Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kumpaniji li huma blacklisted mill-gvern u għalhekk ma jingħatawx kuntratti tal-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill- Onorevoli Interpellant li qabel ma jiġu ffirmati kuntratti ta' ċertu valur mid-Dipartiment tal-Kuntratti, l-operaturi ekonomiċi jintalbu jissottomettu ċertifikati mil-qrati kif ukoll mid-Dipartimenti tat-taxxa, bħal dak tal-VAT, Taxxi Interni u tad-Dwana. Dawn iċ-ċertifikati jridu jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku ma nstabx ħati ta' xi aggravju professjonali serju, jew li huwa fallut u qiegħed taħt amministrazzjoni appuntata mill-Qorti, jew li qiegħed fi proċeduri għal dikjarazzjoni ta' falliment jew qiegħed f' xi arrangamenti mal-kredituri. Hemm il-ħsieb li dawn iċ-ċertifikati jiġu estiżi għal diretturi ta' kumpaniji u jinkludu wkoll deċiżjonijiet meħuda mill-qrati fuq akkużi ta' frodi. Min-naħa l-oħra id-Dipartimenti tat-taxxa jridu jiddikjaraw li l-operatur ekonomiku huwa aggornat fil-ħlasijiet tat-taxxi inkluż il-ħlas tas-sigurta soċjali.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — lista ta' konsulenti u kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16955 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ? Kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17703.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-Tank Cleaning Farm hemmx persuni għadhom jaħdmu? Jekk fl-affermattiv, taħt liema departiment/aġenzija/korporazzjoni jaqgħu? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid x'se jiġri minnu?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa u ma jibqax jiżbroffa d-drenaġġ f'numru ta' postijiet fil-Marina tal-Kottonera u maġenb Dock 1?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-fawrien tad-drenaġġ ġewwa il-marina tal-Kalkara ġie solvut, wara li sar tindif ta mini ġewwa iċ-ċentru tal-Birgu.
Ta’ min jgħid ukoll li l-problema ta ‘Dock 1’ ġiet solvuta wkoll wara tiswijiet fil-
pumping station
ta' Għajn Dwieli.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17488 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14855, jista' l-Ministru jara li jinħarġu l-flus dovuti lil din il-familja? Jista' jgħid meta se jingħataw dawn il-flus?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17488.
Peress li dan l-aħħar, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta ħarġet avviż li l-Mediterranean Investment Holding plc kisret il-bond prospectus, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ħadet l-awtorità biex tassigura lill-investituri li dan ma jerġax iseħħ f'każijiet oħra ta' bond issues f'pajjiżna?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta ma tistax tassigura lill-investituri li ma jsirx ksur ta’ dak li jkun hemm fil-prospett li jinħareġ ma’ bond. L-awtorità għandha obbligu tissorvelja li kull min joħroġ bond għas-sottoskrizzjoni tal-pubbliku jonora dak li hemm fil-prospett u josserva l-provvedimenti tal-liġi dwar is-swieq finanzjarji. Fejn l-awtorità tara li hemm ksur tal-liġi jew ta’ xi provvediment fil-prospett, hija tieħu azzjoni skont il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid hux qed jikkunsidra li jagħmel Sukuk Issuance? Peress li fl-2008 l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta infurmat li fix-xhur li kien imiss kienet se toħroġ Consultation Document, u li jidher li sal-lum dan għadu ma sarx, jista' jgħid fejn wasal dan il-proċess?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi min-natura tiegħu sukuk jinvolvi xi forma ta’ sehem jew parteċipazzjoni ta’ investituri fil-proprjetà ta’ assi partikolari u fil-qligħ li jirrendu dawn l-assi - u dan peress li huwa projbit li dawn it-tip ta' Bonds iħallsu interessi kif isir fil-kaz ta' Bonds konvenzjonali. Il-ħruġ ta’ Sukuk mill-Gvern Malti għaldaqstant ikun jimplika ukoll xi forma ta' trasferiment jew parteċipazzjoni fit-titolu ta’ assi pubbliċi da parti ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li jinvestu fihom u għalhekk jirrikjedi ċirkostanzi ekonomiċi li jiġġustifikaw il-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji ta’ din in-natura.
L-MFSA fil-prezent qegħdha ssegwi l-iżviluppi f’dak li jirrigwarda l-ħrug ta’ sukuk fis-swieq internazzjonali peress illi dan huwa strument finanzjarju relattivament ġdid li għadu qiegħed jiżviluppa saħansitra fil-pajjiżi tal-Golf minn fejn oriġina.
Skont id-Dipartiment tat-Taxxi Interni, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa mistenni li din is-sena jinħadmu oġġezzjonijiet u jiġu finalizzati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-bilanċ preżenti ta’ oġġezzjonijiet, sal-aħħar tas-sena huwa mistenni li jinħadmu madwar 1,200 oġġezzjoni.
Huwa diffiċli ħafna li wieħed jagħmel stima eżatta ta’ kemm se jinħadmu oġġezzjonijiet, minħabba l-fatt li t-tul li jittieħed biex tiġi konkluża oġġezzjoni jiddependi minn ħafna fatturi, fosthom ir-riżorsi umani kif ukoll il-kooperazzjoni mit-
taxpayers
u r-rappreżentanti tagħhom.
