Il-Kalkara - Rinella - Restawr fil-ħajt fil-kumpless ta’ Bighi
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 30312 u 30313 jista’ l-Ministru jgħid xi progress kien hemm fix-xogħlijiet fuq il-ħajt fil-kumpless ta’ Bighi, fir-Rinella l-Kalkara, issa li naqas l-istaġun tal-għawm?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li x-xogħol fiż-żona wasal fi stadju fejn qed jitnaddaf il-blat biex tkun tista’ tibda tinbena l-pjattaforma li ser isservi ta’ pediment għall-ħajt. Fix-xhur li ġejjin, ser jitkompla x-xogħol delikat fiż-żona biex eventwalment jerġa’ jinbena mill-ġdid il-ħajt li iġġarraf fil-maltemp.
Intant, inbeda xogħol ieħor ta’ rinfurzar f’żoni oħra tal-peninsula biex jitneħħa l-periklu li hemm fiż-żona.
Il-Kalkara - Triq li tagħti mill-Bajja tar-Rinella għall-Fortizza - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30314, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi progress dwar ix-xogħlijiet biex it-triq li mill-Bajja tar-Rinella tagħti għall-Fortizza fil-Kalkara tiġi rranġata ?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-
tender documents
għax-xogħlijiet ta’ tisħiħ tal-pedamenti, rikostruzzjoni tal-parti imwaqqa’, parti mill-pont u xogħlijiet oħra strutturali fuq dan l-aċċess antik li twasslek lejn il-bieb prinċipali tal-Fortizza Ricasoli, għadu qed jiġi ppreparat.
Jista’ l-Ministru jara x’xogħlijiet qed jsiru fi Triq Giuseppe Cali Ħal Tarxien, kemm ser jiswew u meta ser ikuni lesti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol infrastrutturali fi Triq Giuseppe Cali Ħal Tarxien jikkonsisti f’rikostruzzjoni ta’ sistema ta’ drenaġġ, sistema ta’ ilma u dawl kif ukoll pavimentar u bini mill-ġdid tat-triq. Ix-xogħol hu previst li jkun lest fl-ewwel kwart ta’ sena 2026
.
Spiża tax-xogħolijiet għadha ma ġietx ikkwantifikata.
Santa Luċija - Triq Bice Mizzi Vassallo - Parking Bays Ġodda
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30209, jista’ l-Ministru jara li d-direzzjoni li jitneħħew t-tliet parking bays u jinġieb kollox kif kien qabel, tiġi effettwata billi sa issa tneħħiet waħda biss u dan b’diffikultajiet varji għar-residenti?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Commercial Vessel Certificate – dgħajjes reġistrati li għandhom siġill aħmar
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm dgħajjes magħrufa bħala tal-pass li kienu reġistrati sal-aħħar ta’ Settembru 2025 mal-awtoritajiet taħt l-Commercial Vessel Certificate u li għandhom dak li jissejjaħ is-siġill aħmar, kif ukoll jgħid kemm kien hemm dgħajjes li huma reġistrati taħt l-Commercial Vessel Certificate sal-aħħar ta’ Settembru 2025?
Il-Fgura – Triq Kottoner – tneħħija ta’ boulders tal-concrete
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-inkonvenjent li nħoloq fi Triq Kottoner Fgura bit-tqegħid ta’ boulders tal-concrete fin-nofs tagħha, jiġi mneħħi jew imtaffi, peress li diversi persuni ma jistgħux jaqsmu minn naħa għall-oħra tat-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn il-boulders saru biex jipproteġu lis-sewwieqa mix-xogħlijiet li għaddejjin fit-triq imsemmija. Sakemm kienu jippermettu x-xogħlijiet, kien hemm spazju bejn il-boulders sabiex persuna tista’ tgħaddi. Minn din il-ġimgħa inbeda x-xogħol tal-iskavar fuq naħa minnhom u għaldaqstant, għas-sigurta’ ta’ kulħadd, ma jistax jiġi permess li persuna taqsam min-naħa għall-oħra tat-triq minn bejn dawn il-boulders. Min ikollu bżonn jaqsam min-naħa għall-oħra tat-triq għandu jsegwi id-devjazzjonijiet indikati.
