B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2810, jista’ l-Ministru jgħid għaliex, skont hu, l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali u minn liema liġi joħroġ l-obbligu li ma jagħtix l-informazzjoni mitluba għal din ir-raġuni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta plc hija kumpanija li tinnegozja f’suq miftuħ sabiex tixtri l-elettriku meħtieġ mill-klijenti tagħha minn sorsi differenti, lokali u barranin, fosthom il-Malta – Italy Interconnector u l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku Delimara 3 u Delimara 4. Il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar prezzijiet speċifiċi jew dettalji oħra simili jistgħu jippreġudikaw dan il-proċess kontinwu.
Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm ġew installati street lighting f'żoni urbani u kemm ġew jiswew, triq bi triq, lokalità b'lokalità u xahar b'xahar bejn Jannar 2017 u Ġunju 2017? Kemm intefqu flus f'kull lokalità? Kemm minn dawn l-istallazzjonijiet għad għandhom l-applikazzjoni għall-permessi neċessarji pendenti jew addirittura għadhom mingħajr il-permessi neċessarji?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ftit tas-snin ilu, il-proċedura li permezz tagħha jitwaħħlu bozoz ġodda f’Malta u Għawdex ġiet imtejba sabiex tiżdied l-effiċjenza u titnaqqas il-burokrazija żejda li kienet qed ixxekkel ħidmet il-kunsilli lokali u entitajiet oħra awtoriżżati. Fil-fatt, permezz ta’ din ir-riforma, tneħħa r-rekwiżit li jintalab permess minn Enemalta plc qabel ma’ kunsilli lokali jew entità oħra awtoriżżata tkun se twaħħal lampi ġodda f’xi post pubbliku. Minflok, dawn l-entitajiet ingħataw ir-responsabilità li jiddeċiedu huma fejn jitwaħħlu l-lampi, skont kriterji tekniċi stabbiliti. Wara li jinstallawhom permezz tal-kuntratturi tagħhom, il-kunsilli lokali jew entitajiet oħra awtorizzati jitolbu lil Enemalta plc sabiex tagħti provvista tal-elettriku lill-istess lampi billi jiġu kkonnettjati mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali. L-instalazzjoni tal-lampi, għalhekk, issir mill-kunsilli lokali jew entitajiet oħra awtorizzati, ħlief għal każi eċċezzjonali fejn dawn l-istess entitajiet ma jkunux jistgħu jwettqu dawn il-ħidmiet għal xi raġuni jew oħra.
Fil-perjodu msemmi, l-Enemalta pproċessat 401 talba għal konnessjonijiet jew xogħlijiet oħra marbutin ma’ ċirkwiti li jinkludu lampa waħda ġdida jew aktar f’Malta u Għawdex. Ma tinżammx statistika dwar jekk it-talbiet ikunux jinvolvu postijiet urbani jew le.
Kif ġie spjegat, m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għal permessi ta’ lampi ġodda, hekk kif din il-proċedura antika m’għadhiex teżisti.
Tagħrif dwar l-ispiża tas-sehem tal-Kumpanija Enemalta plc f’dan il-proċess għandu valur kummerċjali għall-istess Kumpanija. Minħabba f’hekk, l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija. Fl-istess waqt, tagħrif dwar l-ispiża tas-sehem tal-kunsilli lokali jew entitajiet oħra involuti għandha tintalab mill-istess entitajiet.
Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm ġew installati street lighting f'żoni mhux urbani u kemm ġew jiswew, triq bi triq, lokalità b'lokalità u xahar b'xahar bejn Jannar 2017 u Ġunju 2017? Kemm intefqu flus f'kull lokalità? Kemm minn dawn l-istallazzjonijiet għad għandhom l-applikazzjoni għall-permessi neċessarji pendenti jew addirittura għadhom mingħajr il-permessi neċessarji?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2868.
Bord tar-Regulator għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – chairman u membri tal-bord
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, min kienu ċ-chairman u l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), minn meta din twaqqfet sal-lum? Jista' jgħid kemm kien il-perijodu tal-ħatra ta’ kull membru, u jekk tul il-perijodu tal-ħatra kienx hemm xi membru li rreżenja jew twarrab mill-kariga?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba rigward iċ-chairman u l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma tinsab fit-tabella t’hawn taħt.
