Awtorità dwar it-Trasport — tickets mingħand l-operatur
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7299 u 7057 u jgħid kif l-Awtorità dwar it-Trasport qed tħalli l-operatur jagħti t-tickets li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li fuqhom il-prezz indikat huwa ta' €13.00 iżda meta l-passiġier jixtri dawn it-tickets qed jiġi mitlub iħallas €15.00, hekk kif jidher ċar fuq it-tickets datati 4 ta' Marzu 2009?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT qed tinvestiga l-każ imqajjem mill-Onor. Interpellant u se tieħu l-passi kollha neċessarji skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7297 u 7055 u jgħid min kienet il-persuna responsabbli li approvat it-tibdil fuq ir-rotot b'referenza għall-brochure li qed jinbagħat separatamenet u l-kundizzjonijiet li hemm immniżżla fuq it-tender(a) minn dawk li hemm imnizzla fuq il-kuntratt li ġie ffirmat bejn l-Awtorità dwar it-Trasport u l-operatur li ismu qed jintbagħat separatament? Jista' jgħid għala l-kundizzjonjiet li hemm imnizzla fil-kuntratt li l-Awtorità dwar it-Trasport iffirmat mal-operatur huma differenti mill-kundizzjonijiet li hemm fuq it-tender (b) li ġiet maħruġa għall-pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT hija responsabbli mill-infurzar tal-Kuntratti li ġew iffirmati mill-istess ADT u l-Operatur; fejn irriżulta li l-kundizzjonijiet ta' dawn il-kuntratti ma ġewx osservati mill-Operatur, l-ADT ħadet il-passi kollha meħtieġa skond il-provvediment tal-istess kuntratt.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7298 u 7056 u jgħid kif l-operatur b'referenza għall-brochure li qed jinbagħat separatament, qed jitħalla jagħti diversi tickets (li dettalji qed jintbagħtu separatament) lill-passiġieri li fuqhom m'hemmx immniżla id-dettalji kollha mitluba kemm fuq it-tender u fuq il-kuntratt li l-istess awtorità iffirmat mal-Operatur? Jaf li fuq dawn it-tickets suppost hemm imniżżla l-informazzjoni segwenti:
a) Dettalji tal-operatur inkluż dettalji tal-VAT
b) Numru ta' reġistrazzjoni tal-open top bus li minn fuqu jkun inxtara ticket
ċ) Deskrizzjoni tat-tour
d) Data
e) Ħin
f) Kategorija tal-passiġġier
g) L-ammont li passiġġier irid iħallas
Jista' jgħid kif l-Awtorità dwar it-Trasport qed tippermetti lill-operatur li jingħataw tickets kif jidhru fid-dokument li qed jinbagħat separatament mil-lukandi lit-turisti u li fuqhom m'hemmx imniżżla d-dettalji miktuba fil-kuntratt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fejn irriżulta li l-kundizzjonijiet tal-kuntratti ma ġewx osservati mill-Operatur, l-ADT ħadet il-passi kollha meħtieġa skond kif provdut fl-istess kuntratti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7300 u 7070 u jagħti raġuni għala l-ħinijiet li qed jirriklama l-operatur fuq il-brochure li qed jintbagħat separatament li ġie approvat mill-Awtorità dwar it-Trasport m'humiex l-istess ħinijiet li ġie marbut bihom fil-kuntratt fuq ir-rotta tan-North? Jista' jagħti raġuni għala l-operatur qed joffri servizz anqas ta' ħinijiet fil-Ħdud u l-festi pubbliċi minn dawk li ġie marbut bihom fil-kuntratt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-brochure li ntbagħat separatament ma ġiex approvat mill-Awtorità.
