Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett ta’ Manoel Island — Telf ta’ irmiġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kanal madwar Manoel Island hux se jkun navigabbli wara li titqatta’ t-tarf ta’ Manoel Island u jsir pont għoli 6 metri minn wiċċ il-baħar? Jekk dan se jsir navigabbli jista’ jgħid jekk hux se jiġi estiż il-fairway? Jekk iva kemm se jkun wiesa’ u kemm se jintilfu postijiet ta’ rmiġġ għad-dilettanti? Jista jgħid jekk hux se jitneħħew l-irmiġġi biex il-baħar jiġi riżervat lill-Manoel Island Yacht Yard b’telf ta’ irmiġġi għad-dilettanti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Tas-Sliema – Triq ix-Xatt (the Strand) — upgrading

Question

Peress li Policy NHGT04 tan-North Harbour Local Plan twiegħed titjib u tisbiħ ta’ Triq ix-Xatt (The Strand) bejn Manoel Island u Tigné u peress li l-pjan iwiegħed immaniġġjar aħjar tat-traffiku u aktar sigurtà għan-nies, jista’ l-Ministru jgħid x’sar minn dan? Jaqbel li l-ħafna tined li nibtu fuq il-bankini qed ikerrhu l-ambjent kif ukoll qed jirrendu l-ħajja aktar diffiċli kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk il-persuni li jkunu qed jimxu peress li l-bankini tant qed ikunu mblukkati minn siġġijiet, imwejjed eċċ li jkollhom jimxu fi triq traffikuża ħafna? Jaqbel il-Ministru li t-tneħħija ta’ parkeġġi u unloading bays mit-triq qed iwasslu biex karozzi jieqfu fil-kariġġjata b’periklu ovvju għal kulħadd?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lil Onor. Interpellant l-informazzjoni meħtieġa fuq l-ewwel parti tal-mistoqsija biex tintalab lill-Ministru ikkonċernat. Fuq il-kumplament, ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet fir-rigward ta’ mwejjed u siġġijiet, ġiet imnieda konsultazzjoni pubblika fejn saret kampanja qawwija sabiex kemm is-sidien tal-istabbilimenti kif ukoll il-pubbliku jissottomettu opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ġew ikkunsidrati u diskussi. Il-politika tal-imwejjed u siġġijiet hija waħda ċara u mfassla fuq regolamenti li l-entitajiet jevalwaw dawn it-tip ta’ talbiet li huma marbutin li jħarsu. Apparti evalwazzjoni mill-entitajiet ewlenin, entitajiet oħrajn bhall-CRPD u l-Environment Health Directorate jiġu wkoll ikkonsultati fl-applikazzjonijiet varji illi l-Gvern jirċievi f’dan ir-rigward. Inżid wkoll li skont l-Awtorita’ tal-Trasport, l-Un/Loading Bays isiru biss fejn huma meħtieġa u dan sabiex: 1) Ikun jista’ jsir ħatt ta’ merkanzija fl-eqreb post possibli lill-ħwienet; 2) Ma jitħalliex li jsir ħatt ta’ merkanzija f’nofs ta’ triq li jwassal għall-konġestjoni tat-traffiku u periklu għal min ikun jagħti s-servizz.

Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar – tneħħija ta’ skedar ta’ proprjetà

Question

B'referenza għat-tneħħija ta' skedar mit-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ta' proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm korrispondenza lill-Kunsill Lokali tal-istess lokalità li nfurmathom li kien hemm appell? Jekk iva, b'liema mod u f'liema dati?

Response (BORG, IAN)

B'referenza ghall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant, qed niġi infurmat mis-Segretarjat tat-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, li l-proċedura ta' notifika tar-rikors tal-appell lill-terzi persuni interessati jew kunsulenti esterni, inkluż Kunsill Lokali, huwa regolat skont il-proċeduri stabbiliti fl-Att V tal-2016 dwar it-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. Illi skont il-liġi, notifika tar-rikors tal-appell isiru biss lil terzi persuni interessati li jkunu rreġistraw l-interess tagħhom jew kunsulenti esterni li jkunu għamlu r-rakkomandazzjoniet fi proċess ta’ applikazzjoni tal-iżvilupp skont il-Kapitolu Nru. 552. F'każ ta' appell minn deċiżjoni ta' skedar jew minn tneħħija ta' skedar il-liġi ma tipprovdiex mekkanizzmu ta' notifika lill-terzi u dan anke tenut tal-fatt li l-proċess quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar f'każ ta' skedar huwa wieħed magħluq. Għalhekk qed jiġi kkonfermat li ma kien hemm ebda korrispondenza mal-Kunsill Lokali tal-Fgura fil-proċess tal-appell imsemmi.

