Tista' l-Ministru tgħid il-pixxina maħsuba li tinbena maġenb il-Kumpless Sportiv tar-Rabat se jkollha faċilitajiet adegwati biex tkun tista’ tintuża mill-anzjani u minn persuni b’xi diżabilità jew problema fiżika? Se jkollha faċilitajiet ta’ hydroterapija? Jekk fl-affermattiv, x’inhuma l-faċilitajiet? Jekk fin-negattiv għaliex mhux se jiġu provduti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-pjanti inizjali għan-Natatorium proġettat li jsir maġenb il-Kumpless Sportiv jinkorporaw faċilitajiet adegwati biex jilħqu l-bżonnijiet ta' l-anzjani u persuni b'diżabilità. Hemm il-ħsieb li parti minn dan il-post joffri wkoll faċilità ta' idroterapija.
Tista' l-Ministru taċċerta lill-Kamra li l-Għawdxin kollha li japplikaw għas-sussidju fuq xiri ta’ solar water heaters se jingħataw dan is-sussidju? Jekk fin-negattiv, għaliex?
Tista' l-Ministru tgħid fiex tikkonsisti is-CIPD Conference li għaliha qed jattendu kull sena uffiċċjali għolja tal-Ministeru? Titħallas xi annwalità biex il-Ministeru jieħu sehem f’dawn il-Konferenzi? Kemm hi l-annwalità li titħallas, jekk titħallas? X’inhuwa r-rwol tal-Ministeru f’dawn il-Konferenzi? Kif jintagħżlu r-rappreżentanti tal-Ministeru? Kemm kienu l-ispejjes ta’ kull parteċipazzjoni fl-2009? Kif kienu maqsumin l-ispejjeż ta’ kull safra bħalma huma fost oħrajn spejjes tal-ajru, tal-ikel u tal-lukandi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-konferenza organizzata mis-CIPD tikkonsisti f'sensiela ta' seminars fil-qasam ta' l-immaniġġjar u żvilupp tal-personnel. L-ammont ta' annwalità li jitħallas hu ta' £438, u jingħata skont fuq l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni f'din il-konferenza lill-organizazzjonijiet li jkunu membri. Ir-rappreżentanti tal-Ministeru jattendu għal din il-konferenza a bażi tar-rwol tagħhom. L-ispejjeż għas-safar relatat ma' xogħol hu regolat minn Ċirkulari MFIN numru 1/2008.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet iċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ministeru, dipartimenti u dekasteri/korporazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt l-Ministeru matul l-2009 rispettivament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ministeru għal Għawdex u mid-dipartimenti li jaqgħu taħtu matul l-2009 rispettivament kienet ta' €390,093.94, li minnhom €269,613.51 kienu għall-fuels Non Transport.
Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati tal-Ministeru tpoġġew fuq roster matul l-2009? X’inhu l-grad tagħhom u f’liema fergħa qegħdin jaħdmu? Fejn kienu jaħdmu qabel nagħtaw ir-roster? Min talab għar-roster f’kull każ u min approvahom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għawdex — Ħitan tas-sejjiegħ - applikazzjonijiet lill-MEPA
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm metri kwadri ta’ ħitan tas-sejjiegħ nbnew fid-diversi lokalitajiet f’Għawdex matul l-2008 u l-2009? Kif kienu maqsumin skont il-lokalità? Tista’ tagħti r-referenza tal-applikazzjoni li saret lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal kull xogħol li sar? X’kienet in-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet, skont il-lokalita’? Tista’ tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-talbiet li saru lill-Ministeru tagħha għal dawn ix-xogħlijiet?
Tista' l-Ministru tgħid kif inhu maħsub li jintefqu l-€25 miljun li l-Gvern qed jipprometti li se jintefqu f’Għawdex fuq l-istrateġija ta’ Eko-Għawdex bejn l-2010 u l-2012? Liema huma l-proġetti, programmi eċċ approvati s’issa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-allokazzjoni msemmija ngħatat biex jitwettqu l-proġetti proposti fid-dokument 'Eco-Gozo - a better Gozo (Proposed Action 2010-2012)li ġie ppreżentat lill-Kamra mad-diskors tal-Budget 2010 fid-9 ta' Novembru 2009.
Tista' l-Ministru tgħid x'’passi ttieħdu s’issa biex il-Ministeru jiġi ristrutturat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li qegħdin jittieħdu l-miżuri neċessarji għar-ristrutturar tal-Ministeru għal Għawdex. Bħala parti minn dan ir-ristrutturar fil-5 ta' Jannar 2010 ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' tliet pożizzjonijiet ġodda f'dan il-Ministeru. Dawn huma Direttur Ġenerali (Strategy and Support), Direttur (EcoGozo Regional Development) u Direttur (Tourism and Economic Development).
