Legislature:
Category:
Reset
Active:

qtugħ tad-dawl u l-ilma minn kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija responsabbli mill-provvista tad-dawl u l-ilma bagħtet lill-ħaddiema tagħha biex jaqtgħu d-dawl jew l-ilma lil residenti partikolari wara li dawn ikunu naqsu milli jħallsu l-kont tad-dawl u l-ilma bejn Jannar u Diċembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — safar uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar safar minn uffiċjali ta' korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2009? Min kien li siefer? X'kienet ir-raġuni wara s-safra u fejn kienet? X'kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

Fabbriki vojta fiż-Żoni Industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki vojta f’dawk il-postijiet magħrufa bħala żoni industrjali f’Malta u Għawdex? Hemm applikazzjonijiet għal xi uħud biex jintużaw? Minn min?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fiż-żoni industrijali ta’ Malta u Għawdex li huma amministrati mill- Malta Industrial Parks, hemm 42 fabbrika vojta li 23 minnhom huma allokati. Mill-oħrajn, uħud ma jistgħux jiġu allokati minħabba proċeduri legali u oħrajn li għandhom ħtiega ta’ diversi xogħlijiet biex ikunu jistgħu jiġu allokati.

Gozo Channel — nuqqasijiet fuq vapur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16998 u jgħid jekk l-inkjesta fil-Gozo Channel tlestietx jew le dwar allegazzjonijiet li għamel kaptan tal-istess kumpanija fir-rigward ta' nuqqasijiet li skont hu hemm fuq il-vapuri? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi din l-inkjesta fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk l-inkjesta għadha għaddejja jista' jgħid meta huwa maħsub li din titlesta u min qed jagħmel din l-inkjesta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-rapport dwar l-inkjesta fil-Gozo Channel għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ministru meta jitlesta u fil-ħin opportun.

Gozo Channel — Rapport dwar investigazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17152 u jgħid x’qed iżomm il-Ministeru tiegħu milli jippubblika r-rapport dwar l-investigazzjoni ordnata dwar nuqqasijiet serji fl-operat tal-Gozo Channel li skont kif rapportat ilha magħluqa għadd ta’ ġimgħat? Jista' jippubblika dan ir-rapport kif ukoll dettalji sħaħ dwar x’irriżulta minn din l-inkjesta?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Żejtun — Triq San Girgor - ilma tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17218 u jara li jittieħdu passi fi Triq San Girgor iż-Żejtun minħabba li ilu ħiereġ ilma tax-xorb għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat u minkejja r-rapporti li saru għadhom ma tteħdux passi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17218.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — segretarjat privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies impjegati fis-segretarjat privat tad-dekasteru tiegħu? Min huma u xi kwalifiki għandhom? Kemm jitħallsu fix-xahar u x'perkaċċi għandhom?

Response (FENECH, TONIO)

Is-Segretarjat Privat tiegħi huwa kompost hekk: Isem Posizzjoni Alan Caruana Kap tas-Segretarjat Mario Vella Segretarju Privat Colin Calleja Deputat Kap tas-Segretarjat Mario Ellul Policy Coordinator Alexander Grima Policy Coordinator Keith Zahra Communications Coordinator Robert Attard Secretariat Officer Duncan Xuereb Secretariat Officer Elizabeth Vella Secretariat Officer Jacqueline Pace Delicata Secretariat Officer Charmaine Fenech St John Secretariat Officer Keith Cauchi Secretariat Officer Alexia Cordina Secretariat Officer Daniela Scalpello Secretariat Officer Anna Coppola Secretariat Pool Renald Borg Messaġġier Bernard Pisani Driver/Security James Azzopardi Driver/Security Is-Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari Dr Jason Azzopardi huwa kompost hekk: Isem Pożizzjoni Lino Mintoff Kap tas-Segretarjat Jonathan Degabriele Segretarju Privat Edward Bonello Communications Coordinator Kirsten Miller Policy Coordinator Grace Buttigieg Secretariat Officer Clayton Abdilla Secretariat Officer Dino Bonnici Secretariat Officer Carmen Abela Messenger/Charwoman Joseph Caruana Driver/Security Austin Camilleri Driver/Security Il-kuntratti ta’ dawn l-impjegati huwa konformi mal-Guidelines for the Engagement of Staff in Ministers’ Private Secretariats approvat mill-Kabinett u li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fl-4 ta’ Ġunju 2008.

Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17014 u 16317 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li bih inħatar iċ-chairman tal-Korporazzjoni Enemalta, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, minn nofs is-sena 2005?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma hemm l-ebda kuntratt li bih inħatar iċ-chairman ta’ l-Enemalta. Il-ħatra saret b’ittra ta’ ħatra maħruġa fit-28 ta’ Ġunju, 2005 skont l-Att numru 272, wara deċiżjoni mill-Kabinett.

