Legislature:
Category:
Reset
Active:

lukandi/ristoranti, bars u stabbilimenti li għalqu għax-xhur tax-xitwa

Question

Jista' l-Ministru jagħti figuri ta' kemm għalqu lukandi/ristoranti, bars u stabbilimenti oħrajn li jiddependu mit-turiżmu għall-għejxien tagħhom matul ix-xhur tax-xitwa tas-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lil Onor. Interpellant li: matul ix-xitwa 2009 / 2010, tnax-il lukanda kienu temporanjament magħluqa, matul ix-xitwa 2010 / 2011, disa' lukandi kienu temporanjament magħluqa, waqt li matul ix-xitwa 2011 / 2012, seba' lukandi kienu temporanjament magħluqa minn total ta’ 190 lukanda. L-awtorità m’għandhiex informazzjoni ta’ kemm ristoranti, bars u stabbilimenti oħrajn setgħu għalqu għal xi perjodu matul is-sena.

nies li jaħdmu fis-settur turistiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn nies jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu b'mod dirett u kemm jiġi kkalkulat li hawn ħaddiema jaħdmu magħhom b'mod indirett matul is-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (DEMARCO, MARIO)

Statistika uffiċċjali mill-Uffiċċju tal-Istatistika (NSO), turi n-numru ta’ persuni li jaħdmu full-time u part-time f’lukandi u ristoranti kif muri fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min iżid li hemm ħafna iżjed mpiegi li jiddependu b’mod dirett fuq is-settur tat-turiżmu. Dawn jinkludu mpiegi fil-mużewijiet pubbliċi u privati, gwidi, aġenti tal-ivvjaġġar, excursion organisors, destination management companies li jieħdu ħsieb organizzazzjoni ta’ konferenzi barranin f’pajjiżna kif ukoll impiegi fis-settur tat-trasport, fis-settur tal-ħwienet, fis-settur tal-agrikoltura u fis-settur tas-servizzi fost l-oħrajn. Fl-istatistika uffiċjali dawn l-impiegi jidhru fis-settur rispettiv tagħhom u mhux taħt it-turiżmu u dan skont prassi internazzjonali.

Qasam tat-Turiżmu — ħaddiema full-time u part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-età medja tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tat-turiżmu? Minn dawn kemm hemm full-timeu part-time?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jippubblikax figuri fuq l-età medja tal-ħaddiema li jaħdmu fil-Qasam tat-Turiżmu.

Turisti f'Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jikkategorizza t-turisti li ġew f'Malta bil-ġranet u ljieli li għamlu hawn? Jista' jgħid kemm minn dawn ġew f'Malta u kemm marru Għawdex?

Response (DEMARCO, MARIO)

Matul is-sena 2011 zaru Malta 1,411,748 turist (Tabella A), zieda ta’ 5.6% meta mqabbla ma’ l-istess perjodu tas-sena 2010. B’kollox dawn qattghu 11,680,167 iljieli f’Malta (Tabella B), jigifieri kull turist ghamel medja ta’ 8.3 lejl f’Malta. It tabelli qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-istatistika ufficjali ta’ l-NSO ma tiddistingwix kemm turisti qaghdu f’Malta u kemm turisti qaghdu f’Ghawdex. Huwa stmat li madwar 700,000 turist żaru Għawdex għal ġurnata waħda (day trippers) filwaqt li 92,000 turist qattgħu aktar minn lejl wieħed f’Għawdex.

akkomodazzjoni għat-turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom kapaċità Malta u Għawdex li jakkomodaw turisti f'sena u f'liema kategorija? Jista' jgħid kif varjat din l-kapaċità matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika l-kapaċita’ ta’ Malta u Għawdex li jakkomodaw turisti fil-katgoriji kollha ta’ akkommodazzjoni matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011.

