Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment — skumdità lir-residenti – kejl tal-volum tal-ħoss tal-mużika
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbug li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hu ta’ disturb lir-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbug, Rabat, Siġġiewi u Ħ’Attard u b’mod partikolari għall-ispezzjonijiet tal-pulizija, jista’ l-Ministru jgħid x’tagħmir għandha l-pulizija biex tkejjel b’decibles il-volum tal-ħoss tal-mużika? Jista’ l-Ministru jipprovdi tabella ta’ dawn l-ispezzjonijiet li jindikaw il-volum tal-ħoss u d-distanza minn fejn ittieħed? Jekk il-pulizija ma għandhiex dan l-apparat, fuq minn taqa’ bħala entità biex jitkejjel dan? Jekk il-pulizija ma għadhiex tuża dan l-apparat, jista’ l-Ministru jgħid kif tista’ l-Pulizija tressaq din l-entità diskoteka bi provi konkreti l-qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma għandha l-ebda apparat biex tkejjel b’decibles il-volum tal-ħoss tal-mużika u ma hemm l-ebda liġi li tirregola tali livell ta’ dawn il-ħsejjes. Għaldaqstant ma teżistix tabella ta’ xi spezzjonijiet li saru u li jindikaw il-volum tal-ħoss u d-distanza minn fejn ittieħed. Infurmat illi madankollu l-Pulizija dejjem taġixxi meta xi ħadd jirraporta li sofra inkonvenjent bil-ħsejjes u jinħarġu akkużi kontra min jikkaġuna l-inkonvenjent meta jkun il-każ, skont l-evidenza miġbura u kif tipprovdi l-liġi. Bħalissa m’hemmx entità partikulari li tkejjel b’decibles il-volum tal-ħoss tal-mużika.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kien kiteb kliem dispreġjativ kontra s-Sinj. Daphne Caruana Galizia ftit wara li din inqatlet fis-16 t’Ottubru 2017, u liema kliem kien ġie rrapurtat anke mill-media barranija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6186 li saret mill-Onorevoli Karol Aquilina.
Ordinanza dwar il-Kummissjunarji – setgħa li jagħtu ġurament
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali nkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-uffiċjali fil-Ministeru responsabbli biex jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji jammontaw għal 191. L-entitajiet/dipartimenti li dawn l-uffiċjali huma assenjati fihom huma Il-Pulizija, Il-Forzi Armati u REFCOM.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5965 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jiċċara jekk persuni li kienu f’Korp tal-Emerġenza jew impjegati mal-kumpaniji parastatali fejn kienu jaħdmu bħala suldati u ħafna minnhom bħala tradesmen u li kienu impjegati bejn is-snin 1972 u l-1997 hux se jieħdu flus dovut lilhom kif qed jieħdu ħaddiema oħrajn? Billi dawn wettqu xogħol importanti u taw servizz utli lil pajjiż, jaħsibx li dawn ukoll għandhom jibbenefikaw minn flus (somma) li l-Gvern qed jagħti l-ħaddiema oħra?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — għajnuna finanzjarja lill-Knisja
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-Knisja, lill-għaqdiet u soċjetajiet tal-Knisja, lill-parroċċi, lill-istituzzjonijiet, fosthom edukattivi li jitmexxew mill-Knisja, lid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Knisja, lill-ordnijiet reliġjużi u lil NGOs tal-Knisja, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet, korporazzjonijiet, awtoritajiet, dipartimenti, kumpaniji u aġenziji li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jagħti d-dettalji relatati dwar kull forma t’għajnuna finanzjarja mogħtija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluga għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Vjolenza Domestika – lista komputerizzata flok manwali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta t-tagħrif dwar persuni akkużati bi vjolenza domestika se tibda tinżamm taħt forma komputerizzata minflok manwali mill-pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi ħafna mit-tagħrif dwar persuni akkużati bi vjolenza domestika u reati oħra jinżamm taħt forma kompjuterizzata. Infurmat però li ċerti dettalji dwar dan ir-reat u reati oħra, speċjalment dak li jikkonċerna proċeduri fil-Qorti u l-eżitu tagħhom ma jinżammux taħt forma kompjuterizzata. Biex dan isir, is-sistema preżenti jkun meħtieġ li terġa’ tiġi miktuba kollha jew parti sostanzjali minnha u sal-lum it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar meta ssir il-bidla ma jistax jingħata.