Kalkara – Bajja tar-Rinella – dog friendly beach

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9747 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jara li d-dog friendly beach fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara tkun tassew aċċessibbli, għax ilha iktar minn sentejn mirduma b’ġebel, ħadid u knaten, tant li hija eyesore u periklu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat bil-maltemp ta’ dan l-aħħar waqgħu partijiet mill-istruttura tat-triq li twasslek għal Forti Ricasoli. Parti minn din it-triq kienet ilha perikoluża għal numru ta’ snin u kienet inaċċessibli għall-pubbliku għax ingħalqet b’chain link fence. Hu ppjanat li ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttua jnaddfu l-parti tal-bajja msemmija meta t-temp jippermetti, ftit qabel il-bidu tas-sajf.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu matul l-2018 u s’issa fl-2019 sabiex fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, il-binjiet li minnhom joperaw, ikunu aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-entitajiet u dipartimanti li għalihom jien responsabbli hawn taħt tinsab lista bl-inizzjativi li ġew meħuda; Ministeru u dipartimenti - Il-binjiet kollha tal-Ministeru f’Belt is-Sebħ huma kollha aċċessibli għal persuni b’diżabilita’. Dawn il-binjiet kollha għandhom lift funzjonabbli u rampi bi ‘gradient’ adekwat skond ir-regolamenti ta’ CRPD. Infrastructure Malta - Li minn meta twaqqfet ftit tax-xhur ilu, Infrastructure Malta bdiet taħdem biex tiżgura l-aċċessibilità tal-uffiċċji assenjati għall-operat tagħha f’Ħal Luqa. Filwaqt li l-entratura ewlenija ta’ dan il-bini li jintuża wkoll minn entitajiet oħra diġa hija aċċessibbli għal persuni b’diffikultajiet ta’ mobilità, bħalissa qed jiġi installat lift sabiex anke s-sulari ta’ fuq tal-bini jkunu jistgħu jiġu aċċessati minn kulħadd. L-Awtorita’ tal-Ippjanar · 4 spazji ta’ parkeġġ fl-uffiċini prinċipali tal-Awtorita’ fil-Furjana riservati għal persuni b’di¿abbilita’. · Rampa ta’ emerġenza fl-uffiċini tal-Kummissjoni għall-Ippjanar. · Temporanjament kemm f'Għawdex kif ukoll f’Malta l-Awtorita’ tal-Ippjanar qed tagħmel użu minn bini li huwa kompletament aċċessibli, sakemm isiru x-xogħlijiet ta’ ristrutturar u mmodernizzar fl-uffiċini li l-Awtorita' għandha f'Għawdex u fil-blokka tad-Direttorat tal-Infurzar fil-Furjana, li se jkunu kompletament aċċessibli għal persuni b’diżabilità. · Tiġi miġbura kontribuzzjoni f’applikazzjonijiet għal żvilupp li ma jkollux aċċess għal persuni b’diżabilità. · Tenders għal servizzi li jinkludu kiri ta’ postijiet ta’ taħrig u/jew konferenzi jew kiri ta’ trasport għal massa, jitolbu li dawn is-servizzi jipprovdu aċċess lil kulħadd. Transport Malta - Il-binjiet kollha li jappartjenu lil Transport Malta kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex għandhom aċċess għal rampi u lifts għal użu ta’ persuni b’diżabilità. BICC - Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minhabba li l-binja minn fejn jopera l-BICC hija skedata ma jistgħux isiru xogħolijiet fuqha. BRO - Infurmat li fil-bini li minnu jopera l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini saru xogħlijiet fih ta’ tneħħija ta’ turġien kemm kien umanament u strutturalment possibbli. L-Awtorita’ tal-Artijiet hija aċċessibli għall-persuni b'diżabbilita', kemm fir-rigward tal-impjegati tagħha kif ukoll għall-pubbliku. Eżempji jinkludu rampa illi ġiet installata quddiem l-entratura tal-binja, toilets għall-persuni b’diżabilita’ fis-sular ta’ isfel kif ukoll dak ta’ fuq, filwaqwt li hemm ukoll lift illi jagħti aċċess għas-sulari kollha tal-binja.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9312 u 9107 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8892, jista' l-Ministru: a. jgħid kemm kien hemm nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjoni (skala 1 sa skala 5) f'dawn is-snin: 2009, 2010, 2012 u 2013 fid-dekasteru tiegħu; u b. jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux targets għall-Horizon 2020 u jekk iva, x'inhuma dawn it-targets u humiex se jintlaħqu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ tal-ewwel parti tal-mistoqsija għandha tirreferi lill-ministeru konċernat. Min-naħa l-oħra, kif diġà ngħad, il-miri tal-Horizon 2020 u tal-Gvern huma identiċi. Għaldaqstant il-ħidma tal-Gvern biex jintlaħqu dawn il-miri hija waħda kontinwa. Nerġa’ nfakkar li fis-servizz pubbliku kollu fil-preżent hemm 5,445 mara f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-grad ta’ Prinċipal jew ’il fuq, waqt li fit- top management tas-servizz pubbliku, minn skala 1 sa skala 5, hemm 426 mara. Inżid li dan il-Gvern ħadem u se jibqa’ jaħdem kontra kull diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru fl-oqsma kollha.