kapaċità li nospitaw turisti

Question

Jista' l-Minstru jgħid jekk il-kapaċità li nospitaw turisti varjatx tul dan l-aħħar 20 sena? Jekk iva, minn liema aspett u kif ġie żviluppat dan is-suq?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-kapaċita’ li nospitaw it-turisti hija determinata minn numru ta’ fatturi nkluż in-numru ta’ sodod fuq is-suq, l-infrastruttura tal-pajjiż, in-numru ta’ rotot li jservu id-destinazzjoni u l-medja tat-tul ta’ vakanza ( average length of stay) fost oħrajn. Dawn il-fatturi kollha inbidlu fl-aħħar għoxrin sena. B’mod ġenerali wieħed jista’ jgħid li pajjiżna qiegħed viċin il-limitu tal-kapaċita’ fix-xhur tas-sajf, imma jista’ jżid u jkabbar it-turiżmu fix-xhur tax-xitwa. Il-politika tat-Turiżmu li għadha kif ġiet imnedija dawn il-ġranet għall-konsultazzjoni pubblika tagħmel referenza għal dan.

figuri ta' kemm-il lejl qattgħu t-turisti f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk meta jingħataw figuri ta' kemm-il lejl għamlu turisti ġewwa lukandi u postijiet oħrajn ta' akkomodazzjoni, jiġix ikkalkulat it-turiżmu intern ma' dawn il-figuri?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Istatistika ippublikata mill-NSO kull xahar dwar departing tourists tirreferi biss għall-iljieli li qattgħu turisti ġewwa lukandi u postijiet ta’ akkomodazzjoni u ma tinkludix it-turiżmu intern.

lukandi u stabillimenti — introduzzjoni ta' taxxa ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex isir studju biex jeżamina kif intlaqtu l-lukandi u stabbilimenti oħrajn bl-introduzzjoni tat-taxxa l-ġdida ta' 2% fis-sena li għadna kif ħriġna minnha?

Response (DEMARCO, MARIO)

Iż-żieda fil-VAT fuq l-akkomodazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant daħlet sabiex il-Gvern u l-Awtorita’ tat-Turiżmu jkomplu jtejbu l-aċċessibilita’ lejn pajjiżna. Pajjizna illum għandu konnessjoni ma’ tmenin destinazzjoni, kważi d-doppju ta’ li kien hemm ħames snin ilu. In-numru tat-turisti, l-iljieli li turisti qattgħu Malta u l-infieq globali li turisti nefqu żdiedu matul l-2011. Għalhekk mhux il-każ li ż-żieda fir-rata ta’ 2% fil-VAT kellha xi impatt negattiv fuq l-akkomodazzjoni fuq it-turiżmu.

lukandi u ristoranti li jagħlqu għax-xhur tax-xitwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed jimmoniterja kemm hawn lukandi u ristoranti li qed jagħlqu għax-xhur tax-xitwa minħabba li s-suq ikun limitat? Qed isir ippjanar biex din l-problema tiġi megħluba? Jista' jgħid x'tip ta' ppjanar qed isir f'dan ir-rigward?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta titlob li tkun infurmata meta lukanda tkun ser tagħlaq għal xi xhur fix-xitwa. Din is-sena fil-fatt l-Awtorita’ tat-Turiżmu ġiet infurmata li minn 183 lukanda, seba’ lukandi biss għalqu għal żmien limitat fix-xitwa. Uħud minn dawn il-lukandi għalqu sabiex isir xogħol ta’ manutenzjoni. Għaldaqstant ma hux il-każ li hemm xi problema ta’ lukandi li qegħdin jagħlqu fix-xitwa. Infakkar li grazzi għal miżuri li ħa l-Gvern u l-Awtorita’ tat-Turiżmu f’seba’ xhur matul is-sena aħna qegħdin inġibu aktar minn mitt elf turist kull xahar. L-Awtorita’ tat-Turiżmu m’għandhiex informazzjoni fuq ristoranti li jagħlqu fix-xitwa.

