemm hemm ħaddiema seconded jew on loan mal-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena u xahar b’xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu mal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid x’kien ix-xogħol tagħhom (il-grad jew job description) u ma’ liema Ministeru, entità, awtorità, korporazzjoni, aġenzija jew kumpanija tal-Gvern kienu jaħdmu qabel ġew seconded jew ġew on loan mal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

SPD3/2022/065 – proċess ta’ evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa SPD3/2022/065, CFT Title ‘Construction, finishing works and commissioning of an e-ticketing project at Ċirkewwa and Mgarr passenger ferry terminals’? Jista’ jgħid fiex wasal il-proċess ta' evalwazzjoni ta' din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-offerta tinsab fil-proċess ta’ evalwazzjoni u għaldaqstant ma jistgħux jingħataw aktar dettalji.

Għawdex – skejjel li m'għandhomx is-servizz tal-lift u turġien ta’ emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skola f’Għawdex m’għandhiex is-servizz tal-lift u turġien ta’ emerġenza f’każ ta’ nirien? Jista’ jagħti din l-informazzjoni mhux għall-iskola b’mod ġenerali, iżda anke għal kull blokka fejn hu relevanti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema li ngħataw promozzjoni fil-grad ta’ supervisor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu ta' Novembru sal-aħħar ta' Diċembru 2022, kemm kien hemm ħaddiema fil-Ministeru tiegħu li ngħataw promozzjoni fil-grad ta' supervisor, kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista’ jgħid ukoll ma’ liema Direttorat/Diviżjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex qegħdin jaħdmu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-bidu ta’ Novembru sal-aħħar ta’ Diċembru 2022 fil-Ministeru għal Għawdex kien hemm 38 ħaddiem li ngħataw promozzjoni fil-grad ta’ supervisor. Minn dawn kien hemm 36 li kienu diġa impjegati mal-Ministeru għal Għawdex u 2 li ġew trasferiti on appointment minn Ministeri oħra. Minn dawn hemm 23 irġiel u 15 nisa

Ministeru għal Għawdex – Direct Order

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra fid-dettall rigward id-Direct Order: 'NEGOTIATED PROCEDURE FOR EMERGENCY CIVIL WORKS AT GCOL RENTED PREMISES SITUATED AT TA’ MIEMA, SHORE STREET, MĠARR, GOZO' (CfT CA Unique ID: GCOL NP-01) li ħarġet fis-7 ta' Jannar 2022 mill-Ministeru għal Għawdex? Jista’ l-Ministru jikkonferma li din id-direct order għal xogħol ta' emerġenza, ħarġet għaliex is-sit mikri għandu problemi ta' stabilità li qed iżommlu x-xogħol ta' finitura tiegħu? Jista jgħid kemm se jiswew globalment dawn ix-xogħlijiet rimedjali u li ħa jħallas għalihom il-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-direct order ‘Negotiated Procedure for Emergency works at GCOL rented premises situated at Ta’ Miema, Shore street, Mgarr, Gozo’ inħarġet biex isir xogħol fis-sit li nkera biex jintuża bħala uffiċċju prinċipali tal-Gozo Channel. Il-valur ta’ dan ix-xogħol huwa ta’ €149,886.70 (VAT eskluż ), liema spejjeż se jitħallsu mill-kumpanija Gozo Channel u li tali spejjeż se jiġu ikkumpensati b’estenzjoni fil-kirja kif spjegat fil- mistoqsija parlamentari 2168.

Master Plan tar-Ramla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-Master Plan tar-Ramla u jgħid ukoll meta nbeda dan il-Master Plan tar-Ramla (sena u xahar) u meta hu ppjanat li jiġi konkluż dan il-Master Plan? Jista’ jgħid fil-konkret x'sar matul is-sena 2022 rigward dan il-Master Plan u kemm intefqu flus matul din is-sena fuq dan il-Master Plan u għal xiex intefqu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma Lil Onorevoli Interpellant l-applikazzjoni mal-Awtorita tal-Ippjanjar PA 02977/22 qegħda tistenna ir-rakkomandazzjonit tal-Awtorita tal-Ippjanjar. In-nefqa għas-sena 2022 kienet ta’ Euro 2,450.

Għawdex – Triq Ġdida fi Triq l-Ewropa — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex New Street ġewwa Triq l-Ewropa titranġa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ rikostruzzjoni fuq din it-Triq huwa parti mill-Proġett ta’ rikostruzzjoni ta’ Triq Marsalforn. Bħalissa il-proċess huwa wieqaf peress li hemm appell quddiem l-Awtorita tal-Ippjanar.

Għoti ta’ fondi għal diversi programmi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4381 u jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' fondi miksuba minn Għawdex taħt dawn il-programmi: - Programm ta' Koeżjoni; - ERDF; - ESF; - Agrikultura; u - Sajd? Jista' jelenka dawn il-proġetti taħt il-programm rispettiv?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Għawdex huwa ntitolat għal 10% tal-allokazzjoni tal-fondi tal-Cohesion Fund (CF), il-European Regional Development Fund (ERDF) u l-European Social Fund + (ESF+) tal-programm il-ġdid 2021-2027. Il-Ministeru għal Għawdex jista’ japplika taħt is-sejħiet, bi proposti għal proġetti taħt il-programmi msemmija (CF, ERDF, ESF+, EAFRD, EMFAF), hekk kif l-Awtorita’ ta’ Ġestjoni toħroġ is-sejħiet rispettivi