Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — kirjiet ta' għamara, pitturi u pjanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk sarux xi kirjiet ta' għamara u/jew pitturi u/jew pjanti mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jinfurmani fid-dettall xi flejjes qed jitħallsu għal dawn il-kirjiet separatament?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma saru l-ebda kirjiet ta' għamara u/jew pitturi u/jew pjanti mill-uffiċċju tiegħi u dekasteri oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Parental Leave

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm talbiet għall-parental leave f'din l-aħħar sena, kemm jekk saru minn nisa u kemm jekk saru minn irġiel, fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul din l-aħħar sena kien hemm tliet talbiet minn membri femminili tal-istaff għall-Parental Leave u dawn ġew milqugħa kollha.

Knisja għall-Komunità Ortodossa Russa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jwieġeb mistoqsija parlamentari 9903 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fiex waslet it-talba mill-Komunità Ortodossa Russa li tgħix ġewwa Malta biex tibni knisja fejn diġà ħarġu l-permessi kollha meħtieġa u jirriżulta li għad jonqos li tgħaddi mill-Kabinett tal-Ministri?

Response (BORG, TONIO)

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jinsab infurmat bit-talba mill-Komunità Ortodossa Russa li tgħix ġewwa Malta biex tibni knisja. Din it-talba qed tiġi evalwata mill-awtoritajiet Maltin kollha ikkonċernati.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — teleworking u reduced hours

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm talbiet għal teleworking u reduced hours rispettivament fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'din l-aħħar sena? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f'din l-aħħar sena, kien hemm għaxar talbiet għal teleworking. Tnejn minnhom ma ġewx milqugħa. Kien hemm ukoll tliet talbiet għal reduced hours li kollha ġew milqugħa.

Canberra Times — two-pager f'Jum l-Indipendenza - informazzjoni

Question

Jista' l-Vici Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jiddikjara kemm intnefqu flus biex deher two-pager fil-Canberra Times fl-okkazjoni tal-45 sena minn Jum l-Indipendenza? Għalfejn il-Gvern Malti fi stqarrija dwar dan il-fatt seta' ta l-impressjoni li dan it-two-pager deher bħala servizz? Jaqbel il-Vici Prim Ministru mad-deċiżjoni li ttieħdet biex jidher dan it-two-pager?

Response (BORG, TONIO)

Ma giet tqum xejn. Il-Gvern Malti ma ħallasx biex ġie ppubblikat l-artiklu msemmi f'din il-PQ. Jiena konvint li issa li l-Onorevoli Interpellant jaf b'dan il-fatt, japprezza kemm kienet ghaqlija l-inizjattiva għal dan ir-reklam b'xejn għal Malta fuq ġurnal prestiġuz fl-Awstralja. Hija ħasra li meta jkun hemm inizjattivi bħal dawn għall ġid tal-pajjiz, flok jiġu inkoraġġiti, għamilhom min ghamilhom, jiġu minflok kritikati.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — serqiet rappurtati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rappurtati lill-Pulizija milll-Ministeru/dipartimenti/korporazzjonijiet/awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul din is-sena? Kemm huwa kalkulat il-valur misruq u x'natura ta' oġġetti eċċ. insterqu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru/Dipartimenti/Korporazzjonijiet/Awtoritajiet eċċ., li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, ma seħħet l'ebda serqa matul din is-sena.

Dritt lil persuna biex tidħol f'pajjiżna

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għadha ma ngħatatx id-dritt li tidħol f'pajjiżna għad li din hija debitament miżżewġa lill-persuna indikata separatament? Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin li dan id-dewmien qed jilludilu d-drittijiet fundamentali tiegħu, kif sanċiti bil-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?