San Ġwann — triq il-Balal - Plate Bearing Tests

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9209 u jgħid jekk fit-Triq tal-Balal, it-triq ta' bejn in-Naxxar u San Ġwann, sarux it-testijiet tal-Plate Bearing? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il test sar? F'liema parti saru u jindika permezz ta' street plan fejn saru l-plate bearing tests u x'kien ir-riżultat? Jista' jgħid min għamilhom u min iċċertifika r-riżultat ta' dawn il-Plate Bearings Tests?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat minn Infrastructure Malta, il-proġett tal-bini mill-ġdid Triq tal-Balal, l-arterja prinċipali bejn San Ġwann u n-Naxxar, wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu hekk kif bdew jitqiegħdu s-saffi tal-asfalt fil-korsiji ġodda li nbnew f’din it-triq f’dawn l-aħħar xhur, u fiż-żewġ korsiji li kien hemm qabel, li qed jinqalgħu u jibnew mill-ġdid ukoll. Minn din it-triq ta’ madwar 1.8 kilometri jgħaddu aktar minn 2,100 karozza fis-siegħa fil-ħinijiet ta’ filgħodu u tard waranofsinhar (rush hours). B’dan il-proġett, hekk kif it-triq qed titwessa minn tnejn għal erba’ korsiji, il-ħin tal-ivvjaġġar mistenni jonqos b’bejn 30% u 40%, u jkun hemm kwalità tal-arja aħjar permezz ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet. Il-korsiji ġodda f’din it-triq ifissru 3.6 kilometri ta’ korsiji ġodda. It-triq qed titjieb ukoll b’bosta faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi u b’miżuri li jnaqqsu r-riskji ta’ aċċidenti. Minħabba l-importanza ta’ din l-arterja ewlenija, il-proġett ġie mfassal b’mod li t-triq tibqa’ miftuħa kull ħin, fiż-żewġ direzzjonijiet, matul il-ġurnata. Xogħlijiet li jkunu jeħtieġu għeluq tal-korsiji eistenti qed isiru bil-lejl, biex jonqsu d-diffikultajiet lill-pubbliku. Minbarra l-korsiji ġodda, il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ bankina ġdida matul it-triq kollha bejn in-Naxxar u San Ġwann, peress li din it-triq qatt qabel ma kellha aċċess sikur għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi f’dawn l-inħawi. Qed jinbnew ukoll madwar 2.5 kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ mal-ġnub tat-triq. Ħafna minnhom inbnew b’ġebel riċiklat li nqala’ waqt it-tħaffir tal-pedamenti tal-istess triq. Infrastructure Malta qed ittejjeb ukoll id-disinn ta’ erba’ roundabouts li hemm f’din it-triq biex titjieb is-sigurtà u l-effiċċjenza tagħhom. Uħud mill-korsiji ġodda li nbnew f’din it-triq se jkunu użati bħala shared priority cycle lanes għaċ-ċiklisti. It-triq se jkollha wkoll faċilitajiet għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku. Taħt il-livell tat-triq, waqt li kienu qed isiru l-pedamenti ġodda tat-triq, inbidlu jew żdiedu l-cables u l-pajpijiet tad-distribuzzjoni tad-dawl, ilma u telekomunikazzjoni biex jonqos ir-riskju li t-triq ikollha tinqala’ mill-ġdid fil-futur. Uħud minn dawn is-sistemi kienu antiki ħafna, u kien ilhom ma jinbidlu għexieren ta’ snin. Biex tiżdied is-sigurtà għal dawk li jivvjaġġaw minn din it-triq, qed issiru ukoll sistema ta’ dwal tat-toroq, b’madwar 160 arbli bil-bozoz. Għal din is-sistema, tpoġġew 10 kilometri ta’ pajpiet biex minnhom jgħaddu l-wires taħt l-art li se jissupplixxu dawn il-bozoz. B’hekk mhu se jkun hemm ebda wires imdendlin mal-arbli. Waqt it-tħaffir tal-pedamenti nstabu erba’ barrieri li meta oriġinarjament kienet saret it-triq imtlew b’materjal li ma kienx b’saħħtu biżżejjed. Dan wassal biex maż-żmien it-triq bdiet iċċedi. Dawn il-barrieri kellhom jitħaffru biex minflok it-terrapien qadim isiru pedamenti sodi bi strutturi bil-blokki tal-ġebel, tal-konkos u ħadid. Waqt li jkun qed isir it-tqegħid tas-saffi differenti li jkunu meħtieġa sabiex jinbnew l-uċuh tat-toroq, u qabel ma jsiru s-saffi li jkun imiss, Infrastructure Malta tagħmel diversi testijiet biex tiżgura l-kwalità u s-saħħa tal-materjal li jkun qed jintuża. Dawn it-testijiet isiru entitajiet jew kumpaniji indipendenti, li jkunu akkreditati biex jagħmlu dawn it-tip ta’ testijiet. Fil-każ ta’ Triq tal-Balal, it-testijiet indikati diġa saru fi 30 post differenti f’żewġ sezzjonijiet tat-triq, mir-roundabout tal-Għargħur sar-roundabout magħrufa bħala tal-Mekkek, u minn quddiem iż-żona residenzjali sar-roundabout tal-Għargħur. It-testijiet saru mill-laboratorji akkreditati ta’ Terracore Ltd u SolidBase Laboratory Ltd, taħt is-sorveljanza ta’ Infrastructure Malta. It-tagħrif miġbur waqt dawn it-testijiet jiġi analizzat minn Infrastructure Malta f’diversi stadji tat-twettiq ta’ proġetti bħal dawn, sabiex jekk ikun hemm xi nuqqasijiet, il-kuntratturi jintalbu jirranġawhom minnufih. It-testijiet kollha li saru s’issa kkonfermaw li l-materjali użati għandhom is-saħħa mitluba minn Infrastructure Malta, biex jilqgħu tajjeb għall-piżijiet tat-trasport fl-istess triq.

Reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-‘issues’ li fuqhom qed isir ‘focus’ u li huma ta' natura aktar strateġika u li jinħtieġu ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ għażliet differenti, bħala parti mill-proċess tar-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Il-Mellieħa — Xogħlijiet fuq Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li sar xogħol fuqhom minn Infrastruttura Malta fil-lokalità tal-Mellieħa fis-sena 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li malli twaqqfet fis-sajf tal-2018, Infrastructure Malta bdiet minnufih twettaq ħafna ħidmiet biex tilħaq il-mira li pajjiżna jagħmel qabża kbira 'l quddiem fil-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Filwaqt li rrevediet il-pjanijiet ta’ diversi proġetti kapitali kbar, sabiex jitlestew qabel, l-aġenzija bdiet ħidma intensiva biex tippjana l-bidu ta’ għadd ta’ investimenti kbar oħra, fosthom it-twettiq tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali f’pajjiżna fis-snin li ġejjin. Għalkemm l-ewwel ftit xhur ta’ Infrastructure Malta kienu kkaratterizzati minn xogħlijiet f’għadd ta’ toroq arterjali, saru wkoll xogħlijiet f’diversi toroq residenzjali u rurali f’bosta lokalitajiet madwar il-pajjiż, fosthom fil-lokalità tal-Mellieħa. Dawn kienu jinkludu xogħol fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun, Triq Ġorġ Borg Olivier, Triq il-Mellieħa, Triq il-Mejjiesa, Triq Luis Wettinger, Triq ir-Ramla, Triq il-Palma u l-pont tal-Mistra. Saru wkoll xogħlijiet oħrajn ta’ manutenzjoni kontinwa u ta’ tiswijiet ta’ tabelli, crash barriers, żebgħa tat-triq u tiswijiet tal-asfalt f’ħafna toroq oħrajn. Fl-istess żmien, Infrastructure Malta iffinalizzat ukoll l-ippjanar u t-tħejjijiet neċessarji għall-akbar proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ra pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun. Dan l-istadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħrajn, fosthom dawk li għandhom pajpjiet, katusi, cables u servizzi oħra mgħoddija taħt l-istess toroq, kien kruċjali sabiex malli bdiet is-sena l-ġdida, mill-ewwel beda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-ewwel toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet. Fil-fatt, f’Jannar stess, bdew isiru mill-ġdid 31 triq. Fost il-290 triq residenzjali fiż-żewġ listi ta’ toroq li fihom qed jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid din is-sena, u li l-ippjanar tagħhom beda fl-2018, hemm erba’ toroq residenzjali li jinsabu fil-lokalità tal-Mellieħa - Tarag il-Landiera, Triq il-Marfa, Triq it-Tabib Joseph Grech Attard u Triq ir-Rattan.