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet f'dawn l-aħħar ħames snin, kull xahar separatament, ta' nisa Għawdxin tqal li jaħdmu fid-dekasteru tal-Ministru biex matul it-tqala tagħhom jiġi trasferiti proviżorjament f'Għawdex? Tista' tgħid meta ntlaqgħet kull talba mill-bord konċernat u tgħid meta ġie awtorizzat it-trasferiment proviżorju?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-membri tal-Bord ta' Evalwazzjoni li evalwa l-kuntratti għax-xogħlijiet fuq Triq ta' Pinu u tax-Xlendi rispettivament kif ukoll il-Curriculum Vitae ta' kull membru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Triq Xlendi u Triq Ta' Pinu — proċess ta' tendering
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li fil-proċess ta' tendering fuq Triq Xlendi u Ta' Pinu, il-kuntratturi kollha ġew skwalifikati ħlief il-J.P.F u l- Goudos Joint Ventures? Tista' inoltre tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-kumpaniji u tal-kuntratturi li jiffurmaw l-imsemmija joint ventures?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġuni/jiet għaliex ma baqgħetx issir is-“Sentinella” li kienet ġiet introdotta fl-1997 fi żmien il-Gvern Laburista u li kienet animazzjoni ta’ gwardja storika ta’ żmien il-Kavallieri fil-Gran Kastell bi lbies u stemmi ta’ żmien il-Gran Mastru Wignacourt li fi żmienu kienu ġġeddu s-swar taċ-Ċittadella u li kienet attrazzjoni turistika kbira? Tista’ l- Ministru tara li din terġa’ tibda ssir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li r-raġuni ewlenija li għaliha ma tkomplietx is-Sentinella kienet li għalkemm saru diversi sforzi sabiex jinstabu ħaddiema tal-Gvern li jixtiequ jipparteċipaw f'din il-parata, b'kumpens ta' overtime fil-forma ta' Time Off in Lieu, qatt ma kien hemm numru suffiċjenti biex din il-parata terġa' tinbeda.
Ċimiterju ta' Santa Marija — xogħlijiet fuq l-oqbra
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru l-kuntratti għall-konċessjoni tal-oqbra l-ġodda fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija? Ix-xogħol fuq dawn l-oqbra lest? Jekk le, x’jonqos isir? Jekk iva, meta tlesta? X’hemm iżomm li dawn il-kuntratti jsiru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi għaddej il-proċess meħtieġ sabiex isir ix-xogħol fuq l-oqbra l-ġodda u anke l-preparamenti marbuta mal-kuntratti ta' dawn l-oqbra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm metri kwadri ta’ toroq residenzjali nbnew mill-ġdid fid-diversi rħula ta’ Għawdex, skont ir-raħal, matul l-2009?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li matul is-sena 2009 ingħata t-tarmak f'toroq residenzjali jew f'partijiet minnhom kif jidher hawn taħt
Victoria 3792 metru kwadru
Nadur 3325 metru kwadru
Xlendi 132 metru kwadru
Għarb Xogħol għadu għaddej.
Għawdex — passaġġi fil-kampanja - aplikazzjonijiet lill-MEPA
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm metri kwadri ta' passaġġi fil-kampanja (farm access roads) nbnew fid-diversi rħula f’Għawdex matul l-2008 u l-2009? Kif kienu maqsumin skont il-lokalità X’inhija r-referenza tal-applikazzjoni li saret lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal kull xogħol li sar? X’kienet in-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet, skont il-lokalita’? Tista’ tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-talbiet li saru lill-Ministeru tagħha għal dawn ix-xogħlijiet?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm anzjani jattendu d-Day Care Centre tal-Anzjani mmexxi mill-Ministeru għal Għawdex, minn numru ta’ kunsilli lokali u mill-Kurja ta’ Għawdex? X’servizz qed jingħata f’dan iċ-Ċentru? Kull meta jingħata dawn is-servizzi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-attendenza ta' l-anzjani li attendew iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum għall-Anzjani bejn Jannar u Diċembru 2009 kienet ta' 6479 persuna, medja ta' 42 persuna kuljum.
Ġurnata tipika f'dan iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum tibda b'quddiesa, wara jiġi servut il-breakfast, imbagħad ikun hemm ħin ta' rikreazzjoni fejn fost l-oħrajn tinżamm it-tombla, isiru xi handcrafts u anke jinżammu taħditiet varji minn nies professjonali fil-qasam tagħhom. F'nofsinhar tiġi servuta l-ikla li tkun tikkonsisti fi 3 platti. It-trasport b'xejn ikun provdut lill-anzjani kemm lejn iċ-Ċentru kif ukoll lura lejn id-dar. Jiġu organizzati ukoll ħarġiet soċjali f'Malta u anke f'Għawdex.
Iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum għall-Anzjani jopera mit-Tnejn sal-Ħamis u l-anzjani jattendu skond il-lokalità tagħhom, li huma mqassma hekk:
It-Tnejn - Għarb, Kerċem, Sta. Luċija
It-Tlieta - Xewkija, Għasri, San Lawrenz, Żebbuġ, Residenza Sant'Anna u Male Geriatrics Ward
L-Erbgħa - Victoria, Sannat, Munxar
Il-Ħamis - Qala, Għajnsielem, Fontana.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Taqsima tal-Emerġenza - apparat
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-apparat kollu li hemm fit-Taqsima tal-Emerġenza (Admission and Emergency Department) fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Tista’ tgħid kull item ta’ apparat meta nxtara?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.