Response (BORG, TONIO)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11110 datata 2 ta' Ottubru 2009, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta tinsab imniżżla fuq il-lista tar-"refuse landing". Dan il-Ministeru jinsab infurmat li hemm kommunikazzjoni għaddeja bejn il-Pulizija tal-Immigrazzjoni u l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament sabiex il-mara tiegħu titneħħa minn fuq din il-lista. Sal-llum is-"Central Visa Unit" ma ġietx infurmata la mingħand il-Pulizija u anqas mingħand din il-persuna li kien hemm żviluppi ġodda rigward dan il-każ.

Konsli Maltin u barranin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm huwa n-numru ta' Konsli Maltin u barranin ġejjin mill-Istati Afrikani akkreditati għas-seminar bejn pajjiżna u pajjiżhom? Liema huma l-pajjiżi in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Għandi nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-laqgħa li l-Ministeru tiegħi organizza għall-Konsli Onorarji ta' Malta. Din il-laqgħa li saret Malta bejn il-11 u t-13 ta' Marzu 2009 attendew għaliha 90 Konslu minn 49 pajjiz. Apparti li l-Konsli ġew indirizzati minn diversi Ministri, huma kellhom mal-450 laqgħa individwali li tfasslu minn qabel ma' interpredenituri u sidien ta' negozji Maltin. Mill-Afrika attendew żewġ Konsli minn Niġeria u l-Afrika ta' Isfel, u tnejn oħra mill-Marokk u mill-Eġittu.

Mixed Commission bejn Malta u l-Libja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid min huma l-membri li jiffurmaw il-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja fil-mument? Kemm il-laqgħa saret matul din is-sena u liema kienu l-kriterji diskussi?

Response (BORG, TONIO)

Il-membri li jiffurmaw il-Kummissjoni Mħallta bejn Malta u l-Libja ivarjaw skont l-oqsma li jiġu diskussi waqt is-Sesjoni kkonċernata. L-aħħar laqgħa tal-Kummissjoni Mħallta seħħet f'Malta fit-28 u d-29 ta' Ottubru 2008, u kienet ippreseduta mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin rispettivi. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali f'diversi setturi importanti bħall-qasam finanzjarju, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-immigrazzjoni illegali, il-biedja u s-sajd u t-tiftix għaż-żejt. Huwa mistenni li s-Sessjoni li jmiss ser issir fil-Libja fix-xhur li ġejjin.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Scaffolding bir-ritratt impost fuqu

Question

Jista' l-Vici Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm preċizament ġiet tiswa l-inċirata li tinsab imwaħħla bir-ritratt impost fuqha ma' l-iscaffoldingli hemm mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, fil-Belt Valletta? Jista' jgħid għal liema raġuni din saret hekk u min iddeċieda li ssir? Jista' jippreżenta l-istimi li ttieħdu u stima oħra ta' kemm tiswa mingħajr ritratti? Jista' jistqarr ukoll jekk hemmx xi regolament mill-Unjoni Ewropea li jġiegħel Ministeru fil-Belt Kapitali tal-pajjiż jagħmel spejjeż ta' din in-natura?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la hemm scaffolding u l-anqas inċirata imwaħħla mal-ħajt tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Permessi meħtieġa biex persuna tgħix u tiżżewweġ Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jidħol fil-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ta' ċittadinanza Niġerjana u jara li, in vista tal-fatt li dan ilu f'relazzjoni serja mal-persuna ta' nazzjonalità Maltija tant li għandhom tarbija (dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament) li hi Maltija u jixtiequ jifformaw familja billi jiżżewġu lil xulxin? Jista' jara li jkollu l-permessi meħtieġa biex ikun jista' joqgħod Malta sabiex b'hekk ikun jista' jiżżewwġ lil omm t-tifla Maltija tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates m'għandu ebda rekords dwar il-persuna indikata fil-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant.

Kmamar tal-Industriji jew Kummerċ rikonoxxuti mill-Gvern Malti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jiddikjara liema huma l-Kmamar tal-Industriji jew Kummerċ skont il-każ fid-dinja li l-Gvern Malti jirrikonoxxi? Liema huma dawk li ma jirrikonoxxix?