pre infringements, infringements, u final notices relatati mal-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ittra ta' pre infringements, infringements, u final notices irċieva l-Gvern Malti relatati mal-ambjent? Xi pjanijiet għandu l-Gvern Malti biex Malta ma tittellax quddiem il-ECJ – European Court of Justice?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

direttivi u liġijiet konnessi mal-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid eżatt f’liema direttivi u liġijiet Ewropej konnessi mal-ambjent, pajjiżna ma laħħaqx mal-implimentazzjoni rikjesta u mitluba minnha? Fir-rigward ta’ dawn id-direttivi u liġijiet, jista' jelenka l-isem u n-numru ta’ liġi Maltija fejn kull waħda minnhom tapplika?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Villaġġ tal-Karnival

Question

B'referenza għad-dikjarazzjonijiet ripetuti ta' diversi esponenti tal-Gvern favur il-bini ta' imħażen u/jew villaġġ tal-Karnival, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-imħażen tal-Karnival? Fejn se jsiru? Kemm se jiswew? Meta se jkunu lesti? Bl-istess mod, f'liema stadju wasal il-proġett ta' ħolqien ta' villaġġ tal-Karnival? Fejn se jsir? Kemm se jiswa? Meta se jkun lest?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-Gvern alloka €700,000 għal bini ta’ mħażen għall-użu minn parteċipanti tal-karnival. Saret applikazzjoni mal-MEPA sabiex jinbnew dawn l-imħażen ġewwa Kordin. Huwa maħsub li l-proġett jitlesta fi żmien sena minn meta joħorġu l-permessi neċessarji.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — Ageing Report Economic and Budgetary Projections

Question

Billi jidher li d-dipartimenti governattivi għaddejjin minn eżerċizzju mal-Unjoni Ewropea dwar it-2012 Ageing Report Economic and Budgetary Projections for The European Union Member States (2010 - 2060), jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar draft report ta' dawk id-dipartimenti li jaqgħu taħtu u li qed jipparteċipaw f'dan l-eżerċizzju? Jista' jgħid kemm huma l-projections ta' kull spiża ta' kull proġett imsemmi f'kull rapport?

Response (DEMARCO, MARIO)

Peress li l-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment hu responsabbli għal dan l-eżerċizzju ta’ projections ekonomiċi u finanzjarji, nistieden l-Onor Interpellant sabiex jidderiġi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.

Turisti li żaru Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew turisti fis-sena 2011 b'kollox? F'liema klassi ta' hotels tpoġġew kemm damu f'Malta?

Response (DEMARCO, MARIO)

Matul is-sena 2011 żaru Malta 1,411,748 turist, żieda ta’ 5.6% meta mqabbla ma’ l-istess perjodu tas-sena 2010. 70.3% tat-turisti li żaru Malta f’dan il-perjodu qagħdu f’hotels, żieda ta’ 4.2% meta mqabbla ma’ l-istess perjodu tas-sena 2010. Statistika uffiċjali mill-NSO, (Tourstat Survey), li tinsab f’Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, turi li t-turisti li żaru Malta użaw din it-tip ta’ akkomodazzjoni. Skond statistika oħra ppublikata mill-NSO (Accomm Stat) li tinsab f’Tabella ‘B’ li wkoll qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, huwa stmat li fl-ewwel ħdax il-xahar tas-sena 2011, 1,140,139 turist qagħdu f’collective accommodation , żieda ta’ 7.5% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2010. Din il-figura ma tinkludix turisti li qagħdu f’akkomodazzjoni privata. Il-maġġoranza (46.5%) qagħdu f’lukandi ta’ erba’ stilel, filwaqt li 25.6% qagħdu f’lukandi ta’ ħames stilel u 19.1% qagħdu f’lukandi ta’ tliet stilel.

Turisti li żaru Malta — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li kull turist ħalla flus f'Malta f'kull ġurnata li dam hawn? Kemm huwa kkalkulat li nefqu flus ras għal ras it-turisti li ġew iżuru Malta matul is-sena 2011?

Response (DEMARCO, MARIO)

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, matul is-sena 2011, huwa kkalkulat li t-turisti li ġew Malta nefqu €872 ir-ras, żieda ta’ 3.1% meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. In-nefqa totali tat-turisti li żaru Malta fl-2011 qabżet il-1.2 Biljun Ewro.