Kariga
Titlu
Isem
Kunjom
Minn
Sa
Chairman
Inġ
James
Camenzuli
3 t’Awwissu 2015
2 t’Awwissu 2020
Deputy Chairman
Is-Sur
Mario
Azzopardi
3 t’Awwissu 2015
2 t’Awwissu 2020
Membru
Dr.
Katrina
Borg Cardona
3 t’Awwissu 2015
2 t’Awwissu 2021
Membru
Is-Sur
Frederick
Cutajar
3 t’Awwissu 2015
2 t’Awwissu 2020
Membru
Dr.
Jason
Grima
3 t’Awwissu 2015
2 t’Awwissu 2020
Membru
Is-Sinjura
Doriette
Scicluna
22 ta’ Novembru 2017
21 ta’ Novembru 2022
Membru
Is-Sinjura
Mary Grace
Gauci
22 ta’ Novembru 2017
21 ta’ Novembru 2022
Segretarju tal-Bord
Dr.
Claudio
Zammit
3 t’Awwissu 2015
2 t’Awwissu 2020
Ma kien hemm l-ebda membru li rriżenja jew twarrab mill-kariga.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz li bih inxtara l-elettriku mill-interconnector għal Malta u Għawdex, fis-17 ta’ Diċembru 2017? Jista’ jgħid kemm kien il-prezz xahar ilu (fis-17 ta’ Novembru 2017) li bih qed jinxtara l-elettriku mill-interconnector għal Malta u Għawdex? Jista’ jagħti l-average price li bih inxtara l-elettriku mill-interconnector għal Malta u Għawdex bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2016 u bejn l-1 ta’ Jannar 2017 sas-17 ta’ Diċembru 2017 separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għal Enemalta plc. Minħabba f’hekk, l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.
L-Enemalta tħaddem taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija ġodda, lkoll ugwalment importanti, fosthom l-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali, l-
Malta – Italy Interconnector
u sistemi ta’ enerġija li tiġġedded, bl-aktar mod għaqli u effiċjenti, sabiex tibqa’ tiggarantixxi s-sigurta’ tal-provvista fil-pajjiż u fuq kollox tibqa’ ssostni t-tariffi rħas li jgawdu l-klijenti f’Malta u Għawdex. Inċidentalment, dawn it-tariffi li traħħsu fl-2014 u fl-2015 għadhom kif reġgħu għal darb’oħra ġew ikkonfermati fost l-orħos fl-Unjoni Ewropea, minkejja li sa ħames snin ilu kienu uffiċjalment meqjusa rati impossibbli.
Irid jiġi ċċarat ukoll li l-prezzijiet tas-suq tal-elettriku fl-Italja, minn fejn jinxtara l-elettriku permezz tal-
Interconnector
, m’humiex fil-fatt il-prezzijiet finali li l-elettriku jiswa lill-Enemalta sabiex takkwistah u twasslu f’Malta. Dan hekk kif l-ispiża tal-elettriku mill-
Interconnector
tinkludi wkoll diversi ħlasijiet oħra, fosthom dawn li ġejjin:
· Spejjeż ta’ manutenzzjoni, operat u assikurazzjoni tal-infrastruttura relatata
·
Congestion charges
·
Trader market scheduling fees
·
Unbalance charges
·
Transmission losses
·
Excise duties
·
Dispatch fees
·
Spinning reserve contribution
·
Annual depriciation
Fl-istess waqt, lil hinn mill-inċident ta’ ftit ġimgħat ilu fl-Awstrija, li wassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku impurtat mill-Interconnector f’wieħed mill-aktar żminijiet kesħin tas-sena, l-elettriku li nimpurtaw mill-Italja rreġistra żidiet sostanzjali tista’ tgħid matul is-sena kollha. Fil-fatt, xahar b’xahar, l-elettriku mill-Interconnector fl-2017 għola b’madwar 25 fil-mija meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Din iż-żieda tolqot l-aktar il-ħinijiet meta l-konsum tal-elettriku jkun l-aktar meħtieġ f’Malta. F’dawk is-sigħat tal-jum li l-aktar nikkunsmaw elettriku, bħal pereżempju l-ħinijiet ta’ filgħaxija meta kulħadd ikun id-dar, il-prezz tal-elettriku fl-2017 tela’ b’aktar minn 30 fil-mija meta mqabbel mas-sena 2016.