Air Malta — impjegati temporanji

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod ġew magħżula u ngaġġati 18-il ħaddiema li kienu impjegati temporanji bħala cabin crew mal-Air Malta fuq bażi ta' kuntratt indefinit? Xi kriterji ntużaw? Sar xi eżami u/jew intervista? Kemm kienu ilhom ingaġġati mal-Air Malta fuq bażi temporanja dawk magħżula jiġifieri mil-liema sena? Kemm fil-fatt l-Air Malta għandha ħaddiema impjegati fuq bażi temporanja bħala cabin crew b'kollox u li ma ġewx ingaġġati fuq l-istess bażi ta' kuntratt indefinit? Dawk li ma ġewx magħżula, kemm ilhom jaħdmu mal-kumpanija fuq bażi temporanja, jiġifieri mil-liema sena?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — ħlas lill-avukati u kumpaniji

Question

B’referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 14082 jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu b’mod separat l-avukati u kumpaniji ta' avukati li jissemmew bħala li taw konsulenza lill-Korporazzjoni Enemalta matul is-sena 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 ?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — ħlas lill-avukati u kumpaniji

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14074, jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu b’mod separat l-kumpaniji ta' avukati li jissemmew bħala li taw konsulenza lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 ?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

Acquifers — volum ta' ilma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistqosija parlamentari 17261 u jgħid kemm hu stmat li kien il-volum ta’ ilma estratt mill-acquifers f’Malta u Għawdex separatament mill-privat kull sena mill-1999 ‘l hawn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru reponsabbli għall-Awtorità Maltija għar-Riżorsi.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17263 u jgħid x’qed jagħmel il-Gvern biex jassigura x-xogħol għall-ħaddiema li qed jaħdmu mal-Gozo Channel meta t-trasport marittimu bejn Malta u Għawdex jiġi privattizzat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għadu prematur ħafna sabiex wieħed jagħti t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Iżda hawnhekk ta’ min ngħid illi l-Gvern qatt ma naqas milli jieħu ħsieb l-interessi tal-ħaddiema, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi.

Refund fuq kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li dawk il-familji li jgħixu fi djar imsejjħa Casa Bottega u li għandhom il-membri tal-familja imniżżlin ma' dan l-arloġġ tad-dawl mhux se jingħataw ir-refund imħabbar fuq iż-żidiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

vetturi li qasmu bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qasmu vetturi bejn Malta u Għawdex fis-sena 2008, 2009 u 2010, xahar b'xahar sal-ġurnata tal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Proprjetajiet — possession and use

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li hemm proprjetajiet milquta bil-liġi tal-possession and use ? Kemm hu in-numru f'kull lokal ? X'possibilità hemm li r-residenti ta' dawn il-fondi fil-futur qarib ikunu jistgħu jixtru il-fond fejn qed jgħixu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-lokalitajiet li fihom hemm proprjetajiet milquta bil-liġi tal-possession and use huma mqassma lokal b’lokal, kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista ma tinkludix in-numru ta’ proprjetajiet oħra milquta bl-istess liġi u li fihom għadha mhux qiegħda titħallas kera. Id-Dipartiment tal-Artijiet beda l-proċess fejn ir- recognition rent, (fejn sar kuntratt mas-sidien u għalhekk il-proprjetà qiegħda għand il-Gvern b’dominju pubbliku), u l- acquisition rent jiġu ikkapitalizzati skont it-termini ta’ l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet (Kap 88) jiġifieri bir-rata ta’ 1.4% u 1% rispettivament.

Statistika tal-impjiegi, dħul, numru ta' kumpaniji, profitti u informazzjoni ekonomika

Question

Jista’ l-Ministru jwiegeb għal mistoqsija parlamentari 16298 u jagħti l-istatistika nazzjonali għal dawn l-aħħar snin fis-settur tal-online gaming: impjiegi, profitti u value added, output fuq livell ta’ Prodott Gross Domestiku eċċ.?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16298.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'vetturi jagħmlu użu minnhom kull awtorità u korporazzjoni li taqa' taħtu? Meta ġiet akkwistata, kemm qamet u minn fejn inxtrat?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

banek tal-lottu — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' banek tal-lottu li kien hawn f'Malta u Għawdex qabel ma saret il-privatizzazzjoni tal-lotterija f'Malta? Fejn kienu dawn il-banek tal-lottu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ banek tal-Lottu li kien hawn f’Malta u Għawdex jammonta għal mija u disgħin (190) banka. F’Malta kien hawn mija u tnejn u tmenin (182) banka u f’Ghawdex kien hawn tmien (8) banek qabel ma saret il-privatizzazzjoni tal-Lotterija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ banek tal-Lotto f’Malta u Għawdex.

target shooting — xiri ta' aċċessorji

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-valur globali, inkluż VAT, ta' xiri ta' aċċessorji relatati ma' target shooting minn għaqdiet, clubs jew assoċjazzjonijiet, maqsuma sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2009 jew l-aħħar tas-sena li din il-figura hija magħrufa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-VAT m’għandux l-informazzjoni mitluba fis-sistema tiegħu, għax il-figuri tax-xiri ta’ aċċessorji relatati ma’ target shooting kif irraportati minn għaqdiet, clubs jew assoċjazzjonijiet jinkludu ukoll ammonti oħra ta’ xiri ta’ prodotti oħrajn li huma rrapportati kollha f’kaxxa waħda.