Turisti li żaru Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn ġew it-turisti li żaru Malta u Għawdex f'dawn l-aħħar ħames snin u jekk hemmx it-tendenza li qed jiżdiedu t-turisti minn xi pajjiż partikolari?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-istatistika ta’ l-NSO turi li matul il-perjodu Jannar sa Novembru 2011, it-turisti li żaru Malta u Għawdex ġew l-aktar mill-Ingilterra, mill-Italja, mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Iscandinvaja u minn Spanja. Matul l-aħħar ħames snin kien hemm l-akbar żieda ta’ turisti mill-pajjiżi ta’ l-Italja, Spanja, Skandinavja u Franza. Aktar informazzjoni rigward dan qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Swieq tat-turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema suq qed jippjanaw li jinġieb numru ikbar ta' turisti fix-xhur u s-snin li ġejjin? Jista' jgħid x'qed jiġri biex dan il-pjan iseħħ?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-istrateġija ta’ żvilupp ta’ swieq addottata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tikkonsisti fil-konsolidazzjoni ta’ swieq maturi bħal dak Ingliż, Taljan, Franċiż u Ġermaniż; it-twessiegħ ta’ swieq sekondarji inkluż dak Spanjol, Skandinav u Russu u l-iżvilupp ta’ swieq emerġenti bħal Polonja u ċ-Ċina. Dawn is-swieq jistgħu jkunu kemm ġeografiċi kif ukoll motivazzjonali. L-istrateġija timmira sabiex testendi kemm jista’ jkun l-appell staġjonali tal-gżejjer tagħna billi tattira turisti minn pajjiżi differenti li jsiefru għall-varjeta wiesgħa ta’ raġunijiet li kapaċi nissodisfaw bl-offerta diversa tagħna. Niddistingwu wkoll bejn swieq li kapaċi jiġġeneraw tkabbir fi żmien qasir jew medju u dawk, bħal swieq aktar imbegħda bħal dawk Ażjatiċi u mill-Amerika Latina li jeħtiġilhom aktar żmien sabiex jibdew juru tkabbir. L-istrateġija tagħna hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ aċċessibilita’ bl-ajru (kemm b’mod dirett f’każ ta’ swieq viċini jew permezz ta’ code shares f’każ ta’ swieq aktar imbegħda), il-proviżjoni ta’ prodott u servizz adegwat kif ukoll marketing iffokat u effettiv li jimmira lejn popolazzjonijiet distinti ta’ turisti potenzjali.

Paċeville, San Ġiljan u Buġibba — permessi għall-amplified music

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm permessi għall-amplified music ġewwa stabbiliment f'Paċeville, San Ġiljan u Buġibba u f'liema toroq jinstabu? Meta ħarġu l-permessi meħtieġa? Għad hemm xi talbiet pendenti? Kemm minnhom ġew rifjutati mis-sena 2010 sal-lum?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Oltre għall-informazzjoni mogħtija li tirrigwarda ħruġ ta’ permessi għal daqq ta’ mużika amplifikata fis-sens għolja, jeżistu wkoll numru ta’ permessi fl-istess lokalitajiet indikati li jippermettu d-daqq ta’ mużika f’livell baxx magħrufa bħala soft background music kif ukoll permessi ta’ daqq ta’ mużika live. Ma hemmx talbiet pendenti għal daqq ta’ mużika amplifikata fil-lokalitajiet indikati. Matul is-sena 2011, ġie rrifjutat permess wieħed fi triq Santu Wistin, Paceville, St Julians. Dan il-permess ingħata wara li l-applikant issottometta appell quddiem il-Bord tal-Appelli tat-Turiżmu u rebaħ l-istess appell.

Reviżjoni tal-Istrateġija dwar Żvilupp Sostenibbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istrateġija dwar żvilupp sostenibbli li kienet imnedija fl-2007 hux se tkun riveduta formalment u jekk tali reviżjoni ssirx pubblika qabel ma tgħaddi l-Liġi dwar Żvilupp Sostenibbli?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lil Ministru interpellant li kif kien intqal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26318 ir-reviżjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli inbeda fl-2009. Hekk kif ir-reviżjoni titlesta l-istrateġija se tiġi ppublikata.