B’referenza għat-tweġiba li tat għal mistoqsija parlamentari 13742 fejn qalet li l-flus ivvotati għall-2010 taħt item 7124 tal-Vot Kapitali III ser jintużaw għal titjib fil-lokalitajiet turistiċi, b'mod partikolari f'Marsalforn u x-Xlendi, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru? Tista’ tqiegħed programm ta’ dawn ix-xogħlijiet li se jsiru fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li qegħdin jitħejjew pjanijiet għal titjib fil-lokalitajiet ta' Marsalforn u x-Xlendi.
B’referenza għat-tweġiba li tat għal mistoqsija parlamentari 13741, tista’ l-Ministru tgħid minn meta x-xogħlijiet maġġuri fil-Qasam Industrijali f'Għawdex bdew isiru minn fondi tal-Malta Industrial Parks?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Malta Industrial Parks.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13740, tista' l-Ministru tagħti r-raġunijiet għaliex il-fondi allokati għall-investments incentives għas-sena 2010 ġew ivvotati taħt item 7096 - Investments Incentives (subvention) tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, meta qabel kienu jiġu vvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13740.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqasija parlametari 13984, tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma saret s’issa biex is-servizzi ta’ childcare centres jibdew jingħataw f’Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi saret l-applikazzjoni mal-MEPA għall-permess neċessarju għall-bini ta' child care centre fir-Rabat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6662 u 13980 u jgħid kemm kien l-ammont totali ta' pagamenti ta' Sigurtà Soċjali lir-residenti f'Għawdex kull sena mill-1999 sal-2009?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati tat-testijiet tat-tafal li saru qabel ħarġet/ingħatat it-tender għall-bini mill-ġdid u tat-testijiet li saru wara li nagħtat it-tender għall-bini mill-ġdid tat-Triq Rabat – San Lawrenz? Tista’ tgħid jekk kenitx ħarġet offerta separata għat-twettiq ta’ kull wieħed miż-żewġ settijiet ta’ testijiet? Meta ħarġu t-tenders, meta ngħataw u lil min?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Awtorità dwar it-Trasport kienet responsabbli mill-aspett tekniku tal-imsemmija triq filwaqt li l-Ministeru għal Għawdex kien responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern huwiex jikkonsidra li d-dawl pubbliku fit-toroq kollha arterjali u distributoriji (public street lighting) f’Għawdex ikun jixgħel bl-enerġija tax-xemx (solar powered)? Jekk fl-affermattiv, x’sar s’issa? Meta hemm il-ħsieb li tiddaħħal din is-sistema ta’ solar powered lighting fit-toroq t’Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li diġà saru taħditiet ma' stake holders involuti iżda jidher li għalissa mhux opportun li tiġi introdotta din is-sistema (solar powered lighting) minħabba li t-teknoloġija eżistenti m'hijiex addattata għall-ambjent lokali.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intnefqu fondi Ewropej f’Għawdex s’issa taħt il-programm finanzjarju 2007-2013? Tista’ tgħid fuqiex intnefqu u kemm intnefqu fuq kull proġett, skema, eċċ.?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li taħt il-programm finanzjarju 2007-2013 s'issa tħallsu dawn il-pagamenti:
ESF 1.23 Higher education courses to address skill mismatches in Gozo
€ 3,290.19 vat incl
ERDF 24- Upgrading of Villa Rundle Gardens
€ 1,416.00 vat incl
ERDF 47- Reconstruction of part of Xlendi Road and Ta’ Pinu Road
€ 268,925.41 vat incl
Ministeru għal Għawdex — Dikjarazzjoni tal-ispejjeż għal safar
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż GA 27B magħmula skond paragrafu 8.10.1.4 tal-PSM Code għal kull safra uffiċjali li saret mill-Ministeru matul l-2009, fejn l-ispiża qabżet l-€2,000?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-proġettazzjoni tal-popolazzjoni t’Għawdex li fuqha qed tfassal il-politika soċjali u ekonomika tal-gżira? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-proġettazzjoni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex jieħu sehem f'diskussjonijiet li jsiru dwar it-tfassil tal-politika soċjali u ekonomika ta' Għawdex u dejjem jagħmel dan wara li jkun ikkunsidra kull statistika u proġettazzjonijiet disponibbli. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm membri fl-Isports Complex ta' Għawdex f'dawn l-aħħar ħames snin kull sena separatament u tgħid minn liema dixxiplina sportiva ġejjin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid min hu responsabbli mill-Gender Equality Committee fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li minkejja l-fatt li m'hemmx Gender Equality Committee fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru għandu uffiċċjal li jservi ta' focal point fuq din il-materja.
Tista' l-Ministru tgħid jekk bejn is-sena 2004 u 2007 sarx xi restructuring exercise fil-Ministeru? Jekk iva, tista' tgħid jekk dan isarrafx li xi posts jew positions jiġu aboliti? Tista' tgħid jekk minħabba l-istess eżerċizzju kienx hemm ukoll xi selection processes li ġew withdrawn qabel ma ġie ppubblikat ir-riżultat tal-interview? Jekk iva, liema kienu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi ma kien hemm l-ebda restructuring exercise fil-perjodu msemmi.
Ministeru għal Għawdex — Internal audits f'awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista ta’ dawk l-awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li:
a) għandhom
internal auditor
?
b) li għad m'għandhomx
internal auditor
?
ċ) f'każ ta' dawk li għandhom
internal auditor
tgħid kemm ilu li nħatar u min huwa?
d) filwaqt li tagħti raġuni għaliex m'hemmx
internal auditor
f’dawk l-entitajiet li s’issa għad m'għandhomx wieħed, tindika ukoll meta dan il-vojt mistenni jimtela'?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fil-preżent il-Ministeru għal Għawdex m'għandux internal auditor. Minkejja dan, id-dipartimenti li jaqgħu taħtu jistgħu jinqdew bis-servizzi tad-Direttorat ta' l-Internal Audit and Investigations fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Wieħed irid jistenna li r-ristrutturar tal-Ministeru għal Għawdex ikun iffinaliżżat qabel ma jiġi indikat jekk hux se jintela dan il-post.
Peress li parti kbira mill-ispiża tas-saħħa tmur għal kura ta' mard relatat ma' dieta ħażina, u peress li l-problema tal-ħxuna fuq it-tfal hi waħda serja ħafna u li tħalli riperkussjonijiet kbar fuq l-individwi u l-familji tagħhom għaliex mhux biss taffettwa s-saħħa ta' dak li jkun imma tħalli ukoll effett soċjali negattiv tant li t-tfal li jkollhom piż żejjed ibatu aktar minn nuqqas ta' stima, u mill-banda l-oħra hemm ukoll effetti negattiv li jkomplu jiffaċċjaw dawn il-persuni tul ħajjithom u peress li kif lkoll nafu li l-iskejjel għandhom rwol importanti ħafna biex iħeġġu u jgħinu lill-istudenti jfasslu u jwettqu pjan ta' ħidma sħiħa dwar l-ikel aktar bnin għal ħajja aħjar, tista' l-Ministru tara li tiġi impjegata visiting nutrionisit fl-iskejjel ta' Għawdex u dan biex il-kwalità tal-edukazzjoni f'Għawdex issir dejjem aħjar f'kull aspett għaliex fuq kollox dan ikun investiment li jkollu riżultat fit-tul għax inaqqas id-domanda fuq is-servizz tas-saħħa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex qed jistħarreġ x'jista' jsir fuq din il-materja.