Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ilha 28 sena tistenna biex tingħata appartament bi bdil ma' dak li għandha, minħabba l-kundizzjoni ta' saħħa tar-raġel tagħha? Possibli d-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorità tad-Djar f'28 sena ma kienux kapaċi jieħdu ħsieb biex jaraw li jsir dan l-arranġament? Jekk ma setgħax isir dan, tista' tingħata spjegazzjoni ta' x'kienet ir-raġuni?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanti joqogħdu ġo post tal-Gvern bil-kera fit-tielet sular. Huma jixtiequ post isfel u l-lokalitajiet preferuti tagħhom huma Paola u Tarxien. Huma jixtiequ li jiġu allokati post terran, peress li għandhom il-problema tat-taraġ. Mil-lista tat-tpartit li għandha l-Awtorità tad-Djar m’hemmx applikanti li joqogħdu ġo post terran fil-lokalitajiet preferuti tal-persuni in kwestjoni. Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar m’għandiex postijiet terrani vakanti fil-lokalitajiet ta’ Paola u Tarxien.
Furjana — Triq l-Argotti u Triq l-Iljuni - binjiet tal-apparti - riasfaltar ta' toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'żamm u x'qed iżomm milli jiġu riasfaltati t-toroq Argotti u Iljun fil-Furjana fejn tlestew ix-xogħlijiet tal-binja tal-appartamenti li ġa bdew jiġu allokati?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jamel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista' l-Ministu jara l-każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kull m'għandu pensjoni hija €395 fix-xahar u jħoss li mhux jieħu l-pensjoni li ħaqqu?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara fejn waslet l-applikazzjoni għal flus arretrati tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kien jaħdem shipbuilding?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34160, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-problema li għandu l-persuna msemmija rigward kontijiet ta' dawl u ilma tiġi solvuta biex imbagħad jibda jirċevi l-voucher dovut lilu?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jien infurmat illi d-Dipartiment qiegħed jieħu l-passi neċessarji. Fil-fatt għandna konferma mingħand il-Kumpanija ARMS li fi żmien ġimgħa ser tiġi trasmessa l-informazzjoni neċessarja lid-Dipartiment sabiex ikun jista’ jinħareġ il-voucher li jmiss.
Ċentru ta' Taħriġ għall-Adulti — żgħażagħ b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu żgħażagħ b'diżabilità li jattendu xi ċentru ta' taħriġ għall-adulti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onoerevoli Interpellant li ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum qed jipprovdu servizz lil 397 klijenti li minnhom 86 huma żagħżugħ jew żagħżugħa ta’ bejn it-22 sena (li twieldu fin-1990) u t-tletin sena (li twieldu fin-1982).
Żgħażagħ b'diżabilità li qed jistennew biex jidħlu f'Ċentru għat-taħriġ tal-adulti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ b'diżabilità li qed jistennew li jidħlu f'xi ċentru għat-taħriġ tal-adulti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement hemm 86 żgħażagħ b’diżabiltà li applikaw biex jieħdu servizzi miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum. Dawn huma maqsuma kif spjegat hawn taħt :
Mis-sistema edukattiva*
48
Mill-Komunità
38
* Xi whud minnhom ghadhom fis-sistema edukattiva.
Benefiċċju — ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali
Question
Fil-każ ta' persuni li qed jieħu l-benefiċċju talli qed jieħu ħsieb il-ġenituri tagħhom, jista' l-Ministru jgħid għalfejn dawn ikollhom xorta waħda jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali? Għalfejn fl-istess waqt mhux intitolat għal żieda sħiħa li tingħata għal għoli tal-ħajja?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm żewġ tipi ta’ benefiċċji li jitħallsu lil persuni li jkunu jieħdu ħsieb ġenituri. Il-kriterji biex persuna tikkwalifika għal wieħed jew ieħor mill-benefiċċji huwa differenti.