Dipartiment tat-Taxxi Interni — oġġezzjonijiet reġistrati mit-tax payers
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta' oġġezzjonijiet reġistrati mit-tax payers mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Jista' jagħti breakdown ta' kemm huwa n-numru ta' kumpaniji/self employed/ħaddiema eċċ. kif ukoll jikkategorizzahom sena b'sena abbażi tal-oġġezzjonjiet in kwestjoni? Meta ġew reġistrati l-ewwel darba?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' oġġezzjonijiet minn individwi kontra kontijiet tat-taxxa huwa 1,677 regward is-sistema l-antika (jigifieri sas-sena ta' stima 1998) u 375 għas-sistema l-ġdida (mis-sena ta' stima 1999 'il hawn). Fil-każ tal-kumpaniji hemm 412 għas-sistema l-antika u 145 għas-sistema l-ġdida.
Id-dettalji sena b'sena huma disponibbli biss għas-sistema l-ġdida (mis-sena ta' stima 1999 'il hawn), u huma kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17250, jista' l-Ministru jinfurmani kemm saru laqgħat u meta saru biex ġew diskussi mar-rappreżentanti tas-sidien in kwestjoni? Min mexxa dawn il-laqgħat u kemm kien in-numru tar-rappreżentanza tas-sidien li attendew?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta nbeda x-xogħol fuq il-proġett il-ġdid ta' Ta' Qali, is-sidien appuntaw ħames rappreżentanti tagħhom sabiex jiltaqgħu u jiddiskutu l-proġett b'mod regolari mar-rappresentanti tal-MIP.
Dawn il-laqgħat ilhom isiru b' mod regolari kull ġimgħatejn għal dawn l-aħħar tmien xhur. Bejn tlieta u ħames rappreżentanti tas-sidien dejjem kienu preżenti b'mod regolari.
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jara li bozza maqtugħa li ġiet irrapurtata fil-Kunsill Lokali ta' Ta' Xbiex li qiegħda quddiem it-Tulip Bar fi Triq Testa Ferrata, tkun irranġata għaliex ilha rrapurtata ġimgħatejn?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-manutenzjoni tal-bozza msemmija mhiex responsabbiltà tal-Enemalta iżda tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17722, 17507 u 16997 u jassigura li l-ebda direttur fuq il-bord tal-Korporazzjoni Enemalta m'għandu kunflitt ta' interess f'oqsma li fihom il-kumpanija tixtri prodotti u servizzi? F'każ li jeżistu dawn il-każijiet, liema huma?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
Kummissarju tal-Pulizija — informazzjoni mingħand il-kontrollur tad-dwana
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 17481 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid ukoll kemm hemm każijiet ta’ kuntrabandu eċċ. li għad ma ttieħdux passi kontrihom minħabba dewmien min-naħa tad-Dwana biex jagħtu lill-pulizija l-informazzjoni neċessarja u dan fl-aħħar sentejn mill-1 ta’ Ġunju, 2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn dawn l-aħħar sentejn, huma biss żewġ każi li s’issa d-Dwana għadha m’għaddietx l-informazzjoni neċessarja dwarhom lill-pulizija permezz ta’ Letter to Prosecute, sabiex il-pulizija tieħu passi kontrihom.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17625 u 17320 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kif isir ix-xogħol ta’ tindif fiż-żoni industrjali? Kif jitneħħa l-materjal ta’ bini li jinstab mitluq hemm? Meta l-aħħar li sar ġbir ta’ dan it-tip ta’ skart?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17811.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabret taxxa tad-dħul (income tax) fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-1 ta’ Jannar 2010 kien hemm kumpaniji/individwi li ma ħallsux it-taxxa mnaqqsa lill-impjegati tagħhom? Kemm kien l-ammont globali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena l-ammont ta’ income tax miġbura kienet €246.1 miljun. Mhux possibbli tingħata tweġiba għall-kumplament tal-mistoqsija minħabba li dik l-informazzjoni tkun disponibbli biss is-sena d-dieħla, wara l-aħħar ta’ Frar 2011.
Jista’ l-Ministru jgħid kull xahar mill-1 ta’ Jannar 2010 kemm kien hemm familji li nqatagħlhom id-dawl u l-ilma għax ma felħux iħallsu l-kontijiet? Minn liema lokalitajiet kienu? Fl-istess perjodu kemm reġgħu ngħataw id-dawl wara li jew ħallsu l-kontijiet jew sar ftehim biex iħallsu bin-nifs?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Kumpaniji li ma ħallsux kontijiet tad-dawl u l-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji li qed joperaw minn Malta u Għawdex li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl u ilma fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena? Kemm huwa l-ammont globali li għandu jitħallas? Sar xi ftehim u ma' kemm-il kumpanija sar, biex dawn iħallsu bin-nifs? Hemm kumpaniji li ilhom aktar minn sena mill-1 ta’ Ġunju 2009 li għadhom ma ħallsu l-ebda kont? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx kumpaniji li jingħataw xi forma ta’ għajnuna minħabba d-dawl u l-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għar-riklami tal-Korporazzjoni Enemalta bit-titlu "nothing is cleaner than the truth" u l-verżjoni bil-Malti, jista' l-Ministru jgħid kemm-il riklam bl-Ingliż u bil-Malti deher s'issa? Kemm huma ppjanati li jidhru? Kemm hi l-ispiża globali li ntnefqet s'issa? Kemm hi l-ispiza globali li mistennija tintnefaq sal-aħħar tal-kampanja ta' riklamar?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17994, 17615 u 17449 u jgħid għaliex fil-web page tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u tal-Korporazzjoni Enemalta, il-bill calculator ma kenitx qiegħda tiffunzjona għal dawn l-aħħar xhur? Jista' jispjega din l-ineffiċjenza meta suppost bl-ARMS Ltd l-affarijiet isiru aktar effiċjenti?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.