Ġenerazzjoni ta’ elettriku mill-interconnector u mit-tanker tal-gass
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-persentaġġ tal-elettriku li nxtara mill-interconnector versu dak mit-tanker tal-gass għall-konsum f’Malta u Għawdex għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Novembru 2017?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandha tkun infurmata li dan il-paragun ma jistax isir, peress li Malta ma tixtrix elettriku minn tankers.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tanker ġie Malta biex jimla l-FSU (Floating Storage Unit) li hemm ankrata Delimara, minn Diċembru 2017 sal-aħħar ta’ Novembru 2017?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel kunsinna ta’ LNG waslet Malta u nħattet fil-Floating Storage Unit (FSU) fix-xahar ta’ Jannar 2017. Mill-ewwel kunsinna sal-aħħar ta’ Novembru 2017 waslu Malta u nħattu total ta’ tmien kunsinni ta’ LNG.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-impjant tal-gass tal-Electrogas hux qed jaħdem f’livell ta’ full capacity? Jekk mhux qed jaħdem f’livell ta’ full capacity, jista’ jgħid f’liema livell ta’ capacity qed jaħdem?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta tħaddem taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija ġodda, lkoll ugwalment importanti, fosthom l-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali, il-Malta - Italy Interconnector, u sistemi ta’ enerġija li tiġġeded, bl-aktar mod għaqli u effiċjenti, sabiex tibqa’ tiggarantixxi s-sigurta’ tal-provvista fil-pajjiż u fuq kollox tibqa’ ssostni t-tariffi rħas li jgawdu l-klijenti f’Malta u f’Għawdex. Inċidentalment, dawn it-tariffi li traħħsu fl-2014 u fl-2015 għadhom kif reġgħu għal darb’oħra ġew ikkonfermati fost l-orħos fl-Unjoni Ewropea, minkejja li sa ħames snin ilu kienu uffiċjalment meqjusa rati mpossibbli.
Is-sorsi kollha, fosthom il-
Malta – Italy Interconnector
u l-impjanti tal-gass naturali ta’ Electrogas Malta u Delimara 3 Power Generation Ltd, jistgħu joperaw f’livell ta’
full capacity
kull meta Enemalta jkollha bżonn, u tordna, li jiġri hekk. Id-deċiżjoni dwar kemm fil-fatt jintuża impjant jew ieħor tittieħed mill-Enemalta wara li tikkunsidra diversi fatturi, fosthom id-domanda tal-elettriku f’kull ħin tal-jum, ħtiġijiet ta’ manutenzzjoni preventiva li jsiru regolarment matul is-sena lis-sorsi kollha, kundizzjonijiet esterni bħat-temp u diffikultajiet fil-provvista fi Sqallija, u aspetti oħra.
Minn meta l-Enemalta bdiet tħaddem it-taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija ġodda aktar kmieni s-sena li għaddiet, kollha kemm huma, inkluż il-
Malta – Italy Interconnector
, l-impjant Delimara 3 bil-gass naturali, u l-impjant Delimara 4 tal-Electrogas bil-gass naturali, ilkoll kemm huma intużaw f’livell ta’
full capacity
kemm-il darba , b’mod regolari, anke minħabba ż-żidiet bla preċedent li Malta esperjenzat fid-domanda għall-elettriku matul l-2017.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ solar farm fil-Magħtab li kien ġie mħabbar f’Jannar 2017?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja b’ħidma sabiex tkompli tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli għaliha, sabiex tkattar is-sostenibilità tal-Kumpanija u tkompli miexja ‘l quddiem fis-snin li ġejjin. Fl-istess waqt, permezz tas-sehem tagħha u tal-kumpaniji sussidjarji tagħha fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded, il-Kumpanija qed taħdem mas-settur privat sabiex tgħin lil pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali tiegħu għas-snin li ġejjin.
Il-proġett ta’ instalazzjonijiet ta’ pannelli tax-xemx fis-sit fejn qabel kien hemm il-miżbla tal-Magħtab ser ikun l-akbar proġett ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika mix-xemx f’Malta. L-ippjanar ta’ dan il-proġett jinsab fi stadju avvanzat. Il-kumpanija qed taħdem mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex twettaq il-proċeduri u l-istudji meħtieġa li jwasslu għall-għoti tal-permessi tal-iżvilupp li hemm bżonn sabiex jibdew ix-xogħolijiet fuq il-post.
