Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li sat-tieni ġimgħa tas-sena skolastika, fl-iskola medja tal-Kulleġġ San Tumas More f’Ħal Tarxien, għadu għaddej ix-xogħol? Jista’ jgħid hux minnu li fis-sulari ta’ isfel tal-istess skola, il-klassijiet li suppost jintużaw għal home economics kienu għadhom żarmati bi trabijiet kullimkien u borom jiġru fil-kurituri?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B’referenza għal din il-mistoqsija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jikkonferma li fil-mument għaddej xogħol ta’ immodernizzar ta’ Home Economics Lab ġewwa l-Iskola Medja ta’ Ħal Tarxien, fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More.
Għalkemm qed isir dan ix-xogħol, infurmat li l-iskola titnaddaf b’mod regolari u mhux minnu li hemm trabijiet kullimkien. Fir-rigward ta’ oġġetti relatati ma' l-użu ta' Home Economics Lab(eż. borom) li ma jkunux qed jintużaw, dawn qed jiġu merfugħa f’kamra oħra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Konsulenzi minn ditta legali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-ditta legali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ħaditx konsulenzi mill-Gvern jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu bejn is-sena 1998-2003? X’kienu dawn il-konsulenzi? Liema entità tat dawn il-konsulenzi? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv ħalli dawn jittieħdu? Jista’ jgħid ukoll kemm kull konsulenza kienet tinvolvi bħala flus?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija, id-ditta legali indikata mill-Onorevoli interpellant tat konsulenza kif ġej:
Malta Racing Club
Sena
X'kien ix-xogħol mogħti
K
emm kienet l-ispiża
2001
Parir legali
€341.63
Dan ix-xogħol ingħata b’direct order.
Persuni li tilfu l-impjieg tagħhom matul is-sena 2018
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9124, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom, huma persuni b’diżabilità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn 1,877 persuni uniċi li tilfu x-xogħol matul is-sena 2018, 11-il persuna kienu persuni b’diżabilità. Peress li persuna tista’ titlef ix-xogħol tagħha aktar minn darba fl-istess sena, mit-total ta’ 1,994 impjiegi mitlufa matul is-sena li għaddiet kien hemm 14-il persuna b’diżabilità.
B’referenza għax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ li qed jingħat li twettaq fis-sajf li għadda fi kważi 100 skola tal-Gvern madwar Malta u Għawdex, liema xogħol qed jingħad ammonta għal spiża totali li laħqet il-€5 miljun, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-iskejjel f’Għawdex li fihom sar dan it-tip ta’ xogħol u kemm kien l-ammont tal-ispiża f’kull waħda minn dawn l-iskejjel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dwar manutenzjoni u tisbiħ, fis-sajf li għadda saru xogħlijiet fl-iskejjel f’Għawdex bi spiża ta’ €495,219.46.
L-iskejjel li fihom sar dan it-tip ta’ xogħol u l-ispiża skola skola huma kif se nsemmi:
· Nadur Primarja – xogħol bi spiża ta’ €9,500.00
· Żebbuġ Primarja - xogħol bi spiża ta’ €2,198.00
· Sannat Primarja - xogħol bi spiża ta’ €296,343.26
· San Lawrenz Primarja - xogħol bi spiża ta’ €3,267.00
· Rabat Primarja - xogħol bi spiża ta’ €6,874.00
· Għajnsielem Primarja - xogħol bi spiża ta’ €6,628.00
· Xewkija Primarja - xogħol bi spiża ta’ €1,458.00
· Xagħra Primarja - xogħol bi spiża ta’ €4,791.00
· Qala Primarja - xogħol bi spiża ta’ €58,377.17
· Rabat Skola Medja - xogħol bi spiża ta’ €51,991.73
· Rabat Skola Sekondarja - xogħol bi spiża ta’ €46,238.30
· Xewkija Agri Business Centre - xogħol bi spiża ta’ €6,423.00
· Kerċem Primarja - xogħol bi spiża ta’ €1,130.00
Kulleġġi tal-Istat – studenti li qed jieħdu tagħlim tal-etika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed jieħdu t-tagħlim tal-etika preżentament f’kull kulleġġ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa għadu qiegħed isir l-inputting mill-iskejjel tal-istudenti fil-korsijiet. Il-figuri preċiżi jkunu magħrufa iktar tard dan ix-xahar.
