Legislature:
Category:
Reset
Active:

DVU — Ilmenti minn koppji tal-istess sess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti lid-Domestic Violence Unit (DVU) minn koppji tal-istess sess, minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn 1 ta’ Jannar 2025 u 22 ta’ Awwissu ġew irreġistrati għaxar (10) rapporti lid-Domestic Violence Unit (DVU), minn koppji tal-istess sess, kemm sħab kif ukoll miżżewġa.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Chief Executive Officers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23769, jista’ l-Ministru jgħid: (a) Kemm damu/ilhom fil-ħatra dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (ċ) X’kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra ħadu/qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f’liema kariga/grad, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (f) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers, ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f’liema kariga/grad qegħdin, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta’ ħatra u l-kuntratt ta’ dawn iċ-Chief Executive Officers?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 23769, il-perjodu li għalih ikun maħtur Kap Eżekuttiv huwa stabbilit fil-kuntratt li jistipula l-kundizzjonijiet tal-impieg. Fit-tabella riprodotta hawn taħt għandek issib aġġornament li sar mill-perjodu li ġiet imwieġba l-mistoqsija preċedenti. Name of Entity Name of CEO Identità Colonel Edric Zahra National Development and Social Fund Mr Raymond Andrew Ellul Komunità Malta Mr Kurt Formosa

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29483.

Childcare Centres — Tfal li jkunu morda - Ħlas

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28773 u 29198 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u jgħid kemm hu l-ħlas fiċ-childcare centres f’każ li t-tfal jimirdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li ċ-ċentri liċenzjati mid-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni (DKSE) u li jagħmlu użu mill-iskema tal-Free Child Care, jitħallsu għan-numru ta’ sigħat li jiġu bbukkjati. Jekk ma jsirx użu minn dawn is-sigħat għal raġuni ta’ mard jew raġuni oħra, iċ-ċentri xorta jitħallsu għal dawn is-sigħat għax isir użu mill-Absence Entitlement Hours li huma abbinati ma’ kull tifel u tifla fuq bażi ta’ 25% tas-sigħat ibbukkjati.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li s’issa l-Ministeru m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fit-tieni nofs tal-2025.

Community Work Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskema tal-Community Work għadhiex taħdem u jekk le, meta waqfet? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni f’din l-iskema meta waqfet u x’sar mill-persuni bla xogħol li kienu f’din l-iskema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-implimentazzjoni tal-iskema tal-Community Work għadha għaddejja.

Road Checks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru road checks matul din is-sena mill-entitajiet li jagħmlu parti mill-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u t-30 ta’ Lulju 2025, il-Korp tal-Pulizija wettaq 2,116 kontroll tat-traffiku (road checks) madwar il-gżejjer Maltin. Dawn il-kontrolli saru f’kull lokalità f’Malta u Għawdex, u ġew imwettqa mill-Pulizija tad-distretti rispettivi, kif ukoll minn taqsimiet oħra tal-Korp, b’assistenza mill-Forzi Armati ta’ Malta f’ċerti każijiet. Minn naħa tagħha, l-Aġenzija LESA infurmat li matul l-istess perjodu ġew organizzati l-fuq minn 50 spezzjoni (roadside inspections), dan apparti minn servizz kontinwu ta’ rondi u spezzjonijiet oħra li jsiru 24 siegħa kuljum.