L-ewwel tip ta’ benefiċċju huwa l-Għajnuna Soċjali (Wens) li jitħallas lil persuni li jkollhom jieqfu jirreġistraw għax-xogħol għax ikun qed jieħdu ħsieb xi qarib li minħabba l-kundizzjoni tiegħu jew tagħha jkollha bżonn il-wens. F’dan il-każ min qed jirċievi din l-Għajnuna Soċjali talli qed iddur bil-qarib, din mhux obbligata li tħallas kontribuzzjoni tas-Sigurta Soċjali kemm il-darba tkun tikkwalifika għal kontribuzzjoni akkreditata. Jista’ jkun hemm każ fejn kontribuzzjoni akkreditata ma tkunx applikabbli. Għaldaqstant ikun tajjeb li l-benefiċċjarju jitlob gwida minn uffiċċjali tad-Dipartiment tas-sigurta’ soċjali dwar il-kaz tiegħu.
Inżid ukoll li fil-każ ta’ kull għajnuna soċjali, ż-żieda fir-rata tal-Għajnuna minn sena għal sena huwa ta’ żewġ terzi taż-żieda ta’ l-għoli tal-ħajja.
It-tieni tip ta’ benefiċċju soċjali għal persuni li jduru bil-ġenituri huwa il-Pensjoni għal-Wens li tingħata li persuni li jkun qed iduru b’qarib li huwa wheelchair bound jew bed bound. F’dan il-każ, il-benefiċċjarju wkoll jista’ ikun intitolat għall-kontribuzzjonijiet akkreditati taħt ċertu kriterji. Barra minn hekk f’dan il-każ iż-żieda għall-ogħli tal-ħajja tingħata sħiħa.
Peress li hemm kriterji differenti li jirregolaw id-dritt għal dawn il-benefiċċji kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali huwa dejjem importanti li l-applikanti jagħmlu kuntatt mad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali għal gwida.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34360 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha għaż-żmien bejn 1 Frar 2010 u 30 Ġunju 2010 li għaddiet bejn il-MEUSAC u l-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli, tar-Rabat, tal-Imdina, ta’ Ħ’Attard, ta’ Ħal-Lija, ta’ Birkirkara, ta’ Santa Venera, ta’ Ħal-Balzan, tan-Naxxar, tal-Ħamrun, tal-Furjana u tal-Belt Valletta?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex tkun aktar speċifika fid-domanda taghha sabiex tkun tista' tingħata l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandhiex tieħu sussidju fuq dawl u l-ilma peress li mietilha r-raġel u tgħix bil-minimum wage?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Kummissarju tat-Taxxi Interni — ħlasijiet ta’ spejjeż legali
Question
Jista' l-Ministru jispjega għaliex qed jintbagħtu avviżi legali permezz tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika , “in rapprezentanza tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni”, għal ħlasijiet ta’ spejjeż legali li ma kenux tħallsu, iżda li huma preskritti skont il-liġi? Jaqbel li dan ma kellux isir? Kien jaf b’dan? F’każ li kien jaf, x’passi ħa biex dan ma jibqax isir għax qiegħed jikkawża ħafna inkwiet bla bżonn, speċjalment lil min ikun anzjan u ma jkunx jaf li dik it-talba għal ħlas kienet preskritta? F’dawk il-każijiet fejn min irċieva minn dawn l-avviżi, minkejja li l-ħlas kien preskritt iżda li min irċieva l-avviż b’theddid ta’ mandat, mar iħallas, se jingħataw il-flus li ħallsu lura?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-attenzjoni tal-Onorevoli Membru qed tigi attirata għall-fatt illi jekk ammont ikun dovut id-dejn ma jinħallx bis-sempliċi trapass taż-żmien, izda jekk persuna tkun trid tqajjem il-preskrizzjoni dan trid tagħmlu permezz ta’ eccezzjoni jew ta’ azzjoni apposita.