L-Enemalta plc ser tkompli taħdem fuq dan il-proġett u fuq diversi proġetti oħra u sabiex isaħħaħ il-qagħda sostenibbli tagħha u tibqa’ toffri servizzi aħjar lill-klijenti tagħha f’Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ komunikat sar mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-proġett ta’ solar farm fil-Magħtab, minn Jannar 2017 sal-lum? Jista’ jgħid jekk l-ERA ngħatatx l-informazzjoni mitluba dwar il-feasibility study ta’ dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll jekk l-ERA ngħatatx ġustifikazzjoni għala minflok ir-rijabilitazzjoni tal-Magħtab kif ippjanat preċedentament, minflok se jsir dan il-proġett ta’ solar farm? Jekk kemm-il darba l-ERA ingħatat tali ġustifikazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid x’ġustifikazzjoni ngħatat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proċessi ta’ applikazzjoni għal żvilupp ta’ dan it-tip, l-applikant, f’dan il-każ, Enemalta plc, jikkomunika mal-Awtorità tal-Ippjanar, li matul il-proċess tinvolvi entitajiet u awtoritajiet oħra, skont kif meħtieġ.
F’dan ir-rigward, l-Enemalta għaddejja bit-tħejjija tar-rekwiżiti mitluba mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex dan il-proġett, l-akbar solar farm li qatt sar f’Malta, ikun jista’ jibda jitwettaq kemm jista’ jkun malajr.
Mistoqsijiet dwar ir-riabilitazzjoni tas-sit ta’ dik li kienet il-miżbla tal-Magħtab għandhom isiru lill-entità konċernata responsabbli minn din il-ħidma.
Jista’ l-Ministru jgħid il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ Ilma x’ammont ta’ kontijiet pendenti għandha li għadha trid tħallas għal xogħol li sar f'Għawdex jew servizzi li xtrat f'Għawdex? Jista' għal kull każ jgħid, x’kien ix-xogħol li sar, jekk inħarġitx tender, is-sena meta sar ix-xogħol u t-triq u l-lokalità fejn sar ix-xogħol? Meta hu ippjanat li jitħallsu dawn il-kontijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha żewġ kontijiet pendenti għal xogħolijiet li saru fl-aħħar kwart tas-sena 2016 u d-dettalji ta’ dawn ix-xogħlijiet jinsabu fit-tabella t’hawn taħt.
Deskrizzjoni tax-xogħol
Ammont Pendenti (VAT eskluż)
Ingħata b’Tender?
Iva/Le
Meta sar ix-xogħol
Triq
Lokalita
Ħlass Ippjanat
Tħaffir ta’ trinek u tqegħid ta’ katusi
€566,829.00
Iva
L-aħħar kwart tas-sena 2016
Ħondoq / Ta’ Ċenċ
Qala, Xewkija, Sannat
Diċembru 2017
Tħaffir ta’ trinek u tqegħid ta’ katusi
€282,000.00
Estensjoni ta’ xogħol wara li kien inħareġ
tender
.
L-aħħar kwart tas-sena 2016
Triq Sant’ Ursola
Rabat, Għawdex
Diċembru 2017
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont fi flus li l-Gvern ħallas għall-elettriku iġġenerat mill-Electrogas u li kien mixtri mill-istess Gvern għal użu tal-poplu Malti u Għawdxi fl-2017?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ elettriku li xtara l-Gvern mill-Electrogas u b’liema prezz il-Gvern ħallas għal dan l-elettriku fl-2017? Jista’ jgħid kemm-il darba t-tanker li qed jintuża bħala store tal-gass li jintuża mill-power station kien mogħti konsenja ġdida ta’ supply gas biex jintuża mill-power station fl-2017? Jista’ jgħid mill-power station li tuża l-gass, kemm filfatt użat gass li kien qed ikun supplied mit-tanker li hemm fil-bajja ta’ Delimara matul l-2017? (Nifhem li meta qed tintuża l-kelma gass, qed nirreferi għal-LNG)
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta wasal l-LNG tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk, inħattu total ta’ tmien kunsinni ta’ LNG. It-tagħrif mitlub, rigward kemm intuża gass mit-tanker matul l-2017, kif ukoll l-ammont ta’ elettriku li xtara l-Gvern mill-Electrogas u b’liema prezz il-Gvern ħallas għal dan l-elettriku fl-2017, għandu valur kummerċjali għall-Enemalta plc. Minħabba f’hekk, l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.