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ persuni f’Malta u Għawdex li ġew irrappurtati lill-Pulizija li neħħew ħajjithom matul din il-Leġiżlatura u sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika ta’ każijiet ta’ suwiċidju? Billi skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa f’dawn l-aħħar 40 sena r-rata dinjija tas-suwiċidju żdiedet b’60% , jista’ jgħid kemm hi r-rata f’pajjiżna?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li matul din il-Leġiżlatura u ċjoè bejn it-3 ta’ Ġunju 2017 u l-4 ta’ Ġunju 2018, il-pulizija rreġistrat sitta u għoxrin (26) każ ta’ suwiċidju. Il-medja ta’ suwiċidji matul l-aħħar għoxrin sena kienet ta’ 23.5 kull sena, bl-ammonti jvarjaw minn sena għal oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-każijiet ta' dixxiplina fil-konfront tal-membru tal-Korp tal-Pulizija li ismu u kunjomu qegħdin jingħataw separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi kif diġà ngħad fi tweġibiet oħra, il-każ kontra l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, għadhom pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li jinsabu sospiżi minħabba każijiet ta' dixxiplina fil-konfront tagħhom? Jista' l-Ministru jgħid għal kull wieħed minnhom x'salarju qegħdin jirċievu sakemm jinsabu sospiżi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li sal-5 ta’ Ġunju 2018 kien hemm tlettax (13)-il membru fil-Korp tal-Pulizija li jinsabu sospiżi minħabba każijiet ta’ dixxiplina kontrihom. Dawn kollha qegħdin jirċievu nofs pagaskont il-proċeduri u li ilhom jeżistu.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadet il-pulizija dwar il-messaġġ ta’ mibgħeda li ġie mtella’ fuq facebook mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hekk kif jidher indikat fil-viżwal li wkoll qed jingħata separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ma jidhirx li l-kontenut tal-messaġġ li ġie mtella’ fuq facebook minn individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament mill-Onor. Interpellant b’xi mod inġab għall-konjizzjoni tal-Pulizija qabel ma saret din l-interpellanza. Għaldaqstant ma setgħux jittieħdu passi dwar dan. Madankollu qed jittieħdu l-proċeduri meħtieġa biex dak kollu neċessarju fil-konfront ta’ dan il-każ, isir.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – social media advertising — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq social media advertising, però maqsuma skont Facebook, Instagram, YouTube, Twitter, Google eċċ, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 784, 247 u 179. Tajjeb jingħad li matul is-sena 2018 ma kien ebda nfiq f'dan ir-rigward.
Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment — skumdità lir-residenti
Question
Ta’ kull sena l-post ta’ divertiment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qiegħed fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ joħloq skumdità b’mużika li tindaqq fl-apert b’volum għoli u storbjuż li jinstema’ mir-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ u tal-madwar. Jidher li minkejja li jsiru diversi rapporti lill-pulizija, din tonqos li taġixxi. Peress li l-post hu fil-konfini ta’ Ħaż-Żebbuġ, iżda rapport irid isir f’distrett ieħor, jiġifieri fl-għassa tar-Rabat, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu biex dan l-ilment jissolva darba għal dejjem? X’passi ħadet il-pulizija fil-passat? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-operat ta’ din id-diskoteka?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li jirriżulta li l-istabbiliment imsemmi mill-Onor. Interpellant għandu permess maħruġ mill-Ministeru tat-Turiżmu fl-2006 sabiex tindaqq il-mużika fil-miftuħ b’kundizzjoni li dan isir sal-erbgħa ta’ filgħodu. Infurmat li l-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat jagħmlu spezzjonjiet u verifiki kull meta jkollhom rapport u anke spezzjonijiet għal għarrieda biex jaraw anke li l-post jingħalaq mal-ħin li għandu bħala kundizzjoni fil-permess. Dawn l-ispezzjonijiet ser jibqgħu jsiru. Konsegwenza ta’ dawn l-ispezzjonijiet, infurmat li kienu ħarġu akkużi kontra d-diriġenti tal-lokal fil-passat u għad hemm ukoll akkużi pendenti quddiem il-Qorti dwar daqq ta’ mużika bil-qawwi minn dan l-istess stabbiliment. Akkużi oħra jibqgħu jinħarġu meta jkun hemm ksur tal-Liġi.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali– konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma saru ebda pagamenti rigward konsulenzi fuq Public Relations jew Komunikazzjoni fil-perjodu mitlub.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — persuni li huma maħtura bħala Kummissjunarji
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru inkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – event organisation for promotional and communications realted events — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal event organisation for promotional and communications related events, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Wara l-inċident barbaru u kundannabli fuq il-pulizija tat-traffiku li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jikkunsidrax il-Ministru li l-pulizija tat-traffiku jibdew ikunu armati b'arma tan-nar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm mhux opportun li tagħrif dwar l-operat tal-Pulizija jiġi mxandar, bħalma dejjem isir, il-Pulizija se tagħmel l-evalwazzjoni tagħha sabiex jiġi determinat x'deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu f'dan ir-rigward.
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu kontra s-Sindku tal-Birgu wara l-qtil barbaru ta’ għadd ta’ ħamiem li f'filmat fuq is-sit online tat-timesofmalta.com deher jaqa’ mal-art wara li ntlaqat b'tiri u jmut bil-mod? Billi dan l-att barbaru ġie kkundannat bil-qawwa mill-Kummissarju tal-Annimali maħtur minn dan l-istess gvern, għalfejn għadhom ma ttieħdux passi kontra s-Sindku tal-Birgu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ttieħdux passi kontra s-Sindku tal-Birgu. Il-proċedura ta’ culling tal-ħamiem, kienet proċedura li ntużat drabi oħra u f’postijiet oħra u dan wara li saru arranġamenti mal-awtorità kompetenti.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ntalab permess mill-Kunsill jew mis-Sindku tal-Birgu biex isir sparar fuq il-ħamiem? Jista’ jgħid meta ngħata dan il-permess? Minn liema uffiċċjal tal-pulizija ngħata l-permess?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li kif diġà ngħad fit-tweġibiet relatati ma’ dan il-każ, mal-pulizija saret biss talba għall assistenza ta’ bon ordni u prekawzjonijiet waqt il-culling.
Jista’ l-Ministru jgħid mill-Korp tal-Pulizija jew mill-Gvern min iddeċieda li membri tal-Korp tal-Pulizija jkunu ordnati biex ikunu preżenti mas-Sindku tal-Birgu u ma’ persuni li nġiebu apposta biex jisparaw b'mod barbaru fuq il-ħamiem fl-abitat, fid-dawl tax-xemx u quddiem tfal u turisti? Jista’ jgħid min ħa din id-deċiżjoni biex il-pulizija jkunu preżenti u poġġa l-pulizija f'sitwazzjoni antipatika biex ikunu partners in crime waqt li kien qed isir dan l-att ta’ moħqrija fuq annimali permezz ta’ qtil barbaru, salvaġġ u inuman?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li kif diġà ngħad fit-tweġibiet relatati mal-istess suġġett, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla tramite l-uffiċjali awtorizzati, ġiet mitluba tassisti għaż-żamma tal-bon ordni u teħid ta’ prekawzjonijiet waqt l-eżerċizzju relatat ma’ din il-mistoqsija.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – promotional material — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq promotional material (brochures, websites, flyers, mailshots eċċ) minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn is-sena 2013 u llum intefaq total ta’ € 26,926.28 fuq promotional material, mill-Entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħt dan il-Ministeru.