San Pawl il-Baħar — xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li sar xogħol fuqhom minn Infrastruttura Malta fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar fis-sena 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li malli twaqqfet fis-sajf tal-2018, Infrastructure Malta bdiet minnufih twettaq ħafna ħidmiet biex tilħaq il-mira li pajjiżna jagħmel qabża kbira 'l quddiem fil-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Filwaqt li rrevediet il-pjanijiet ta’ diversi proġetti kapitali kbar, sabiex jitlestew qabel, l-aġenzija bdiet ħidma intensiva biex tippjana l-bidu ta’ għadd ta’ investimenti kbar oħra, fosthom it-twettiq tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali f’pajjiżna fis-snin li ġejjin. Għalkemm l-ewwel ftit xhur ta’ Infrastructure Malta kienu kkaratterizzati minn xogħlijiet f’għadd ta’ toroq arterjali, saru wkoll xogħlijiet f’diversi toroq residenzjali u rurali f’bosta lokalitajiet madwar il-pajjiż, fosthom fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn kienu jinkludu xogħol f’Telgħet ix-Xemxija, Triq Simar, Triq it-Turisti, Triq San Martin, Xatt il Pwales, u parti minn Triq it-Tamar. Saru wkoll xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni kontinwa u ta’ tiswijiet ta’ tabelli, crash barriers, żebgħa tat-triq u tiswijiet tal-asfalt f’ħafna toroq oħra. Fl-istess żmien, Infrastructure Malta iffinalizzat ukoll l-ippjanar u t-tħejjijiet neċessarji għall-akbar proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ra pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun. Dan l-istadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħra, fosthom dawk li għandhom pajpjiet, katusi, cables u servizzi oħra mgħoddija taħt l-istess toroq, kien kruċjali sabiex malli bdiet is-sena l-ġdida, mill-ewwel beda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-ewwel toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet. Fil-fatt, f’Jannar stess, bdew isiru mill-ġdid 31 triq. Fost il-290 triq residenzjali fiż-żewġ listi ta’ toroq li fihom qed jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid din is-sena, u li l-ippjanar tagħhom beda fl-2018, hemm xejn inqas minn ħdax-il triq residenzjali li jinsabu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar – Triq il-Luzzu u Triq it-Turisti (li diġà beda x-xogħol fihom), Triq San Pawl, Triq Għawdex, Triq Ibħra, Triq il-Mistrieħ, Triq Ċensu Tanti, Triq il-Ġifen, Triq Annetto Caruana, Triq Paderborn u Triq Sir Luigi Preziosi.

In-Naxxar — xogħlijiet mistennija fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2019, Infrastruttura Malta fuq liema toroq se taħdem fil-lokalità tan-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li malli twaqqfet fis-sajf tal-2018, Infrastructure Malta bdiet minnufih twettaq ħafna ħidmiet biex tilħaq il-mira li pajjiżna jagħmel qabża kbira 'l quddiem fil-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Filwaqt li rrevediet il-pjanijiet ta’ diversi proġetti kapitali kbar, sabiex jitlestew qabel, l-aġenzija bdiet ħidma intensiva biex tippjana l-bidu ta’ għadd ta’ investimenti kbar oħra, fosthom it-twettiq tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali f’pajjiżna fis-snin li ġejjin. Fl-ewwel xhur tagħha, l-aġenzija ffinalizzat l-ippjanar u t-tħejjijiet neċessarji għall-akbar proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ra pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun. Dan l-istadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħra, fosthom dawk li għandhom pajpjiet, katusi, cables u servizzi oħra mgħoddija taħt l-istess toroq, kien kruċjali sabiex malli bdiet is-sena 2019, mill-ewwel beda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-ewwel toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet. Fil-fatt, f’Jannar, bdew isiru mill-ġdid 31 triq. Fost il-290 triq residenzjali fiż-żewġ listi ta’ toroq li fihom qed jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid din is-sena hemm sitt toroq residenzjali li jinsabu fil-lokalità tan-Naxxar - Triq il-Ġdida fi Triq Ix-Xbieki, Triq il-Forga, parti minn Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq Il-Magħtab, Triq Leli Falzon u Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa. Ser isiru wkoll xogħlijiet f’parti minn Triq Il-Kosta, Triq il-Prinjol, Triq ta’ Qadi, triq li tmiss ma’ Triq tal-Imdawwra, triq fil-limiti ta’ Budaqq, Triq Kampanjol u Triq John Adye. Infrastructure Malta diġà għamlet xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, parti min Triq il-Fortizza tal-Mosta u Triq Tal-Balal, fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina. Saru wkoll xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni kontinwa u ta’ tiswijiet ta’ tabelli, crash barriers, żebgħa tat-triq u tiswijiet tal-asfalt f’ħafna toroq oħra.