Il-Qawra, is-Salina u San Pawl il-Baħar – Azzjoni dwar storbju minn boat parties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, matul is-sena 2025, il-Pulizija rċevietx rapporti ta’ storbju ġġenerat minn boat parties fil-bajjiet tal-Qawra/is-Salina u San Pawl il-Baħar? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il każ kien hemm u f’liema xahar saru dawn ir-rapporti? Jista’ jgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet f’kull każ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Rapporti ta’ prostituzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti ta’ prostituzzjoni f’xi fond li d-detalji dwar it-triq qed jintbagħtu separatament, matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Jekk iva, x’passi ttieħdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6145.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li attendejt għal-laqgħat li ġejjin fi ħdan l-Unjoni Ewropea matul l-2025: · Kunsill Informali tal-Ġustizzja u l-Intern (ĠAI) – Jannar 2025 (Varsavja) · Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern (ĠAI) – Marzu 2025 (Brussell) · Kunsill tad-Difiża – Mejju 2025 (Brussell) · Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern (ĠAI) – Ġunju 2025 (Lussemburgu) Huwa mistenni li nattendi l-laqgħat li ġejjin matul it-tieni nofs tal-2025: · Kunsill tad-Difiża – 6 ta' Ottubru 2025 (Lussemburgu) · Kunsill tad-Difiża – 28 ta' Novembru 2025 (Brussell) · Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern (ĠAI) – 8/9 ta' Diċembru 2025 (Brussell)

Road Policing Unit — Sejħiet għall-interventi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għall-intervent tar-Road Policing Unit minn mindu twaqqfet, maqsuma ġimgħa b’ġimgħa? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet issejħet din il-unit u x’tip ta’ kollaborazzjoni għandu dan il-unit mal-Ministeru tat-Trasport?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija għandu taqsima speċjalizzata li minbarra li se tkun iddedikata għall-infurzar tar-regolamenti tat-traffiku, bdiet tinvestiga wkoll b’effiċjenza akbar l-inċidenti maġġuri tat-traffiku fejn ikun hemm imwiet jew nies midruba. Għal din it-taqsima ġdida ta’ investigazzjoni fil-fatt sar investiment ta’ tagħmir ġdid u taħriġ akkreditat biex il-pulizija jkunu jistgħu jiġbru evidenza tal-ħabta u wara janalizzaw ir-riżultati ta’ x’wassal għall-inċident biex eventwalment iressquhom fi provi u quddiem il-qrati tal-ġustizzja. B’hekk ukoll dan il-proċess għandu jgħin biex toroq ewlenin li jingħalqu wara inċidenti serji tat-traffiku jkunu jistgħu jinfetħu aktar malajr għat-traffiku. Ninsab infurmat illi minn meta bdiet topera r-Road Policing Unit, li hija amministrata mill-Korp tal-Pulizija, mis-27 ta’ Mejju 2025 sal-14 ta’ Lulju 2025, ġiet imsejħa u attendiet għal mija u tlieta u ħamsin (153) inċident fil-lokalitajiet indikati f’din it-tabella: Minn Sa Numru ta’ inċidenti Lokalitajiet fejn saru l-inċidenti 27/05/2025 31/05/2025 8 San Pawl il-Baħar, Żabbar, Pietà, Ħal Qormi, Birżebbuġa, Birkirkara, San Ġiljan 01/06/2025 07/06/2025 23 Żurrieq, Paola, Msida, San Ġiljan, Żejtun, Mellieħa, Ħamrun, Mosta, Ħal Qormi, Marsa, San Pawl il-Baħar, Birkirkara, Marsaskala, Sliema, Isla, Fgura, Mġarr, Attard 08/06/2025 14/06/2025 29 Mġarr, Żurrieq, San Pawl il-Baħar, Attard, Paola, Mosta, Pietà, Naxxar, Żabbar, San Ġwann, Żabbar, San Ġwann, St Venera, Swieqi, Marsaskala, San Ġiljan, Msida, Siġġiewi, Gżira, Mellieħa, Fgura, Żejtun, Kalkara 15/06/2025 21/06/2025 23 San Pawl il-Baħar, Fgura, Marsa, Floriana, Tarxien, San Ġwann, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Żejtun, Marsaxlokk, Paola, Luqa, Floriana, Gudja, San Ġwann, Qrendi, Birkirkara 22/06/2025 30/06/2025 32 San Ġiljan, Sliema, Żejtun, Msida, Luqa, Birkirkara, Siġġiewi, Pietà, Paola, Qrendi, Gżira, Ħamrun, Naxxar, Floriana, Rabat, Mġarr, Mosta, Sta Venera, San Pawl il-Baħar, Ta' Xbiex, Mellieħa, Valletta, Marsaxlokk, San Ġwann 01/07/2025 07/07/2025 12 Naxxar, Ħamrun, San Ġiljan, Żejtun, Paola, Mellieħa, Marsascala, Sliema, Mosta 08/07/2025 14/07/2025 26 Fgura, Mosta, Birkirkara, San Ġiljan, Iklin, Kalkara, Msida, Attard, Siġġiewi, San Pawl il-Baħar, Ħal Qormi, Żejtun, Mqabba , Mġarr, Marsaxlokk, Ta' Xbiex, Paola, Żabbar, Sliema, Ħamrun, Gżira