Jista’ l-Ministru jagħti d-data ta’ meta ser tinfetaħ it-triq li hija proġettata li tgħaqqad in-naħa ta’ wara ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary u l-Maria Regina College Middle School, ma’ Triq Giorgio Locano, Ħal Lija? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ostakli biex din it-triq tinfetaħ u jekk iva, x’inhuma?
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn qatt ma sar bus shelter fil-bus stop ta’ Triq Aldo Moro (fiż-żona ta’ taħt il-bridge fuq iż-żewġ naħat) ladarba hemm biżżejjed spazju u anke għaliex l-ammont ta’ nies li jirkbu minn hemm huwa konsiderevoli?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30165, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ippubblikati l-emendi leġisżattivi abbozzati li qed jagħmel referenza għalihom? Jekk iva, jista’ jgħid meta ġew ippubblikati u jekk saritx konsultazzjoni pubblika dwarhom?
Response (BONETT, CHRIS)
Ġejt infurmat li l-emendi leġislattivi sa issa ma ġewx ippubblikati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn jet skis liċenzjati? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura biex jinkrew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ jet skis irreġistrati taħt is-Small Ships Register jammontaw għal 985, li minnhom 272 huma ċċertifikati kummerċjalment, u minn dan in-numru 152 huma attivi.
Biex jet ski jinkera, għandu jkun konformi mar-Regolamenti dwar il-Bastimenti Kummerċjali, li jinkludu l-proċess għall-ħruġ tal-Liċenzja tal-Operatur tal-Water Sports u l-osservanza tat-termini u l-kundizzjonijiet relatati li jridu jiġu rispettati mill-operatur tal-water sports.
Ir-Rabat, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, u l-Imġarr – Xogħlijiet ta’ titjib
Question
Jista’ l-Ministru jagħti skeda dettaljata tax-xogħlijiet ta’ titjib, infrastruttura u asfaltar li ser isiru fit-toroq tar-Rabat, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, u tal-Imġarr sa Mejju 2026?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li xogħlijiet infrastrutturali ser isiru f’dawn it-toroq: Triq Ġilormu Dingli, Rabat; Triq Ferreri, Rabat; Triq Cagħki, Rabat; Sqaq Santa Barbara, Rabat; Triq Anton Muscat Azzopardi, Rabat; Triq Santa Barbara, Rabat; Triq Imtarfa, Mtarfa; Triq Santa Katerina, Rabat; Triq San Dwardu, Rabat; Triq Rgħajja- Phase 2, Rabat; Triq il-Maddalena, Dingli; New Road off Triq tal-Ħlas, Żebbuġ; rural road at Rdum ta l-Iħfar, Dingli; Sqaq fi Triq Santa Katarina, Dingli; rural road at Triq il-Buskett, Dingli; rural road at Triq il-Qaws, Dingli; rural road at Triq l-Imnarja, Dingli; rural road at Road off Triq is-Santi, Mġarr; rural road at Triq Għajn Tuffieħa, Mġarr; rural road at Sqaq fi Triq Santi, Mġarr; rural road at Triq Ġnien Għajn Tuffieħa, Mġarr; rural road at Sqaq fi Triq iċ-Ċens l-Iswed, Rabat; rural road at Triq ta’ Slampa, Rabat; rural road at unnamed road in limits of Għar Żerriegħa, Rabat; part of Triq Mario Galea Testaferrata, Mdina / Rabat u rural road at Sqaq fi Triq Wied is-sewda, Haż-Żebbuġ.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29687, dwar xogħlijiet li huma ppjanati li jsiru fil-pjazez hekk kif imsemmija fl-istess tweġiba, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu qegħdin jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet f’Misraħ Kirkop, Kirkop għadhom ma bdewx peress li qed nistennew l-approvazzjoni tal-permessi neċessarji. Rigward il-Pjazza tas-Saqqajja, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ entitajiet ikkonċernati rigward l-implimentazzjoni tax-xogħlijiet. Il-proġett ta’ Misraħ Karmu Grima, Żejtun tlesta f’nofs Settembru ta’ din is-sena. Ix-xogħol fil- Pjazza ta’ Ħal Tarxien qed jiġi implimentat, liema xogħol mistenni li jkun lest fit-tieni kwart tas-sena 2026. Hekk kif jigi ffinalizzat id-disinn tal- Pjazza ta’ Ħal Safi, tkun tista’ tigi ppublikati s-sejħa għall-offerti.