Il-Mellieħa — xogħlijiet mistennija fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2019, Infrastruttura Malta fuq liema toroq se taħdem fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li malli twaqqfet fis-Sajf tal-2018, Infrastructure Malta bdiet minnufih twettaq ħafna ħidmiet biex tilħaq il-mira li pajji¿na jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurtà u s-sostennibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Filwaqt li rrevediet il-pjanijiet ta’ diversi proġetti kapitali kbar, sabiex jitlestew qabel, l-aġenzija bdiet ħidma intensiva biex tippjana l-bidu ta’ għadd ta’ investimenti kbar oħra, fosthom it-twettiq tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali f’pajjiżna fis-snin li ġejjin. Fl-ewwel xhur tagħha, l-aġenzija ffinalizzat l-ippjanar u t-tħejjijiet neċessarji għall-akbar proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ra pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun. Dan l-istadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħra, fosthom dawk li għandhom pajpjiet, katusi, cables u servizzi oħra mgħoddija taħt l-istess toroq, kien kruċjali sabiex malli bdiet is-sena 2019, mill-ewwel beda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-ewwel toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet. Fil-fatt, f’Jannar, bdew isiru mill-ġdid 31 triq. Fost il-290 triq residenzjali fiż-żewġ listi ta’ toroq li fihom qed jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid din is-sena hemm erba’ toroq residenzjali li jinsabu fil-lokalità tal-Mellieħa - Triq Il-Marfa, Taraġ il-Landiera, Triq it-Tabib Joseph Grech Attard u Triq Ir-Rattan. Ser isiru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Wilġa u partijiet minn Triq il-Mellieħa, waqt li għadu qed isir xogħol fi Triq il-Palma. Infrastructure Malta diġà għamlet xogħlijiet ukoll fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun, Triq Ġorġ Borg Olivier, Triq il-Mellieħa, Triq il-Mejjiesa, Triq Luis Wettinger, Triq ir-Ramla, Triq il-Palma u l-pont tal-Mistra. Saru wkoll xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni kontinwa u ta’ tiswijiet ta’ tabelli, crash barriers, żebgħa tat-triq u tiswijiet tal-asfalt f’ħafna toroq oħra.

San Pawl il-Baħar — xogħlijiet mistennija fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2019, Infrastruttura Malta fuq liema toroq se taħdem fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li malli twaqqfet fis-sajf tal-2018, Infrastructure Malta bdiet minnufih twettaq ħafna ħidmiet biex tilħaq il-mira li pajjiżna jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Filwaqt li rrevediet il-pjanijiet ta’ diversi proġetti kapitali kbar, sabiex jitlestew qabel, l-aġenzija bdiet ħidma intensiva biex tippjana l-bidu ta’ għadd ta’ investimenti kbar oħra, fosthom it-twettiq tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali f’pajjiżna fis-snin li ġejjin. Fl-ewwel xhur tagħha, l-aġenzija ffinalizzat l-ippjanar u t-tħejjijiet neċessarji għall-akbar proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ra pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun. Dan l-istadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħra, fosthom dawk li għandhom pajpjiet, katusi, cables u servizzi oħra mgħoddija taħt l-istess toroq, kien kruċjali sabiex malli bdiet is-sena 2019, mill-ewwel beda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-ewwel toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet. Fil-fatt, f’Jannar, bdew isiru mill-ġdid 31 triq. Fost il-290 triq residenzjali fiż-żewġ listi ta’ toroq li fihom qed jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid din is-sena hemm xejn inqas minn ħdax-il triq residenzjali li jinsabu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar – Triq il-Luzzu u Triq it-Turisti (li diġà beda x-xogħol fihom), Triq San Pawl, Triq Għawdex, Triq Ibħra, Triq il-Mistrieħ, Triq Ċensu Tanti, Triq il-Ġifen, Triq Annetto Caruana, Triq Paderborn u Triq Sir Luigi Preziosi. Infrastructure Malta qed tqis sew is-sitwazzjoni u l-qagħda tat-toroq f’San Pawl il-Baħar, u qed tippjana mhux biss bini ta’ toroq ġodda, iżda wkoll ħidma ta’ manutenzjoni u tiswijiet f’toroq oħrajn f’din il-lokalità li għal dawn l-aħħar snin sofriet minn nuqqas ta’ investiment lokali fiż-żamma tat-toroq. Fil-fatt diġà saru xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn kienu jinkludu xogħol f’Telgħet ix-Xemxija, Triq Simar, Triq it-Turisti, Triq San Martin, Xatt il Pwales, u parti minn Triq it-Tamar. Saru wkoll xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni kontinwa u ta’ tiswijiet ta’ tabelli, crash barriers, żebgħa tat-triq u tiswijiet tal-asfalt f’ħafna toroq oħra. Inbeda wkoll xogħol fi triq rurali li tmiss ma’ Triq Busewdien, waqt li għal din is-sena diġà hemm ippjanati xogħlijiet oħrajn fi Triq Rihana, triq li hemm fl-inħawi ta’ Wied il-Ħżejjen u triq rurali oħra li tinsab bejn Triq il-Bidnija u Triq l-Imġarr.

