Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Siġġiewi — Informazzjoni dwar Sqaq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27111 dwar is-sqaq li d-dettalji u l-pjanta dwaru qed jingħataw separatament u li jwassal għal għelieqi, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux possibbli li jgħaddu servizzi bħal dawl u ilma minnu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li l-proċedura applikata kemm mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kif ukoll mill-Enemalta tinvolvi li s-servizzi jitwasslu sal-aħħar punt tal-art pubblika u li l-infrastruttura fi proprjetà privata hija responsabbiltà tal-privat.

Monitoraġġ tal-Kwalità tal-arja — Riżultati

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28740 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28402, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-arja permezz ta’ netwerk istantanju kif ukoll r-riżultati tal-monitoraġġ permezz ta’ netwerk passiv meħuda bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, għal-lokalitajiet imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati mitluba.

Iż-Żejtun — Qasam tad-Djar ta’ Ħal Tmin - Magni tas-sistema tal-BCRS

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux possibbli li fiż-żona tal-Qasam tad-Djar ta’ Ħal Tmin fiż-Żejtun, ikun hemm xi magni tas-sistema tal-BCRS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-Żejtun hemm Hub pubbliku u żewġ RVM Hubs fi ħwienet tal-bejgħ bl-imnut. Bħalissa, m’hemmx pjanijiet biex jiġu installati RVMs addizzjonali fiż-żona msemmija, madankollu, tajjeb li nsemmu li fi żmien mhux 'il bogħod, se jibda jopera s-servizz ‘door to door mobile RVMs’ għall-persuni ta’ 60 sena u aktar.

Ġonna — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ġonna li għaddejjin ix-xogħlijiet fihom u tispeċifika x’tip ta’ xogħol qed isir f’kull ġnien?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28715, ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet li qegħdin isiru bħalissa f’diversi ġonna mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika huma kif ġej: Fi Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq, fil-Belt Valletta, qed jiġu installati sistemi ġodda għall-irrigazzjoni, kif ukoll qegħdin isiru tiswijiet tas-sistema tad-drenaġġ u interventi ta’ lqugħ tal-ilma biex jitnaqqas iċ-ċans ta’ perkolazzjoni tal-ilma fl-istrutturi ta’ taħt il-ġnien. Se tinbidel ukoll is-sistema tal-elettriku u se jiġu installati pompi, filtri tal-ilma u dawl ġdid. Barra minn hekk, se tiġi installata għamara ġdida bħal bankijiet u reċipjenti tal-iskart. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq Park Ġdid f’Marsaskala li se jieħu post l-impjant ta’ Sant’Antnin - F’dan il-post inbeda proġett ta’ madwar €37 miljun fejn qegħdin isiru xogħlijiet preparatorji. Dawn jinkludu t-tindif tas-sit, l-iskavar ta’ ġibjun ġdid, rotta ġdida għas-servizzi eżistenti, trasferiment tal-materjal skavat għal żoni oħra fl-istess sit u l-kostruzzjoni ta’ ħitan ta’ lqugħ għal-landscaping u strutturi oħra futuri. It-tħaffir tal-lag u t-twaqqigħ tal-bini eżistenti huma mistennija jibdew fix-xhur li ġejjin. Fi Ġnien Romeo Romano, f’Santa Venera, qed isir xogħol ta’ restawr ta’ ħitan filwaqt li għaddej ir-restawr ta’ razzett antik u t-trasformazzjoni tiegħu f’ċentru edukattiv inklussiv. Għaddej ix-xogħol fuq ġnien ġdid fil-Birgu fejn qabel kien hemm it-tankijiet tal-ħażna taż-żejt. F’dan is-sit ta’ madwar 1,500 metru kwadru li fl-aħħar snin kien jikkonsisti biss f’pjattaforma tal-konkos, se jitħawlu madwar 1,500 siġra u 38 arbuxell, isiru faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma u se tinħoloq ukoll żona għall-attivitajiet. Bħalissa qed issir ukoll riġenerazzjoni tal-Ġnien tal-Marina, f’Tal-Pietà, fuq medda ta’ 4,400 metru kwadru. Inħolqot green way ta’ 210 metri għar-roti u għall-ġiri, ġew riabilitati l-passaġġi kollha, inbidlu s-servizzi fosthom id-dawl tal-ġnien, twaħħlet għamara ġdida u ġiet irranġata l-funtana. Fil-Park tal-Familja f’Bengħajsa għaddej ix-xogħol fuq estensjoni ta’ 7,000 metru kwadru. Qed isir ukoll il-proġett tar-Rainwater Harvesting Park f’Għajnsielem fejn qed jinħoloq spazju multifunzjonali b’diversi attrazzjonijiet, kif ukoll għaddej xogħol fuq Ġnien l-Appoġġ, f’Raħal Ġdid, fejn se jinħoloq spazju inklussiv u interattiv fuq medda ta’ 5,000 metru kwadru. Bħalissa qed isiru wkoll interventi ta’ tisbiħ fi Ġnien tal-Gardjola, fl-Isla, li jinkludu t-tneħħija ta’ speċi aljeni u invażivi, it-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli ġodda u estensjoni tas-sistema tal-irrigazzjoni. Proġetti oħrajn li hemm għaddej ix-xogħol fuq is-siti rispettivi tagħhom huma dawk tal-Valley Walkway li tgħaqqad Wied Speranza ma’ Wied il-Qlejgħa, ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Saver Zarb f’San Ġiljan u tisbiħ ta’ Ġnien Palma f’Ħ’Attard, kif ukoll il-Proġett Silva Pathways fejn qed jiġu restawrati żewġ żoni afforestati fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb, fil-Mellieħa, li jkopru medda ta’ aktar minn 55,000 metru kwadru – id-daqs ta’ 7 grawnds tal-futbol. Inbdiet ukoll ir-riabilitazzjoni tar-riserva naturali tas-Simar f’San Pawl il-Baħar mifruxa fuq madwar 4,000 metru kwadru t’art li bħalissa tinsab mitluqa. Fost affarijiet oħra, se jiġu installati sistemi ta’ sigurtà u sistema ta’ drip irrigation, se jinħolqu mogħdijiet permeabbli, u se jsir żbir u manutenzjoni tas-siġar eżistenti.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Mosta u Triq San Pawl — Ħsarat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’wassal biex fil-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis 2 u 3 ta’ Lulju kien hemm numru ta’ ħsarat fuq in-network tal-WSC fi Triq il-Mosta u Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar? Peress li dawn il-ħsarat għamlu ħsarat sostanzjali fil-wiċċ tat-toroq imsemmija, tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex dawn it-toroq jitranġaw kif suppost?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed issir analiżi min-nies tekniċi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jiġi stabbilit x’seta’ wassal għal tali ħsarat. Kif inhi l-prassi f’ċirkostanzi simili, il-Korporazzjoni dejjem tassigura li wara li x-xogħlijiet jiġu finalizzati, it-toroq jitħallew fi stat tajjeb u sigur.