Peress li l-istage tat-trasport pubbliku f’Ħ’Attard “Għenba” ġie mċaqlaq għall-post ġdid numru ta’ xhur ilu, u bħalissa jinsab f’pożizzjoni mhux komda għar-residenti li jagħmlu użu minnu, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar dak li huwa ppjanat għal dan l-istage?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta qiegħda tħejji l-pjanti neċessarji sabiex il-bus stop “Għenba”, li jinsab fi Triq Santa Katerina, Ħ’Attard, jiġi mċaqlaq għal post alternattiv fl-istess triq sabiex ikun iktar aċċessibbli u komdu għall-pubbliku. Ta’ min jgħid li din iċ-ċaqliqa saret b’mod temporanju minħabba bus stop ftit iktar ’il fuq li kien qed jikkawża sitwazzjoni ta’ periklu fit-triq u anke xi xogħlijiet li kienu għaddejjin fl-inħawi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex l-intenzjoni tal-Gvern li fil-futur qarib joħroġ bi proġetti konkreti għar-reklamazzjoni tal-art (land reclamation)?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej studju fuq diversi siti sabiex jigu identifikati tali proġetti.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30585, jista’ l-Ministru jara li t-tarf ta’ Triq Valperga fil-Fgura , kif ukoll taħt l-mina, jiġi mdawwal aħjar peress li bħalissa ma tantx huwa mdawwal? Jista’ jara wkoll li jsir ilqugħ tal-ħadid fuq il-bankini taż-żewġ naħat sabiex jipproteġu lil min ikun qiegħed jaqsam?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ilqugħ protettiv ser jiġi installat fuq il-bankina prinċipali, liema bankina hi wiesgħa biżżejjed biex isservi l-iskop tagħha.
Fir-rigward tal-ewwel mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-bus stop li jinsab fi Triq Bellavista, San Ġwann, fejn qabel ma saru xi xogħlijiet tat-triq kien hemm bus shelter u peress li ntqal li dan ser jerġa’ jitwaħħal, jista’ l-Ministru jgħid meta dan il-bus shelter hu mistenni li jitwaħħal mill-ġdid?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’ko-ordinament ma’ entitajiet u stakeholders sabiex terġa’ tinbena din il-Bus Shelter.
Ħ’Attard - Triq is-Sienja u Triq il-Blanzuni - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29669 fejn intqal li Triq il-Blanzuni f’Ħ’Attard għandha titlesta sa nofs Settembru, u peress li ż-żmien imsemmi għadda u x-xogħol għadu għaddej, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ meta ser jitlesta dan ix-xogħol? Jista’ wkoll jagħti indikazzjoni ta’ kemm ġiet tiswa din it-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hu previst li x-xogħlijiet jiġu konklużi sal -aħħar ta’ Ottubru 2025. Spiża tax-xogħlijiet għadha ma ġietx ikkwantifikata.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29441, jista’ l-Ministru jara li ż-Zebra Crossing f’Triq l-Isqajjaq, f'Ħal Tarxien issir peress li għadha ma saritx?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.