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Sindki u Kunsilliera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tiegħu, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jispeċifika f’liema kunsilli lokali jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom mal-Ministeru? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom impjegati mal-Gvern jew mal-entitajiet relatati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li hemm għaxar (10) impjegati fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ġew eletti f’xi rwol f’xi Kunsilli Lokali.

San Pawl il-Baħar — CCTV cameras

Question

Jista’ l Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm għal dak li jirrigwarda t-twaħħil ta’ CCTV cameras, f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll f’liema partijiet ta’ San Pawl il-Baħar hu mistenni li jitwaħħlu dawn il-cameras?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29716.

Fire Station tax-Xemxija — Sejħiet ta’ emerġenza

Question

Jista’ l Ministru jgħid kemm-il darba ġew imsejħa fire engines mill-Fire Station tax-Xemxija minħabba emerġenzi ta’ ħruq, jew raġunijiet oħra, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll f’liema rħula kienu dawn l-interventi u kemm twettqu f’kull raħal?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-24 ta’ Lulju 2025, il-Fire Station tax-Xemxija wieġbet għal total ta’ 1,205 sejħa għal raġunijiet varji. Din l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Impjegati full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti t-total tal-impjegati full-time u part-time, fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, f’entitajiet u f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru hemm 1,675 impjegat full-time u 374 impjegat part-time. Infurmat li dan in-numru jeskludi dawk parti miċ-ċivil.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemmx infestazzjoni ta’ wirdien? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri effettivi qed jittieħdu mill-amministrazzjoni biex tiġi indirizzata din il-problema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li dak li ma jirriżultax infestazzjoni filwaqt li b’mod regolari, isir trattament bil-pestiċidi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-iġjene fil-faċilità.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Deputy Director

Question

Fid-dawl tas-sejħa maħruġa fit-22 ta’ Novembru 2024 għall-kariga ta’ Deputy Director fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jista’ l-Ministru jgħid: i. kemm-il persuna applikat għal din il-kariga; ii. kemm-il intervista saret; u iii. x’seħħ minn din is-sejħa? Jekk ħadd ma nħatar f’din il-kariga, jista’ jispjega r-raġuni għalfejn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fid-dawl ta’ negozjati li diġà bdew għall-istabbiliment ta’ ftehim settorjali ġdid fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li se jħares biex jirrifletti ħtiġiet ġodda li dan id-Dipartiment qed jiffaċċja, inħass li din is-sejħa għandha tiġi rtirata bil-ħsieb li fil-futur jinħarġu sejħiet oħra b’rekwiżiti aġġornati għal dan ir-rwol.

Il-Qorti Marzjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27340 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid minn min hi preseduta l-Qorti Marzjali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Qorti Marzjali tkun ippreseduta hekk kif previst fl-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta, Kap. 220. Infurmat li bħalissa ma hemm ebda kawża pendenti quddiem il-Qorti Marzjali. Infurmat ukoll li mill-2020 sal-lum il-ġurnata, ma kienx hemm ċirkostanzi li waslu għall-kawżi quddiem il-Qorti Marzjali.

Il-Qorti Marzjali — Kawżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27341 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-Qorti Marzjali bħalissa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29386.

Il-Qorti Marzjali — Kawżi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27342 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid kemm kien hemm kawżi quddiem il-qorti marzjali mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29386.