Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Environment Protection Unit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Environment Protection Unit hix qed topera f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid kemm hemm uffiċjali jservu f'dan it-territorju?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Mtarfa – Triq in-Narċis — dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex Triq in-Narċis fl-Imtarfa għadha mingħajr dawl u ilha bla dawl snin għax minn meta sar l-asfaltar f’din it-triq, il-kuntrattur kien qata’ d-dawl u qatt ma reġa’ tranġa? Tista’ tgħid jekk il-kuntrattur responsabbli mix-xogħlijiet weħilx multa talli wettaq din l-inkonvenjenza u tgħid għaliex l-Enemalta qatt ma ħadet passi biex tirranġa l-ħsarat? Apparti din it-triq jidher li hemm toroq oħrajn li ġew affettwati, fosthom: Triq il-Peprin, Triq il-Ġiżimin u Triq il-Ġilju.

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-verifiki li saru mill-Enemalta, jirriżulta li dan id-dawl u l-infrasturuttura tiegħu mhuwiex tal-Enemalta. Fil-fatt, l-Enemalta ma kellha l-ebda rapport dwaru mill-Kunsill Lokali.

Rimi ta’ batteriji ta’ vetturi elettriċi difettużi u/jew utilizzati għalkollox

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif batteriji ta' vetturi elettriċi difettużi u/jew utilizzati għalkollox qed jintremew u fejn qed jintremew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-batteriji ta’ vetturi elettriċi li jispiċċaw skart jittieħdu ġo faċilitajiet li huma awtorizzati mill-ERA għall-immaniġġjar ta’ skart li jikkonsisti fost oħrajn, f’batteriji minn vetturi elettriċi. Dawn jieħdu ħsieb sabiex il-batteriji jiġu esportati lejn Stati Membri oħra għar-riċiklaġġ. Barra minn hekk, il-produtturi ta’ dawn il-batteriji (li jinkludu importaturi) jew partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, huma obbligati li jikkonformaw mal-obbligi estiżi tal-produttur (Extended Producer Responsibility), inkluż l-obbligu li jieħdu lura skart ta’ batteriji minn vetturi elettrici mingħand utenti aħħarin.

Remunerazzjoni ta’ Eks Membri Parlamentari

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kull kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa' taħtha, lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament bejn l-2018 u llum? Tista' f'kull każ tgħid b'liema proċedura ngħata l-kuntratt jew servizz, x'kienet ir-remunerazzjoni u x'kienu l-benefiċċji u perkaċċi marbuta miegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Dr Luciano Busuttil serva lill-kumpanija ARMS Ltd. abbażi ta’ kuntratt ta’ konsulenza legali fl-2021 u fl-2022. Il-ħlasijiet kienu ta’ €11,364 u €11,519 (VAT inkluż) rispettivament. Min-naħa tagħha l-kumpanija Wasteserv (Malta) Limited użat is-servizzi ta’ Dr Gavin Gulia bħala konsulent legali tal-Bord. Dan l-ingaġġ sar b’kuntratt ta’ impjieg, inizjalment mal-kumpanija nnifisha u, mill-2020 ’il quddiem, fuq bażi part-time permezz tal-kuntrattur. Permezz tal-impjieg part-time li hemm fis-seħħ bħalissa, l-persuna kkonċernata tagħti servizz meta mitluba bir-rata ta’ €26.60 fis-siegħa.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — rapporti lill-pulizija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il rapport kriminali sar mill-Permanent Secretary mal-Pulizija fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom fil-Ministeru? Tista' tgħid ukoll dwar xiex sar ir-rapport u x'kien l-eżitu ta’ kull rapport rispettiv?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – proġetti mill-Aġenzija Project Green

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti u fiex jikkonsistu u f'liema raħal hemm ippjanati li jsiru mill-aġenzija Project Green f’Għawdex matul is-sena 2023? Tista’ tgħid kemm hi maħsuba li tkun l-ispiża fuq kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7069.

Ħitan tas-sejjiegħ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għadhiex illegalità li l-ħitan tas-sejjieħ jiġu ssiġillati bil-konkos? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid kif qed tara li jiġi regolarizzat dan u jekk għadx hemm uffiċjali li jiċċekjaw li dan qed isir u għaldaqstant tiġi infurzata din il-liġi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Raħal Ġdid – Triq it-Telgħa ta’ Raħal Ġdid – vertical garden

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli għaż-żamma tal-vertical garden fi Triq it-Telgħa ta' Raħal Ġdid? X'qed isir biex wieħed jara li dan qed jinżamm fl-istandard mixtieq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari 6111.

Sussidju fuq il-kont tad-dawl għal persuni li jużaw il-magna tal-isleep apneoa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies li jużaw il-magna tal-isleep apneoa d-dar bħala kura u jieħdu sussidju fuq il-kont tad-dawl? Tista' tgħid ukoll liema huma l-kriterji biex wieħed jieħu dan is-sussidju?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Project Green – applikazzjonijiet sottomessi minn Kunsilli Lokali, NGOs u entitajiet oħra

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7069 dwar applikazzjonijiet sottomessi lil Project Green, tista' l-Ministru tgħid liema kunsilli lokali, NGOs ambjentali u entitajiet oħra ssottomettew tali applikazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, kif spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 7069, id-dettalji tal-applikazzjonijiet se jiġu ppubblikati wara li jintemm il-proċess tal-evalwazzjoni.