Jista’ l-Ministru jgħid, ladarba fl-2016 skont l-istatistika tal-NSO, 30% biss tal-elettriku kien iġġenerat minn sorsi oħra barra l-interconnector, mil-liema power station dawn it-30% tal-elettriku ġew iġġenerati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2016, l-elettriku meħtieġ sabiex l-Enemalta tilqa’ għad-domanda tal-elettriku tal-pajjiż kien ipprovdut mill-Interconnector u mill-impjanti li jaħarqu l-heavy fuel oil jew gasoil.
Ewlenin fost l-impjanti msemmija hemm l-impjant ta’ aktar minn 20 sena, id-Delimara 1 taċ-ċumnija t-twila, li kien jaħdem bil-heavy fuel oil, u l-impjant Delimara 3 tal-2012, li wkoll kien jaħdem bil-heavy fuel oil. Illum, waqt li l-impjant Delimara 1 qed jiżżarma, l-impjant Delimara 3 inqaleb sabiex ma jibqax jaħraq dan iż-żejt li jħammeġ, iżda juża l-gass naturali, għal arja aktar nadifa.
Kellhom sehem ukoll is-sistemi ta’ enerġija li tiġġedded, fosthom installazzjonijiet ta’ pannelli tax-xemx, li f’dawn l-aħħar erba’ snin żdiedu b’mod konsiderevoli.
Peress li l-Ministru għall-Enerġija qal li bejn Mejju u Ottubru ta' din is-sena l-Enemalta xtrat aktar min-nofs l-elettriku mingħand l-Electrogas u naqqset ix-xiri mill-interconnector għal ftit aktar minn kwart, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Enemalta ħallsitx aktar jew anqas għall-elettriku li xrat mill-Electrogas mill-prezz li ħallset għall-provvista mill-interconnector?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba mill-Enemalta plc għandha valur kummerċjali għal kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
Madankollu, nista’ nikkonferma li l-Enemalta kompliet tħaddem it-taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija ġodda li għandha, lkoll ugwalment importanti, fosthom l-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali, il-Malta-Italy Interconnector u sistemi ta’ enerġija li tiġġedded, bl-aktar mod għaqli u effiċjenti, sabiex tibqa’ tiggarantixxi s-sigurta’ tal-provvista fil-pajjiż u fuq kollox tibqa’ ssostni t-tariffi rħas li jgawdu l-klijenti f’Malta u Għawdex. Inċidentalment, dawn it-tariffi li traħħsu fl-2014 u fl-2015 għadhom kif reġgħu għal darb’ oħra ġew ikkonfermati fost l-orħos fl-Unjoni Ewropea, minkejja li sa ħames snin ilu kienu uffiċjalment meqjusa rati mpossibbli.
Impjant tal-Electrogas – persentaġġ ta’ enerġija ġġenerata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ ta' enerġija ġenerata mill-impjant tal-electrogas bejn April 2017 u Novembru 2017?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persentaġġ ta’ enerġija ġenerata mill-impjant tal-ElectroGas bejn April 2017 u Novembru 2017 kien ilaħħaq ħamsin fil-mija (50%) tat-total tal-enerġija ġenerata mill-impjanti kollha tal-power station ta’ Delimara u mill-interconnector bejn Malta u l-Italja.
Delimara 1 – twaqqigħ taċ-ċumnija tal-power station
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda t-twaqqigħ taċ-ċumnija tal-power station magħrufa bħala Delimara 1?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li x-xogħol ta’ żarmar tal-impjant Delimara 1 u ċ-ċumnija tiegħu beda f’ Settembru li għadda u għaddej b’ritmu mgħaġġel, u mistenni li jkun lest sa’ Settembru li ġej.