Infurmat ukoll li fejn jinstab li l-ħinijiet tar-rotta ma jkunux kif provdut fil-kuntratt, l-Awtorità tieħu l-passi skont it-termini tal-istess kuntratt.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7301 u 7071 u jgħid kif mill-Bus Terminus ta' Buġibba Loop Starting Point qegħdin jitilqu biss tliet double deckers wieħed fil-08:15, ieħor fid-09:15 u ieħor fl-10:15 biex jagħmlu sightseeing North Route u s-servizz mhux jopera minn dan il-loop starting point fil-ħinijiet l-oħra tal-ġurnata, iżda jopera minn Sliema Ferries hekk kif indikat fil-brochure tal-operatur (paġna 2 tad-dokument li qed jintbagħat separatament) u differenti mill-kundizzjonijiet imniżżla fuq il-kuntratt u fuq it-tender ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat mill-ADT li mill-istħarriġ tagħha jirriżultalha li l-operatur mhux konformi mal-kuntratt li għandu ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport fuq dan is-servizz. Għaldaqstant tajt struzzjonijiet lill-ADT biex tieħu l-passi kollha fil-kompetenza tagħha biex din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata skond il-kuntratt u skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6914 u jgħid liema hi r-rata li biha l-combustion plants fil-Power Station tal-Marsa jaħarqu l-enerġija? Kemm hi dik permessa mill-Unjoni Ewropea? X'inhu l-impatt jekk dawn il-plants ikollhom jgħalqu qabel l-2015? Xi pjan ta' kontinġenza għandu l-Gvern?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Power Station taħraq madwar 330,000mt ta' fuel oil biex tiġġenera 1,060,000 Mwh ta' enerġija fis-sena. M'hemm l-ebda limiti stipulati mill-EU jew awtoritajiet oħra in konnessjoni ma dan. Hu ppjanat li parti mill-impjant tal-Marsa ser jiġi mibdul ma l-impjant il-ġdid li ser jiġi nstallat Delimara, li għalih diġa ħareġ tender li qiegħed fl-aħħar fażi ta' l-evalwazzjoni tiegħu.
Il-bqija ta' l-impjant fil-Marsa jintefa meta jibda jiffunzjona
submarine interconnection
ma Sqallija.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex tikber is-sigurtà eżatt biswit l-għelieqi fl-inħawi ta' Wied iz-Ziju, f'Wied il-Għajn, stante li l-barriera li hemm fiż-żona waslet eżatt max-xifer tar-raba'?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar għalfejn l-Awtorità dwar it-Trasport waqqfet kumpannija ġdida bl-isem Roads Network Limited li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid x'se tkun il-funzjoni ta' din il-kumpannija? Jista' jgħid jekk hux ser tkun qed tħaddem nies u kemm? Jekk ser tħaddem in-nies jista' jgħid jekk hux ser toħroġ sejħa sabiex jiġu ngaġġati dawn in-nies?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Memorandum and Articles of Association tal-kumpanija li qed jirreferi għaliha, li huma pubbliċi.
Bħal kull ażjenda pubblika oħra din il-kumpanija hi suġġett għal-liġi, għan-normi tas-settur pubbliku, u għall-proċeduri ta' reklutaġġ tal-kumpaniji pubbliċi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu t-toroq f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa, Naxxar, Mġarr u Għargħur li se jingħataw wiċċ ġdid matul din is-sena 2009?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT żammet l-istess prijoritajiet li kienu inklużi fil-programm ta' bini ta' toroq residenzjali fil-leġislatura preċedenti . Dawn ix-xogħolijiet isiru meta jiġu allokati l-fondi meħtieġa u skond il-prijorita' ffissata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru, jew le, l-fatt li sejrin jinbidlu l-arloġġi tad-dawl u l-ilma għal oħrajn li jibagħtu messaġġ kull tant ħin ħalli dawn jżommu aġġornat l-kont u l-account ta' kull individwu? Jista' jgħid jekk ġiex deċiż min sejjer jipprovdi din is-sistema? Jekk din is-sistema l-ġdida hijiex sejra tiġi implimentata matul is-sena 2009? Jista' jgħid jekk din is-sistema hijiex implimentata f'xi post ieħor fl-Ewropa?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-istqarrija pubblika li għamilt fl-4 ta' Frar 2009 li kienet rappurtata b'mod estensiv fil-meżżi tal-komunikazzjoni u li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità dwar it-Trasport — Qawra - rotot tal-karozzi tal-linja
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità dwar it-Trasport tara kif jistgħu jinbidlu r-rotot tal-karozzi tal-linja biex dawk il-persuni li joqogħdu fl-inħawi tal-Qawra, fil-fatt ikollhom mezz adegwat ta' trasport pubbliku biex jinqdew aħjar għall-ħteġijiet tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-talba qiegħda tiġi kkunsidrata bħala parti mill-proposta tal-Gvern għal Network ġdid tat-trasport pubbliku.