Kulleġġi tal-Istat – studenti li qed jieħdu t-tagħlim tal-etika
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar kemm mill-istudenti li qed jieħdu t-tagħlim tal-etika fil-kulleġġi differenti huma Maltin u kemm minnhom huma barranin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa għadu qiegħed isir l-inputting mill-iskejjel tal-istudenti fil-korsijiet. Il-figuri preċiżi jkunu magħrufa iktar tard dan ix-xahar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn mobile classrooms bħalissa fl-iskejjel tal-Istat? F’liema skejjel qed jintużaw? X’inhi r-raġuni li qed jintużaw f’kull każ? Kemm hawn studenti qed jagħmlu użu minn dawn il-mobile classrooms?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 13-il temporary classroom fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar u 10 fl-iskola sekondarja taż-Żejtun.
F’San Pawl il-Baħar qed nużaw dawn il-klassijiet bħala estensjoni tal-iskola sakemm fi ftit xhur oħra niftħu l-iskola l-ġdida tal-Qawra. Fiż-Żejtun qed nużawhom waqt li jinsab għaddej xogħol estensiv biex inkabbru u nsebbħu l-iskola fejn qed nibnu sular ġdid fuq kull blokka u nimmodernizzaw il-bini eżistenti.
L-Onor Interpellant jifhem li xogħol kbir bħal dan ma jistax isir mil-lum għal għada u bilfors irid jitqassam f’għadd ta’ fażijiet li jieħdu ż-żmien. Għaldaqstant, biex niżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u tal-edukaturi waqt li dan ix-xogħol ikun għaddej, kif ukoll biex kemm jista’ jkun nimxu max-xewqa ta’ bosta ġenituri biex it-tfal ma nċaqalquhomx mil-lokalità tagħhom, dehrilna li din hi l-aħjar soluzzjoni.
Nieħu din l-okkażjoni biex inserraħ ras il-ġenituri ta’ tfal li jużaw dawn il-klassijiet temporanji li huma attrezzati bl-aħjar faċilitajiet sew ta’ tagħlim kif ukoll biex l-istudenti jkollhom kundizzjonijiet ambjentali xierqa. Bl-ebda mod ma aħna qed inbaxxu l-kwalità ta’ tagħlim bl-użu ta’ dawn il-klassijiet temporanji.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, infurmat li fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun hemm 176 student li qed jagħmel użu mit-temporary classrooms waqt li jużaw ukoll klassijiet oħra tal-iskola, filwaqt li fl-iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar hemm sittin (60) student jagħmlu użu mit-temporary classrooms peress li ċertu prefabs jintużaw għal laqgħat jew one-to-one sessions.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tkun lesta l-iskola l-ġdida fil-Qawra li issa ilha mwiegħda sa mill-baġit tal-2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Kif bla dubju seta’ jara b’għajnejh stess l-Onor. Interpellant meta l-ġimgħa li għaddiet ħa sehem f’konferenza tal-aħbarijiet ħdejn l-iskola l-ġdida tal-Qawra, ix-xogħol fuq dan il-proġett bħalissa jinsab miexi b’ritmu sew.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jissaqqaf l-aħħar sular tal-iskola waqt li xogħol fuq servizzi elettriċi u mekkaniċi għaddej ġmielu. Il-bini tas-sala (multipurpose hall) – li hi maqtugħa mill-kumplament tal-iskola – se jitlesta sal-aħħar tas-sena.
Ninsab infurmat li din l-iskola mistennija tilqa’ l-ewwel studenti fl-ewwel xhur tas-sena 2020.
SportMalta – turġien biswit il-moll bejn Bormla u l-Belt
Question
Jista' l-Ministru jinkariga lil SportMalta sabiex tagħmel it-tiswijiet neċessarji u jinbnew mill-ġdid it-turġien li jinsabu biswit il-moll fejn torbot il-lanċa li topera bejn il-Belt u Bormla li jinsab ħdejn id-Dwana, u li jintuża mid-dilettanti tal-Valletta Regatta Club biex iniżżlu u jtellgħu d-dgħajjes mill-clubhouse tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-turġien biswit il-moll mhumiex responsabbiltà ta’ SportMalta, però se ninforma lill-Ministru responsabbli sabiex isegwi dan il-każ.
Jista’ l-Ministru jindika kemm-il ġranet ta’ assenteiżmu kien hemm mill-istudenti u l-għalliema li jattendu l-iskejjel tal-Gvern fil-perjodu skolastiku 2016/ 2017; 2017/ 2018 u 2018/ 2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta’ ġranet ta’ assenteiżmu tal-istudenti fil-perjodu skolastiku 2016-2017 u 2017-2018 hu kif muri fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li l-istatistika tas-sena skolastika 2018-2019 għadha mhix konkluża.
