Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #16440 Sitting 209 2010-04-26 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Farm Sperimentali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex il-Farm Sperimentali tal-Gvern f'Għawdex isir ċentru mediterranju fir-riċerka, żvilupp u innovazzjoni? X'inhu ppjanar u pprogrammat li jsir din is-sena u fl-2011 u fl-2012 fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuqu? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li saru numru ta' laqgħat ma' l-Università ta' Malta biex flimkien ma' l-Università, il-Farm Sperimentali tal-Gvern f'Għawdex ikun jista' jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni. Ninsab infurmata wkoll li matul din is-sena u s-snin 2011 u 2012, huma ppjanati li jsiru xogħlijiet strutturali u attrezzar b'apparat u makkinarju ġdid u li tibda ssir riċerka fuq razez indiġeni. L-istejjem għal dawn it-tlett snin jiġu ppreparati wara li l-pjan tal-proġett sħiħ ikun ifformulat.
Leg 11 PQ #15718 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Ċentri tal-Università f'Għawdex — korsijiet full-time u part-time

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar liema huma l-korsijiet li qed jiġu organizzati bħalissa fiċ-ċentri tal-Università f'Għawdex? Kemm minn dawn il-korsijiet huma part-time? Kemm huma full-time? Tista' tagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li jattendu xi wieħed minn dawn il-korsijiet, fil-fatt jitilgħu għal-lectures minn Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-korsijiet huma: 2 korsijiet fid- Diploma in Commerce 2 korsijiet fil- Bachelor in Commerce 2 korsijiet fil- Masters in Islands and Small States Studies Bachelor of Arts Bachelor of Arts (Hons) in Criminology Master of Arts in Hospitaller Studies Master in Translation Master in Business Administration (Executive) Il-korsijiet kollha huma fuq bażi part-time. L-istudenti li jitilgħu għal-lectures minn Malta huma 2.
Leg 11 PQ #15997 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — attivitajiet/konferenzi/taħditiet organizzati

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'attivitajiet/konferenzi/taħditiet ġew organizzati mill-ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha f'dawn l-aħħar sitt xhur? X'kienet l-attività? X'kienet l-ispiża involuta? Kien hemm xi ko-finanzjament għal dawn? Jekk fl-affermattiv, minn min sar il-ko-finanzjament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #16023 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

mekkaniżmu uffiċjali ta' konsultazzjoni, ippjannar u eżekuzzjoni tal-proġett

Question

Tista' l-Ministru tispjega u tgħid x'inhu l-mekkaniżmu uffiċjali u formali ta' konsultazzjoni, ippjanar u eżekuzzjoni tal-proġetti u x-xogħol kollu li jsir f'Għawdex, jew b'konnessjoni ma' Għawdex, f'dawk l-oqsma li ma jaqgħux taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16026.
Leg 11 PQ #16024 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Politika reġjonali għal Għawdex — Qasam tas-Saħħa

Question

Tista' l-Prim Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għal Għawdex fil-qasam tas-Saħħa? Jekk fl-affermattiv tista’ tispjega x’inhi? Tista’ tgħid min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fil-qasam tas-Saħħa inklużi fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigawrd? Min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta' a) speċjalisti; b) tobba; ċ) nurses; d) paramediċi u ħaddiema oħra fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li m'hemmx Politika Reġjonali għal Għawdex fil-qasam tas-Saħħa. Il-Ministeru għal Għawdex jirrakkomanda, u wara l-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità jistabilixxi x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fil-qasam tas-Saħħa kif ukoll in-numru ta' ħaddiema li jaħdmu f'dan is-settur, inkluż l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Il-proċedura għall-mili tal-postijiet/pożizzjonijiet vakanti hija kif ġej: 1) Il-Ministeru għal Għawdex jagħmel it-talbiet tiegħu a bażi tal-bżonnijiet tas-settur tas-saħħa f'Għawdex u dawn jiġu sottomessi lill-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità. 2) Il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità jistabilixxi kemm għandu jkun in-numru ta' speċjalisti, tobba, nurses, paramediċi u ħaddiema oħra fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. 3) Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għal Għawdex jiddiskutu n-numru stabbilit mill-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità f'Capacity Building Meeting li jinżamm apposta għal dan l-iskop u matulu jiġu deċiżi l-postijiet/pożizzjonijiet vakanti fil-Ministeru li għandhom jintlew.
Leg 11 PQ #16025 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