Response (BORG, TONIO)

Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ma jżommx lista ta' din it-tip, peress li m'hemmx rikonoxximent uffiċċjali da parti tal-Ministeru.

Ħruġ ta' visas

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inħarġu visass-sena l-oħra u din is-sena? Minn fejn inħarġu? Minn liema pajjiż kienu dawk li kellhom it-talba milqugħa? Kemm ġew rifjutati? Minn liema pajjiż kienu?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Bastimenti tal-gwerra fil-portijiet ta' Malta

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm daħlu bastimenti tal-gwerra fil-portijiet Maltin is-sena l-oħra u din is-sena? X’tip kienu? Minn liema pajjiż kienu?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Bastimenti tal-Gwerra li daħlu fil-portijiet ta' Malta matul l-2008 u l-2009.

Gvern Malti u Gvern Taljan — kuntatti fuq livell politiku u diplomatiku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega lill-Parlament x'ġara ftit tal-jiem ilu meta, skont ma ġie rapportat f'ġurnal Malti, l-Eċċellenza Tiegħu l-Ambaxxatur Taljan stess intervjena bil-preżenza tiegħu biex il-Pulizija Maltija ma taqbadx opra tal-baħar Taljana? Jista' jagħti retroxena ta' kif seħħew il-ġrajjiet? X'kuntatti kien hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Taljan, kemm fuq livell politiku u anke dak diplomatiku b'liema mezzi/strumenti u f'liema dati? X'sar minnha d-dgħajsa Maria Salvatrice? Intant, jista' l-Ministru jispjega x'ġara u x'qed jiġri fil-każ tal-luzzu Għawdxi Betania u Peppi Xuereb? Jista' jagħti retroxena ta' kif seħħew il-ġrajjiet, x'kuntatti kien hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Taljan kemm fuq livell politiku u anke dak diplomatiku? Ġie għall-konjizzjoni tal-Ministru li wara l-arrest tal-Paternostro, kien hemm esportaturi lokali li solitament ibiegħu l-prodotti tagħhom fi Sqallija li tilfu l-bejgħ tal-prodotti tal-baħar tagħhom fi Sqallija? X'se jagħmel il-Gvern Malti dwar dan fuq il-livell politiku u diplomatiku?

Response (BORG, TONIO)

Dwar il-Każ tad-dgħajsa “Maria Salvatrice” l-Ambaxxatur ta’ l-Italja f’Malta għamel kuntatt darba mal-Ministeru fejn irraporta li kien hemm inċident fejn sajjied Taljan kien qed jiġi investigat għal sajd illegali f’ibħra ta’ kompetenza Maltija. Dan il-Ministeru wieġeb li l-proċess kien qiegħed pendenti quddiem l-awtorita’ ġudizzjarja, u li kien ittamat li dan l-episodju jingħalaq kemm jista’ jkun malajr. Fil-fatt dan is-sajjied ġie misjub ħati, wara amissjoni, fis-6 ta’ Lulju 2009 u ġie mmultat. Dwar il-luzzu ‘Betania’ nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-ministru/i kkonċernati.

Kummissjoni Mħallta bejn Malta u l-Libja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il darba ltaqgħet din is-sena l-Kummissjoni Mħallta bejn Malta u l-Libja? Fejn saret kull laqgħa u min attenda għalihom? X'kienu l-punti ewlenin diskussi? Meta hemm il-ħsieb li l-Kummissjoni terġa' tiltaqa', fejn u x'hemm il-ħsieb li jiġi diskuss?