Unit/plots tal-Home Ownership Scheme

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8822 fejn il-Ministru jirreferi għal perjodu meta jien kont Ministru responsabbli għall-ħlasijiet ta’ Home Ownership Scheme plots, meta fil-fatt jien kont l-ewwel Ministru għall-Artijiet mill-1981 sal-2008 li kien ta direzzjoni biex kull sena l-Lands jibdew iħallsu lil min kien itteħdietlu l-art bejn l-1981-1983 biex fuqhom inbnew l-HOS plots, u fil-fatt bejn l-2008 u l-2013 għall-ewwel darba saru miljuni ta’ euro fi ħlasijiet ta’ arretrati biex mijiet ta’ nies ħadu li ħaqqhom u oħrajn setgħu jsiru sidien ta’ djarhom, jista’ issa l-Ministru jwieġeb dak li staqsejtu fil-mistoqsija parlamentari 8822 u jgħid kemm-il unit/plot tal-HOS tas-snin 80 ġew imħallsa mill-Awtorità tal-Artijiet u li fuqhom ir-residenti għadhom jgħixu b’konvenju li jiġġedded, ġew imħallsa fl-2017, 2018 u 2019 sal-lum? Jista’ jgħid kemm intefqu flus u f’liema lokalitajiet kienu dawn ir-residenzi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet, li matul l-aħħar xhur intensifikaw id-diskussjonijiet teknici bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorijiet tad-Djar sabiex jibdew jissolvew in-numru kbir ta’ każijiet li ilhom għexieren ta’ snin pendenti sabiex is-sidien isiru verament sidien ta’ djarhom inkluż meta hu kien ministru responsabbli għall-istess ħlasijiet.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – dipartimenti u aġenziji – uffiċċju f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il uffiċċju għandhom f’Għawdex l-aġenziji jew dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jelenkahom u jgħid fejn qegħdin u x'servizzi joffru? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm impjegati f’kull uffiċċju, kull impjegat kemm ilu snin u xhur jaħdem, u xi grad għandhom dawn l-impjegati f’kull uffiċċju?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar

Infrastruttura Malta – ħaddiema – marki f’toroq f’Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9305, jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir minn dawn l-istudji li qed isiru minn Infrastructure Malta fuq it-toroq kollha ta’ Għawdex peress li dawn għadhom ma jiffurmawx parti mix-xogħol li trid tagħmel Infrastructure Malta iżda jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju nazzjonali li qed twettaq Infrastructure Malta, u li dwaru ngħata t-tagħrif fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9305 f Seduta 208, se joffri għodda importanti ferm għall-ippjanar tal-iżvilupp, bini mill-ġdid u manuntenzjoni tat-toroq f’pajjiżna fis-snin li ġejjin. Is-sistema elettronika ġdida li qed tinħoloq b’tagħrif dwar l-istat tat-toroq mistennija tkompli tiġi aġġornata regolarment sabiex ikollna kejl aktar preċiż tal-andament ta’ din l-infrastruttura tat-trasport daqstant importanti għall-ħajja soċjali u ekonomika tagħna. Għall-ewwel darba, pajjiżna se jkollu tagħrif dettaljat tal-istat ta’ kull triq, b’dettalji tekniċi li jappoġġjaw il-ħidma ta’ dawk kollha involuti f’dan il-qasam biex nippjanaw bl-aħjar mod il-prioritajiet tal-investiment bla preċedent li qed isir mill-Gvern fl-infrastruttura tat-trasport u biex niżguraw li nieħdu l-aħjar valur minnu. Filwaqt li l-ħidma ta’ titjib fil-kwalità tat-toroq, li kien ilha meħtieġa snin, diġa bdiet u tinsab għaddejja b’ritmu qawwi, sa minn meta tħabbar dan l-investiment fl-2017, l-istudju li qed isir bħalissa se jkompli jsaħħaħ u jiffaċilità dan ix-xogħol fis-snin li ġejjin. Kif intqal kemm-il darba, Infrastructure Malta qed tappoġġja wkoll lill-Ministeru għal Għawdex, kunsilli lokali u entitajiet oħra fil-kontinwazzjoni ta’ proġetti u ħidmiet differenti fit-toroq f’Malta u Għawdex. Fid-dawl ta’ dan, ma kienx ikun għaqli għal Infrastructure Malta li fl-istudji tagħhha tiffoka biss fuq it-toroq fdati lilha b’mod dirett f’din l-ewwel sena ta’ ħidma tagħha. Il-kollaborazzjoni kontinwa bejn dawk kollha involuti fl-iżvilupp u t-titjib tat-toroq se tkompli tissaħħaħ ukoll bit-tagħrif u l-għodda elettroniċi li qed jinkisbu permezz tal-istudji li għaddejjin bħalissa.

Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġie użat minn meta daħal fis-seħħ l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (L.S. 552.08) u għal liema applikazzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li rċeviet 3638 applikazjoni ghal Notifika ta’ Żvilupp mit-3 ta’ Ġunju 2016 (meta ġie fis-seħħ l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (L.S. 552.08)). Minn dawn, l-Awtorità rċeviet 1,099-il Commencement Notice fir-rigward ta’ l-2980 notifikazzjoni li ġew aċċettati mill-Awtorità. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi ma liema klassi ta’ żvilupp dawn in notifikazzjonijiet kienu relatati. Wieħed irid iżomm f'moħħu li: notifika waħda tista’ tkun relatata ma diversi klassijiet ta’ żvilupp, għalhekk li-istess notifika tista’ tkun qed tingħadd f’aktar minn klassi waħda; u diversi xogħolijiet ma jirrikjedux notifika lill-Awtorità. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità dwar notifikazzjonijiet dwar żvilupp rċevuti mill-Awtorità mit-3 ta’ Ġunju 2016 sal-21 ta’ Marzu 2019.

Fgura – Triq il-Merħba – ħajt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħajt fi Triq il-Merħba Fgura faċċata tar-residenzi li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, huwiex proprjetà tal-Uffiċċju Konġunt jew entità oħra li taqa' taħtu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar

Birkirkara — Triq in-Naxxar – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tinqala' Triq in-Naxxar Birkirkara, u ssir mill-ġdid partikolarment in-naħa tal-ħwienet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid tat-triq indikata jinsab fil-pjanijiet futuri ta’ Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent li dan il-Gvern qed jagħmel sabiex itejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurtà u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq f’pajjiżna. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, Infrastructure Malta qed tkompli tagħmel tiswijiet u manutenzjoni b’mod regolari f’din it-triq, bħala parti minn programm ta’ manutenzjoni u tiswijiet kontinwi tat-toroq, biex jittaffew id-diffikultajiet għal dawk li ju¿awhom u sabiex jiġu evitati ħsarat akbar. Fil-fatt, fit-triq indikata hemm diversi xogħlijiet diġa ppjanati u skedati li jsiru mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed tkompli taħdem biex fiż-żmien li ġej isir aktar investiment infrastrutturali f’din it-triq u f’ħafna oħrajn f’pajjiżna, biex eventwalment jissolvew b’mod sħiħ id-diffikultajiet ikkawżati mit-telqa u nuqqasijiet oħrajn tal-passat. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament. Sadanittant, persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastruttura Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Awtorità tal-Ippjanar – permess għal-xogħol fi Triq Ġorġ Borġ Olivier fil-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie approvat il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq xogħol li għaddej mill-Kunsill Lokali Mellieħa fi Triq Ġorġ Borġ Olivier kantuniera ma’ Triq Sant Anna fuq bdil ta’ 6 tarġiet għal rampa?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9749, l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tirrispondi din il-mistoqsija mingħajr ma jkollha referenza ċara għal liema applikazzjoni qed jirreferi għalija l-Onor. Interpellant. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant ipoġġi quddiem il-kamra n-numru tal-applikazzjoni sabiex l-istess Awtorità tkun f’pożizzjoni li tirrispondi id-domanda mressqa.