politika reġjonali għal Għawdex — qasam tal-anzjani

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għal Għawdex fil-qasam tal-anzjani? Jekk fl-affermattiv tista’ tispjega x’inhi? Tista' tispjega u tgħid min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fil-qasam tal-kura tal-anzjani f’Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta' ħaddiema f’dan il-qasam f’Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li m'hemmx Politika Reġjonali għal Għawdex fil-qasam tal-anzjani. Il-Ministeru għal Għawdex jirrakkomanda, u l-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità jistabilixxi u japprova x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fil-qasam tal-kura tal-anzjani f'Għawdex. M'hemmx proċedura formali f'dan ir-rigward. Il-Ministeru għal Għawdex jirrakkomanda n-numru ta' ħaddiema li għandu bżonn fil-qasam tal-anzjani. Jistabilixxu u japprovaw in-numru ta' ħaddiema f'dan il-qasam, il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità flimkien mal-Ministeru tal-Finanzi u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 11 PQ #16026 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

mekkaniżmu uffiċjali — tfassil ta' kull politka u proġett

Question

Tista' l-Ministru tispjega u tgħid x'inhuma l-mekkaniżmi uffiċjali u formali biex il-Ministeru għal Għawdex jipparteċipa fit-tfassil ta' kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija? Meta daħlu fis-seħħ dawn il-mekkaniżmi? X'kienet il-politika u x'kienu l-proġetti nazzjonali li l-Ministeru għal Għawdex ipparteċipa fit-tfassil tagħhom sena sena minn meta ġew introdotti dawn il-mekkaniżmi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, Gvern Nazzjonalista fl-1987 waqqaf il-Ministeru għal Għawdex sabiex f'kull livell ta' diskussjoni u f'kull deċiżjoni li jieħu l-Gvern tkun kunsidrata l-perspettiva Għawdxija u jassigura l-aħjar interess ta' Għawdex u l-Għawdxin. Sa mit-twaqqif tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex kien strumentali biex ittrasforma lil Għawdex fl-oqsma kollha tal-ħajja u llum Għawdex igawdi minn kwalita' ta' ħajja ta' l-ogħla kwalità għall-bqija ta' Malta. Il-Ministeru għal Għawdex għandu l-għan li jkompli jġib 'il quddiem il-kwalità tal-ħajja f'Għawdex waqt li jipproteġi u jtejjeb il-karatteristiċi kulturali, soċjali u ambjentali tal-gżira Għawdxija. Biex jagħmel dan, il-Ministeru għandu kemm responsabilitajiet li jaqgħu taħtu direttament kif ukoll jipparteċipa fit-tfassil ta' kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija. Barra minn dan, peress li l-Ministru għal Għawdex hija membru tal-Kabinett, din hija f'pożizzjoni li tagħti l-kontribut u r-rakkomandazzjonijiet tagħha f'dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Ministeru għandu responsabilità oriżżontali fl-oqsma kollha fejn hemm entità jew awtorità/organizazzjoni nazzjonali li għandha r-responsabilità operattiva biex jassigura li dak kollu li jaffettwa lil Għawdex jew isir f'Għawdex ikun fl-aħjar interess ta' Għawdex u l-Għawdxin. F'dawn il-każijiet, il-Ministeru għal Għawdex jimpenja ruħu f'kull stadju ta' konsultazzjoni, ppjanar, u eżekuzzjoni tal-proġetti u x-xogħol kollu li jsir f'Għawdex jew b'konnessjoni ma' Għawdex għalkemm ir-responsabilita' operattiva hija ta' l-entita' rispettiva u l-Ministeru li taħtu taqa' l-entità.
Leg 11 PQ #16027 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

funzjonijiet/responsabilitajiet, drittiju u doveri kostituzzjonali pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tispjega u tgħid x'inhuma l-funzjonijiet pubbliċi, ir-responsabilitajiet, id-drittijiet, id-doveri kostituzzjonali u statutorji li l-Ministru/Ministeru għal Għawdex għandha/għandu f'dawk l-oqsma li hija/hu responsabbli direttament għalihom? Tista’ ragħti r-referenza tal-liġijiet relattivi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16026. Ma' din nixtieq inżid li apparti r-responsabilità li jipparteċipa fit-tfassil ta' kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija, il-Ministeru għal Għawdex għandu responsabilità diretta tal-oqsma li għalihom jingħata allokazzjoni fl-Estimi Finanazjarji.
Leg 11 PQ #16028 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