Ammont dovut in forza ta’ sentenza ma jaqax preskritt qabel ma jgħaddu tletin sena u huwa ghalhekk kemmxejn stramb dak allegat fid-domanda peress illi ma ntbagħtu ebda kontijiet għal ammonti li jmorru lura daqshekk.
S’intendi l-Onorevoli Membru huwa ukoll imfakkar illi ghad li ħadd ma jieħu gost iħallas il-kontijiet, dak li jkun dovut lill-erarju pubbliku irid jitħallas.
Jista' l-Ministru jgħid kemm esebiti kienu mitlufa mill-Qorti fl-aħħar ħames snin u kemm minn dawn għadhom ma nstabux sal-lum?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Fil-Qrati ta’ Gudikatura Kriminali (Malta), f’dawn l-aħħar ħames snin, kien hemm każ wieħed biss fejn l-esibiti kienu mitlufa u għadhom ma nstabux sal-lum.
Fil-Qrati ta’ Ghawdex: f’dawn l-aħħar ħames snin, ma kienx hemm każ fejn l-esibiti kienu mitlufa u għadhom ma nstabux sal-lum.
Jista' l-Minsitru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix fuq ir-relief imma tħoss li €450 fix-xahar mhumiex biżżejjed?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata ġiet ikkuntattjata permezz tat-telephone minn l-Assistent Direttur Raymond Chetcuti.
Jista' l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal €300 u s'issa għadha ma rċeviet xejn?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li kienet ilha taħdem 11-il sena u issa tixtieq tara x'inhuma d-drittijeit tagħha peress li applikat għall-pensjoni?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu qed tiġi infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Kumpens ta' persuni li kienu taħt arrest preventiv
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il persuna ngħatat kumpens għal żmien li għamlu taħt arrest pereventiv imbagħad ġew liberati mill-akkużi? Jista' jgħid x'kien l-ammont ta' dan il-kumpens?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ligi taghna ma tipprovdix għall-ħlas ta’ kumpens sempliċiment minħabba l-fatt illi persuna li tkun għamlet żmien taħt arrest preventiv wara li tkun tressqet il-qorti tkun ħarġet liberata. Il-Kostituzzjoni tipprovdi għall-ħlas ta’ kumpens għall-arrest illegali iżda s-sitwazzjoni deskritta mill-Onorevoli Membru ma tikkostitwix per se arrest illegali diment illi l-akkużat ikun ingħata l-benefiċċju tas-salvagwardji legali u prinċipalment id-dritt illi l-legalità tal-arrest tiegħu tiġi eżaminata minn awtorità ġudizzjarja.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm skemi oħra ta' kiri mill-privat wara li kien hemm l-ewwel skema? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal din l-ewwel skema, u kemm għad fadal ħtieġa ta' appartamenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Iskema Kiri tal-Awtorità tad-Djar għalqet fl-aħħar t’April u kien hemm applikazzjonijiet għal aktar minn 400 residenza. Dan huwa numru tajjeb ħafna u se jghin biex l-awtorità tkun tista' tindirizza parti sostanzjali mit-talbiet li għandha għal akomodazzjoni soċjali. L-Awtorità tad-Djar iddecidiet li testendi din l-iskema b’xahar iehor u prezentament qed jerġgħu jintlaqghu l-applikazzjonijiet mingħand sidien privati li lesti jikru proprjetajiet lill-Awtorità tad-Djar għal perjodu ta’ ghaxar snin biex min-naħa tagħha l-Awtorità tad-Djar tuzahom billi tikrihom bi prezz sussidjat lill-familji u persuni vulnerabbli.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena kemm ħallas flus il-gvern fi spejjeż relatati ma' ġurati f'ġurijiet?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar ħames snin l-ispejjeż imħallsa mid-Dipartiment Qrati tal-Ġustizzja relatati ma’ ġurati f’ġurijiet kienu dawn:-
Sena
Ammont
€
2011
56,142.15
2010
52,326.70
2009
36,695.76
2008
30,216.93
2007
27,268.37