Rigward l-għalliema, infurmat li n-numru ta' ġranet ta' assenzi minħabba sick leave fis-snin skolastiċi indikati hu kif se nsemmi:
Sena skolastika 2016/2017 11,321 jum
Sena skolastika 2017/2018 10,836 jum
Sena skolastika 2018/2019 10,650 jum
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar in-numru ta’ tfal reġistrati għas-servizz taċ-Childcare? Kemm hija l-ispiża kuljum għal kull tifel/tifla li jirċievi dan is-servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul ix-xahar ta’ Ġunju 2019 kien hemm 4,789 tifel/tifla reġistrati għas-servizz taċ-Childcare b’xejn (Free Childcare Scheme). L-ispiża għal kull tifel/tifla li rċieva dan is-servizz matul ix-xahar ta’ Ġunju 2019 kienet ta’ €15.53 kuljum.
Jista’ l-Ministru jindika jekk f’dawn l-aħħar tliet snin sarux programmi edukattivi li joffru possibiltà lill-persuni li ma jkunux tgħallmu jiktbu u jaqraw biex jitgħallmu jiktbu u jaqraw? Jekk iva, fejn saru dawn il-programmi u meta saru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar tliet snin id-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja organizza 38 kors fil-litteriżmu (Malti u Ingliż) li joffru possibiltà lill-persuni li jitgħallmu jiktbu u jaqraw. Dawn il-programmi saru fi 12-il lokalità u ċentri differenti. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni dwar dawn il-korsijiet.
Attachments:PQ 10850 - Korsijiet ta' litteriżmu.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti f’Marsaskala u ż-Żejtun li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, in-numru ta’ persuni residenti f’Marsaskala u ż-Żejtun li kienu jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru sal-aħħar ta’ Mejju 2019, huwa kif ġej:
LokalitàIrġielNisaTotal
Marsaskala241236
Żejtun181129
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9478, jista' l-Ministru jekk jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux deputat ieħor li llum qed jagħti xi tip ta’ lectures ġewwa l-Università ta’ Malta? Jista' jagħti l-istess informazzjoni li ġiet mitluba fid-domanda parlamentari hawn fuq indikata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament hu assenjat on a casual basis fid-Dipartiment tal-European & Comparative Law, Fakultà tal-Liġi. Infurmat li d-data tal-bidu ta' impjieg hi l-1 ta' Ottubru 2017.
Jgħallem on a casual basis u għaldaqstant ma toħroġx sejħa ta' interess u jitħallas skont in-numru ta' lectures li jagħti. Dan ifisser li jagħti inqas minn 28 siegħa ta' lectures f’kull study-unit.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fl-aħħar sena skolastika li għamlu użu mis-servizz tal-Breakfast Club? Kemm kienet in-nefqa tal-Gvern għal kull student biex ġie provdut dan is-servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena skolastika 2018-2019 kien hemm 6,636 tifel/tifla reġistrati għas-servizz tal-Breakfast Club. L-ispiża allokata għax-xiri ta’ prodotti għall-kolazzjon kienet ta’ €497,957.20. Dan l-ammont hu maħdum fuq il-medja ta' tfal li attendew għal dan is-servizz (3,406 kuljum) matul is-sena skolastika li għaddiet (172 jum), bl-ammont stipulat għal kull student huwa ta' 85 ċenteżmu ta' ewro.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — contract of service u contract for service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il contract of service u contract for service ngħata minn kull Dipartiment u entità li jaqgħu taħtu mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena u l-valur ta’ kull wieħed u lil min ingħata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B'referenza għal din il-mistoqsija, tlabt biex it-tagħrif jibda jinġabar.
B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 10296, jista’ l-Ministru jikkonferma lill-Kamra li għalhekk tul dawn l-ewwel xhur tas-sena nħargu 12,299 single permit/work permit?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sa l-aħħar t'April tal-2019, mill-2,734 applikazzjoni li rċiviet, Jobsplus ipproċessat 2,668 permess ta’ xogħol (Employment Licence) minn ċittadini ta’ pajjii terzi li mhumiex eliġibbli biex japplikaw għal Single Residence/Work Permit. Fost dawn l-applikazzjonijiet, Jobsplus ħarġet 2,610 permess ta’ xogħol u rrifjutat 58 applikazzjoni.
Jobsplus ipproċessat wkoll 9,869 talba għal permess ta’ Single Residence/Work Permit sa l-aħħar t’April 2019. Din il-figura tinkludi wkoll applikazzjonijiet pendenti li ġew sottomessi f’Diċembru 2018. Minn dawn it-talbiet, Jobsplus irrakkomandat 9,035 applikazzjoni u oġġezzjonat għal 834 applikazzjoni wara li għamlet it-testijiet meħtieġa. Ta’ min jinnota li l-ħruġ finali ta' dawn il-permessi (Single Residence/Work Permit) jaqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Identity Malta u mhux ta’ Jobsplus; għalhekk l-ammont finali ta’ kemm attwalment ħarġu Single Residence/Work Permits trid tingħata minn dik l-entità.