politika reġjonali fil-qasam tal-edukazzjoni t'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tjgħid jekk hemmx politika reġjonali għal Għawdex fil-qasam tal-edukazzjoni? Jekk fl-affermattiv tista’ tispjega x’hinija? Tista' tispjega u tgħid min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta' kapijiet, għalliema, kindergarten assistants, learning support assistants u ħaddiema oħra fl-iskejjel tal-gvern f'Għawdex? Min hu responsabbli għal dawn l-impjegati? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova xi skejjel għandu jkun hemm f'Għawdex, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova x'korsijiet isiru u x'suġġetti jitgħallmu fl-iskejjel tal-gvern f'Għawdex, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li Għawdex jimxi fuq l-istess linji li jitfasslu fuq bażi nazzjonali sew għal Malta kif ukoll għal Għawdex skont il-qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Il-prinċipal tal-Kulleġġ jirrakkomanda kemm għandu jkun in-numru ta' kapijiet, għalliema, kindergarten assistants, learning support assistants wara li jkun ikkonsulta mal-kapijiet u wara li jkun inħadem l-eżerċizzju tal-klassifikazzjoni. Jistabilixxi u japprova ċentralment id-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi, Malta (DSE). Dwar 'ħaddiema oħra': Staff minuri u dawk klerikali jistabilixxi u japprova d-Dipartiment u d-Direttorat tal-Customer Services, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Wara li jintbagħat għand id-DSE l-abbozz tal-eżerċizzju ta' klassifikazzjoni, isiru laqgħat bejn id-DSE u l-Prinċipal tal-Kulleġġ sabiex kull skola jkollha n-numru ta' mpjegati (kinder, LSA's, instructors, għalliema, ass. Kapijiet, Kapijiet) meħtieġa. Ir-responsabilità taqa' fuq l-individwi stess; fuq il-kapijiet tal-iskejjel, fuq il-Prinċipal tal-Kulleġġ u fuq id-diversi direttorati fi ħdan iż-żewġ direttorati ċentrali, id-DSE u DQSE (Dipartiment tal-Kwalità u Standards) fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni. Kif għidt qabel, Għawdex jimxi fuq il-proċeduri ċentrali li joħorġu mill-qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Hemm każijiet fejn skola partikolari tista' ddaħħal xi kors speċjali wara li dan jiġi approvat mid-Direttorati Ġenerali.
Leg 11 PQ #16039 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Nutrazon disponibbli mill-Ispiżerija tal-Gvern

Question

Peress li qed isiru ilmenti dwar il-fatt li Nutrazon mhux qed ikun disponibbli mill-Ispiżerija tal-Gvern u dan qed joħloq ċertu inkonvenjent, tista' l-Ministru tieħu l-provvedimenti meħtieġa biex in-Nutrazon tkun disponibbli?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fl-Ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm stocks ta' Nutrazon li qed jitqassmu lill-pazjenti u li ma kien hemm l-ebda nuqqas ta' stock ta' Nutrazon f'dawn l-aħħar tliet xhur.
Leg 11 PQ #16067 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtha? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16351 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

tenders għat-toroq f'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma il-membri tal-Evaluation Board Commitee responsabbli mit-tenders tat-toroq ta' Għawdex: a) CT 2633/2009 - Negotiated Procedure for the Reconstruction of Part of Xlendi Road. b) CT 2101/2009 - Works Tender for the Reconstruction of part of ta' Pinu Road, Għarb. c) CT 2730/2009 - Negotiated Works Tender for upgrading works at Villa Rundle Garden, Victoria, Gozo. d) CT 2202/2009 - Reconstruction and upgrading of Mġarr Road, Għajnsielem, Gozo. e) CT 2520/2009 - Works tender for the Civil Works and Embellishment of the Żewwieqa Waterfront, Għajnsielem,Gozo. X'inhu l-grad ta' dawn l-membri? Ma’ min huma impjegati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex dwar partijiet a), b), c) u e), tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16351 jagħmel il-mistoqsija lill-Onor. Ministru tal-Finanzi filwaqt li għal parti d) tal-istess mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Onor. Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
Leg 11 PQ #15890 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Qasam Industrijali tax-Xewkija Għawdex — ħaddiema li mhux jirċievu l-paga

Question

Tista' l-Ministru tara r-raġuni għaliex il-ħaddiema li jaħdmu fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija Għawdex fil-fabbrika Bayvarc ilhom ix-xhur ma jirċievu l-paga?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #15957 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Leg 11 PQ #16022 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Uffiċjali tal-agrikoltura

Question

Tista' l-Ministru tgħid min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandhom ikunu s-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandu jkun in-numru ta' l-uffiċjali fid-dipartiment ta' l-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandhom ikunu l-gradi ta' l-uffiċjali ta' l-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Hemm politika reġjonali għal Għawdex fl-oqsma tal-biedja u sajd? Għaliex l-ebda proġett fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea m'huwa taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex fil-qasam ta' l-Agrikoltura f'Għawdex jiġu deċiżi mid-Dipartiment għall-Proġetti u Żvilupp u fejn hemm bżonn flimkien ma' dipartimenti fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Ninsab infurmata wkoll li l-gradi ta' uffiċjali u n-numru tagħhom fil-qasam ta' l-Agrikoltura fil-Ministeru għal Għawdex jiġu stabbiliti mid-Dipartiment għall-Proġetti u Żvilupp fil-Ministeru għal Għawdex u approvati mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Jiena nfurmata li l-politika reġjonali fuq il-biedja għal Għawdex hija skont il-viżjoni Eko-Għawdex u li bdiewa Għawdxin jibbenefikaw minn skemi ta' għajnuna fuq bażi nazzjonali kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Leg 11 PQ #16058 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtha? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16281 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Vapur t'Għawdex li jopera minn Tal-Pietà