Qawra – ħruġ tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ser jittieħdu biex jiġi assigurat li fl-inħawi tal-Qawra, u partikolarment qrib l-inħawi tal-kanal madwar is-salt pans, ma jibqax joħroġ id-drenaġġ? X’interventi saru fl-aħħar xhur f'dawn l-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fiż-żona indikata ma kien hemm l-ebda żbroff ta’ drenaġġ fil-jiem li għaddew. Minn żmien għal żmien il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni li jinkludu żblukkar tas-sistemi fejn u meta meħtieġ.

Baġit– tnaqqis minn line items

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 5440, 5441 u 5442 fejn il-Ministru rreferiet għat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija parlamentari 5439 li tgħid li "l-allokazzjonijiet ma tistax issir b’mod iżolat imma trid tieħu kunsiderazzjoni l-allokazzjoni totali tal-vot", tista’ l-Ministru tispjega għalfejn użat il-line items?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-infiq tal-flus mil-line items ivvutati fil-Baġit jitmexxa mid-dipartimenti u l-entitajiet rispettivi li jaraw ukoll li l-infiq isir skont ir-regoli, ninformah ukoll li l-allokazzjoni taħt kull line item tintuża għall-iskop li għalih tkun saret l-approprjazzjoni. Meta imbagħad ikun hemm ċirkostanzi fejn ikun meħtieġ li jiġu riallokati fondi minn line item għal ieħor, dan isir billi titressaq talba għall-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.

Baġit 2023 – line item 5891 – tnaqqis

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5439, tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-Action Plan fuq il-klima għal din is-sena? Tista’ telenka n-numru ta’ miżuri li ser tkun qed tieħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-miżuri biex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima, imorru lil hinn mir-responsabbiltà ta’ ministeru wieħed u allura hemm numru ta’ miżuri oħra li jindirizzaw dan is-suġġett. Pero ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, taħt il-Ministeru tiegħi biss, fil-budget għal din is-sena hemm mhux inqas minn tnax-il miżura relatati mal-klima. Dawn jinkludu fost l-oħrajn għajnuniet lil negozji li jinvestu fi proġetti li jnaqqsu l-carbon footprint u jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-materja prima, investimenti fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku sabiex din tkun tiflaħ aktar għall-enerġija ġġenerata minn sorsi rinovabbli, skemi u inizjattivi intiżi għall-ġenerazzjoni u l-ħażna ta’ enerġija rinovabbli, investimenti lejn karozzi li jaħdmu bl-elettriku, u t-tkomplija ta’ proġetti fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart b’mod li minflok jikkontribwixxi għall-ħruġ ta’ gassijiet serra dan ikun ukoll sors ta’ enerġija nadifa.

Wied bejn l-Imtarfa, Rabat u l-Imdina – tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se titnaddaf u tingħalaq il-grada li ġiet istallata fil-wied ta’ bejn l-Imtarfa, ir-Rabat u l-Imdina wara li sar abbuż u ntrema skart tal-kostruzzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 5709 u 5895, nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – laqgħat fl-UE

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala prassi, u sa fejn ikun possibbli, jien nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi. Normalment dawn ikunu jinkludu il-laqgħat li jsiru tal-Kunsill Ministerjali tal-Ambjent kif ukoll dak tal-Enerġija.

Enemalta — serq u tbagħbis ta' meters

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6736 u 6994 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6289 dwar il-kontroll tas-serq tal-elettriku, tista' l-Ministru twieġeb tali mistoqsija għar-rigward tal-każijiet mill-2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 sal-aħħar tal-2022, l-Enemalta sabet 1,748 każ ta’ serq u tbagħbis ta’ meters tal-elettriku. Minn dawn il-każi kien hemm 698 fuq kontijiet kummerċjali u 1,050 każ ieħor fuq kontijiet domestiċi. Minn dawn il-każijiet l-Enemalta rkuprat €9.4 miljun ewro. L-avukati li assistew lill-Enemalta f’dawn il-każijiet huwa l-uffiċċju legali ta’ Dr Franco Debono u Dr Lucio Sciriha. Fil-proċeduri biex ikunu deċiżi dawn il-każijiet kien ikun involut il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, uffiċjal mis-Sezzjoni tar-Revenue Assurance tal-kumpanija, l-Uffiċċju Legali, l-Executive Director responsabbli mill-Finanzi u l-Manager tal-Internal Audit tal-Enemalta.

Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar – Project Green

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6450, tista’ l-Ministru tgħid x'art tal-Gvern se tintuża għall-Project Green fil-Mellieħa/San Pawl il-Baħar u n-Naxxar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Bħalissa għaddej proċess ta evalwazzjoni fuq numru ta proġetti f’bosta lokalitajiet. Il-proġetti li se jkunu qegħdin jitwettqu ser jitħabbru wara li jintemm dan il-proċess.

Electrogas – bastiment Armada LNG Mediterranea

Question

Tista' l-Ministru tippreżenta kopja tal-ftehim li bih ġie pprokurat il-bastiment 'Armada LNG Mediterranea' minn Electrogas Malta bħala parti mill-proġett tal-powerstation tal-gass?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tappartjeni lil kumpanija privata. L-Enemalta mhix involuta fil-kuntratt dwar il-bastiment Armada LNG Mediterrana.

Bastiment Armada LNG Mediterranea – inkarigu ta’ aġenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sabiex tipprokura l-bastiment 'Armada LNG Mediterranea' kienx hemm l-inkarigu ta' aġenti? Jekk iva, tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti relattivi flimkien mal-ammonti li dawn l-aġenti tħallsu għas-servizz mogħti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7252.