Familji li għadhom ma rċevewx il-kont tad-dawl u l-ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex għad hawn familji li għadhom ma rċevew l-ebda kont tad-dawl u ilma għalkemm għaddew tmien xhur mill-aħħar wieħed tad-29 ta’ Lulju, 2008 filwaqt li oħrajn irċevew tnejn diġà? Huwa sew li dawn issa jintalbu biex iħallsu somma qawwija f’daqqa'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma waqfet il-programm tagħha ta’ ħruġ ta’ kontijiet minn Settembru sa Diċembru f’liema perjodu ġew iffinalizati it-tariffi. Għaldaqstant il-program prefiss ta’ ħruġ ta’ kontijiet waqa lura b’erba xhur. Għalhekk kien hemm perjodu fejn klijenti irċivew żewġ kontijiet fuq stimi u oħrajn li ma rċevewx peress li kien imisshom kont attwali. Illum is-sitwazzjoni ġiet regolarizzata u kull residenza rċiviet ta’ lanqas kont wieħed bit-tariffi l-ġodda.
Ninsab infurmat ukoll li f'każijiet fejn individwu ma jkunx jiflaħ iħallas xi kont f'daqqa l-WSC tagħmillu programm ta' ħlas bin-nifs.
Residenza San Vinċenz de Paule — karozzi tal-linja qrib swali
Question
Jista' l-Ministru jitlob arranġament fis-sistema tat-trasport pubbliku ħalli l-karozzi tal-linja li jwasslu l-qraba tal-anzjani fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule ikunu jistgħu jibqgħu deħlin fl-istess residenza u jwasslu lill-qraba iktar viċin is-swali abitati mir-residenti? Jista' jirrimedja għal din it-talba peress li jidher ċar li ħafna mit-tfal tar-residenti qegħdin ikunu anzjani huma wkoll u fil-ġranet tax-xitwa dawn ikollhom biċċa triq twila sakemm jaslu fis-swali fejn ikunu qed jgħixu l-qraba tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-suġġeriment tiegħu ser jiġi inkluż fil-kunsiderazzjonijiet għad-disinn ta' network ta' servizz ġdid għat-trasport pubbliku.
Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 6512 u jgħid jghid x’inhu n-numru ta’ karozzi tal-linja li qed joperaw bħalissa? Kemm minnhom ġew impurtati f’dawn l-aħħar ħames snin? Xi pjani hemm biex jigu mpurtati aktar karozzi tal-linja biex jieħdu post dawk qodma? X’għajnuna se jagħti l-Gvern lis-sidien li jridu jixtru karozzi ġodda?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 508 permessi ta’ karozzi tal-linja li joperaw fis-settur tat-Trasport Pubbliku. Minn dawn il-karozzi tal-linja 24 kienu impurtati f’dawn l-aħħar ħames snin. Jien infurmat li l-ADT m’ għandha l-ebda pjani biex timporta karozzi tal-linja ġodda.
Infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant li taħt is-sejħa għall-offerti li qed tkun preparata bħala parti mir-riforma tat-trasport pubbliku, l-obbligu għax-xiri u finanzjar tal-karozzi tal-linja li jista’ jkun hemm bżonn, ser jintefa’ fuq l-operatur sabiex b’hekk il-poplu ma jibqax jerfa’ pizijiet bla bzonn.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6517 u jgħid x’kien l-ammont totali ta’diesel u petrol mingħajr ċomb separatament li ntuza mill-pubbliku fl-2008? X’kien l-ammont tal-istess fuel li ntuza minn vetturi li jappartjenu lill-Gvern?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5999, jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jkunu allokati l-fondi meħtieġa lill-Awtorità dwar it-Trasport u f'liema prijorità tinsab din it-triq li tinsab fil-Fgura?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex almenu fix-xhur tas-sajf ikun hemm estenzjonijiet fil-ħinijiet tat-trasport pubbliku minn u lejn il-Mellieħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-talba qiegħda tiġi ikkunsidrata bħala parti mill-proposta tal-Gvern għal Network gdid ta’ Trasport Pubbliku matul il-ġurnata u tul il-lejl.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vetturi li tħallset il-Value Added Tax fuq ir-reġistrazzjoni tagħhom (maqsumin skond il-klassi rispettiva) kull sena mill-aħħar ta' Mejju 2004 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Korporazzjoni Enemalta u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — każ ta' meter tad-dawl u l-ilma
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6719, 6093 u 5567 u jara li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jaraw il-meter tad-dawl u l-ilma peress li l-anzjana li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qiegħda tara li dan il-main mhux qiegħed idur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta' l-individwu konċernat.