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern dwar il-vapur tal-merkanzija minn u għal Għawdex li jorbot f'Tal-Pietà Malta? Huwa veru li din l-aċċessibilità għal Għawdex se tieqaf taħdem minn Tal-Pietà? Jekk dan huwa minnu, minn fejn se jibda jopera?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li l-Awtorità Marittima ta' Malta hija l-awtorità li tirregola l-użu tal-portijiet, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Infrastruttura, it-Trasport u l-Komunikazzjoni.
Leg 11 PQ #15891 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

djalett Għawdxi — passi biex jiġi apprezzat, ikkonservat u interpretat

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed isir fil-prattika biex id-djalett Għawdxi bil-varjazzjonijiet tiegħu (eż. tar-Rabat, tan-Nadur eċċ.) jiġi apprezzat, konservat u interpretat aktar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-kwistjoni tad-djaletti mhix limitata biss għal Għawdex. Fil-fatt kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex jeżistu diversi forom ta' djaletti li għandhom jiġu aktar valorizzati u studjati minn entitajiet li għandhom ir-responsabilitajiet f'dan ir-rigward (eż. il-Fakultà tal-Malti fl-Università ta' Malta). Il-Ministeru għal Għawdex hu dejjem dispost li jgħin kull inizjattiva f'dan ir-rigward. Fil-fatt riċentament il-Kunsill Lokali ta' Kerċem flimkien mal-Assoċjazzjoni Versagħtini ta' Malta organizzaw festival tad-djalett u għana bil-għan li ssir valorizzazzjoni tad-djaletti tagħna. Il-Ministeru għal Għawdex ta l-għajnuna kollha tiegħu f'din l-attività. Minkejja dan, il-konservazzjoni tad-djaletti tibqa' dipendenti ħafna fuq l-individwi konċernati li jħossu l-importanza li jipprattikaw dawn id-djaletti u jgħadduhom lil uliedhom.
Leg 11 PQ #15911 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

sejħa għall-offerti għall-bini ta' pixxina f'Għawdex

Question

B'referenza għal dak li ġie rappurtat fil-media dwar it-tieni sena ta' ħidma tal-Ministeru tagħha u partikolarment dak mistqarr minnha li hemm il-ħsieb li tinbena pixxina biswit il-kumpless sportiv, tista' l-Ministru tgħid permezz ta' liema sejħa għall-offerti se jsir dan il-proġett u permezz ta' liema sejħa għall-offerti sar it-tqattiegħ tal-blat u l-iskavar relattiv għall-istess għan? Tista' tgħid ukoll kemm hu maħsub li se jiġi jqum dan il-proġett interament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li sa issa ħarġet sejħa għall-offerti għal 'Technical Consultancy and Assistance for the Design of the Mechanical, Electrical and Environmental systems for the Gozo Natatorium'. Ma ħarġet l-ebda sejħa għall-offerti għat-tqattiegħ ta' blat u skavar. Kuntrarju għal kif kien irrapurtat fuq il-mezzi tax-xandir, ix-xogħol ta' skavar qiegħed isir maġenb il-Kumpless Sportiv f'sit ta' terzi persuni. Il-proġett kollu huwa stmat li se jiswa €4.2 miljuni.
Leg 11 PQ #16270 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Pilloli Lescol

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-pilloli Lescol f'Għawdex ikunu jew out of stock jew il-pazjenti jingħataw nofs l-ammont li suppost jieħdu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-konsum tal-Lescol hija ta' madwar 42,000 pillola fix-xahar. Fix-xahar ta' Frar 2010 kienu ngħataw 47,700 pillola lill-ispiżerija ta' Għawdex mill-Governmental Pharmaceutical Services. Fl-aħħar ta' Marzu 2010 reġgħu ngħataw 28,500 pillola oħra. L-ammont ta' stock limitat li qed jasal l-ispiżerija tal-isptar t'Għawdex mhuwiex jippermetti li l-pazjenti jingħataw l-ammont sħiħ ta' xahrejn kull darba li jiġu biex jinqdew mill-ispiżerija.