Response (BORG, TONIO)

Il-25 sessjoni tal-Kummissjoni Mħallta bejn Malta u l-Libja ltaqgħet f'Malta fit-28 u d-29 ta' Ottubru tal-2008 taħt it-tmexxija taż-żewġ Ministri għall-Affarijiet Barranin. Din il-Kummissjoni, komposta minn uffiċċjali għolja ministerjali u settorjali miż-żewġ naħat, tiltaqa' perjodikament f'Malta u fi Tripli fuq bażi alternanti. Id-diskussjonijiet tal-Kummissjoni Mħallta jiffukaw fuq kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom fuq firxa ta' oqsma bilaterali differenti. Fil-frattemp, diversi delegati u gruppi ta' ħidma jibqgħu jiltaqgġu regolarment biex jiddiskutu f'aktar dettal tekniku dak li ġie miftiehem fil-Kummissjoni Mħallta. Bħala riżultat tal-Kummissjoni Mħallta li ltaqgħet hawn Malta f'Ottubru li għadda, żewġ akkordji, wieħed fuq ħelsien minn taxxa doppja u l-ieħor fuq tfittxija u salvataġġ, kienu ffirmati bejn iż-żewġ pajjiżi. Is-26 sessjoni hija mistennija li tiltaqa' fi Tripli meta iż-żewġ Gvernijiet jaqblu fuq dati konvenjenti għaz-żewġ naħat.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (BORG, TONIO)

Kif ċertament jaf l-Onor. Interpellant, kull aġġustament, fi kwalunkwe żmien jew perijodu, 'il fuq jew 'l isfel ta' taxxi, tariffi jew miżati minn kull dipartiment, awtorita, isituzzjoni jew aġenzija, hu informazzjoni fil-public domain u ssapportjat mill-istrumenti legali neċessarji. Għalhekk, nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kull aġġustament f'dan ir-rigward li sar fil-perjodu indikat fil-mistoqsija hu ppublikat skond kif titlob il-liġi tagħha sar tali aġġustament.

European Health Insurance Card

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-benefiċċji għall-Maltin li għandhom il-European Health Insurance Card, meta jiġu bżonn xi servizz tas-saħħa f'xi pajjiż membru stat tal-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ħruġ ta' ċittadinanza Maltija

Question

No question text.

Response (BORG, TONIO)

B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata fil-Mistoqsija kkonċernata għandha fil-pussess tagħha dokument ta' residenza li bih tkun tista' tidħol u toħroġ miż--żona Schengen mingħajr il-ħtieġa ta' visa. Dwar l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza kif infurmajt diġa lill-Onorevoli Interpellant fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7472, din għadha qiegħda tiġi proċessata.

Ċittadinanza doppja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid illum kemm huwa n-numru ta' persuni li għandhom ċittadinanza doppja u ma' liema pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif spjegajt drabi oħra fil-Parlament, fl-10 ta' Frar 2000 il-liġi taċ-ċittadinanza inbidlet biex id-dritt li persuna jkollha żewġ ċittadinanzi (jew aktar) isir ir-regola u mhux aktar l-eċċezzjoni kif kien qabel. Jiġifieri dawk il-persuni kollha li kienu saru Maltin jew fil-21 ta' Settembru 1964 jew bi twelid wara din id-data, jekk għamlu 6 snin jgħixu barra minn Malta, awtomatikament jikkwalifikaw biex iżommu żewġ ċittadinanzi, waħda minnhom dik Maltija. Wara l-10 ta' Frar 2000 kull ċittadin Malti li jakkwista ċitadinanza barranija kif ukoll kull barrani li jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija, jistgħu jzommu ż-żewġ cittadinanzi. Jekk wieħed jistax ikollu ċittadinanza doppja jiddependi wkoll mill-liġi taċ-ċittadinanza tal-pajjiz l-ieħor ikonċernat. Ir-rwol tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza fejn għandha x'taqsam iċ-ċittadinanza doppja huwa, li dawk il-persuni li jridu konferma bil-miktub li huma jgawdu dan id-dritt, tinħarġilhom ittra li tikkonferma dan wara li jkunu ppreżentaw id-dokumenti meħtieġa. Ara t-tabella li qed inpoġġi ful il-Mejda tal-Kamra.