Peress li bħalissa għaddej xogħol ta' trinek bejn Marsaxlokk u Bengħajsa, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol jinkludix kisja tarmak fil-kanali biss jew fit-toroq kollha affetwati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol qed isir b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra li għandhom bżonn iwettqu xogħlijiet simili fl-istess toroq, kif ukoll ma’ Transport Malta. Wara li jitlestew ix-xogħlijiet, it-toroq jinksew b’asphalt ġdid fejn ikunu saru t-trinek, jew minn ġenb sa ġenb, skont il-ħtieġa, jiddependi mill-istat tat-toroq bħalissa, mill-ammont ta’ tħaffir li ser isir fihom u kunsiderazzjonijiet oħra tal-entitajiet, kunsilli lokali u awtoritajiet konċernati.
L-Enemalta plc ser tagħmel l-almu tagħha sabiex dan ix-xogħol jitwettaq bl-inqas inkonvenjent possibli u fl-iqsar żmien.
Jista’ l-Ministru jgħid meta x-xogħol fuq it-trinek li qed isir bħalissa bejn Marsaxlokk u Bengħajsa se jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol indikat f’Marsaxlokk u Bengħajsa qed isir sabiex tissaħħaħ il-kapaċita’ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi u fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, sabiex tilqa’ għaż-żieda fid-domanda minħabba diversi investimenti industrijali u kummerċjali ġodda.
L-Enemalta plc ser tagħmel l-almu tagħha sabiex dan ix-xogħol jitwettaq bl-inqas inkonvenjent possibli u fl-iqsar żmien.
Elettriku ġġenerat mill-BWSC, Powerstation tal-Electrogas u mill-Interconnector
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie utilizzat elettriku ġġenerat (jew imwassal) mill-BWSC, mill-Power Station il-Ġdida (Electrogas) u mill-Interconnector, f'Malta u f’Għawdex, f'dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant li permezz tal-investiment fit-trasformazzjoni tal-qasam tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’dawn l-aħħar erba’ snin, l-Enemalta żviluppat taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija (energy mix) diversifikata, affidabbli, nadifa u sostennibli, li tinkludi impjanti ġodda jaħdmu bil-gass naturali, il-Malta-Italy Interconnector, sistemi ta’ enerġija li tiġġedded u mpjanti jaħdmu bil-gasoil bħala spare capacity u għal matul xi emerġenzi.
Ewlenin fost il-benefiċċji ta’ dan it-taħlita diversifikata ta’ sorsi ta’ elettriku huwa l-fatt li Malta ma’ tiddependix fuq sors ta’ fjuwil wieħed, jew fuq impjant wieħed kbir, u għalhekk nistgħu nassiguraw is-sigurta tal-provvista tal-pajjiż. Dan ifisser, li jekk l-akbar sors individwali, li fil-każ ta’ Malta huwa l-Interconnector, għal xi raġuni jew oħra ma jkunx disponnibli, xorta waħda jibqa’ biżżejjed kapaċita’ sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-klijenti, anke f’mumenti ta’ domanda għolja.
L-Inġiniera tal-Enemalta fis-Sezzjoni tal-Capacity Planning and Dispatch jikkunsidraw diversi fatturi, fosthom id-domanda mill-industrija, it-temp u aspetti oħra, sabiex f’kull ħin jippjanaw l-użu tas-sorsi disponibbli għal pajjiżna bl-aħjar mod possibli, b’bilanċ bejn is-sorsi differenti.
Il-figuri ta’ kemm iġġeneraw elettriku s-sorsi differenti li tuża l-Enemalta biex tipprovdi l-provvista lill-klijenti jiġu ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wara t-tmiem ta’ kull sena.
Fil-perjodu indikat, bejn l-1 ta’ Mejju u t-30 t’Ottubru 2017, meta wieħed iqis l-elettriku ġġenerat mill-impjanti li jaħdmu bil-gass naturali u mill-Interconnector, il-persentaġġi tal-elettriku kollu ġġenerat bejniethom, kien kif ġej:
Delimara 4 iġġenera 53%
Malta-Italy Interconnector iġġenera 27%
Delimara 3 iġġenera 20%
Dawn il-persentaġġi ma jinkludux l-elettriku ġġenerat mis-sistemi ta’ enerġija li tiġġeded, bħala installazjonijiet ta’ pannelli tax-xemx.