Rimi ta’ skart — Abbużi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jiżdiedu l-uffiċjali tal-infurzar fuq ir-rimi ta’ boroż ta’ skart fil-jiem barra mill-ġranet u l-ħinijiet li suppost jintremew, sabiex jiġi assigurat li l-abbużi ta’ rimi ta’ skart jitnaqqsu? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx mezzi oħra dwar kif ċertu abbużi ma’ jibqgħux iseħħu, jew almenu jitnaqqsu drastikament, minbarra l-impjegati tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, b’żieda mat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 29139, l-uffiċjali tal-infurzar se jkunu qed jiżdiedu gradwalment matul l-erba’ snin li ġejjin. L-ERA tadotta wkoll risk-based approach, fejn isiru spezzjonijiet f'diversi lokalitajiet f'ħinijiet differenti tal-ġurnata u anke bil-lejl biex isir infurzar kontra individwi u stabbilimenti li jarmu boroż tal-iskart mhux skont l-Iskeda Nazzjonali, u dawk li ma jkunux qed jisseparaw l-iskart kif rikjest mil-liġi. Darbtejn fis-sena, l-Awtorità torganizza laqgħa mal-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex u r-Reġjuni, kif ukoll ma’ entitajiet rispettivi oħrajn, biex ikun hemm djalogu miftuħ dwar dan ix-xogħol u dwar kif tista’ tiżdied il-kollaborazzjoni. L-ERA tenfasizza wkoll fuq l-edukazzjoni f’dan is-settur permezz tal-promozzjoni frekwenti ta’ dan is-suġġett f’attivitajiet mal-pubbliku, kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir u l-midja soċjali. Kif diġà spjegajt fit-tweġiba preċedenti, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-iskart hija fir-responsabbiltà wkoll tal-Pulizija u LESA li flimkien mal-ERA huma t-tliet entitajiet responsabbli mill-infurzar tar-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (LS549.40).

Iż-Żejtun — Misraħ Karmnu Grima - XogħlijietIż-Żejtun - Misraħ Karmnu Grima - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19769 u 25021, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol qiegħed isir f'Misraħ Karmnu Grima, fiż-Żejtun?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Tista’ tgħid ukoll liema laqgħat hija mistennija li tattendi fit-tieni nofs tal-2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sitt xhur li għaddew attendejt għall-Kunsilli Ministerjali tal-Enerġija u tal-Ambjent, u l-ħsieb tiegħi hu li sal-aħħar tas-sena nerġa’ nattendi l-istess laqgħat. Kif diġà spjegajt diversi drabi, bħala prassi u sa fejn ikun possibbli, jien nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi.

Arms Ltd — Kuntratt ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex qed jokkupa l-kariga ta’ konsulent mal-ARMS Ltd? Jekk iva, tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-ingaġġ tiegħu mal-ARMS Ltd, kemm preżenti kif ukoll passati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17402, ninformah li l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament ma jokkupa l-ebda kariga ma’ ARMS Ltd. iżda joffri servizz ta’ konsulenza fuq relazzjonijiet mal-klijenti li ilu jingħata minn Lulju tal-2022.

ARMS Ltd — Permessi

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha maħruġa minn dak li qabel kien il-PAHRO u s-suċċessur tiegħu l-P&SD fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM) biex permezz tagħhom l-ARMS setgħet timpjega persuni magħha, flimkien mal-vacancy forms relatati, li permezz tagħhom setgħu jiġu impjegati persuni minn barra jew permess tar-Reġistru Part 1, 2 u 3?

Response (DALLI, MIRIAM)

Niforma lill-Onor. Interpellant li, bħal fl-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku, fil-kumpanija ARMS il-proċess ta’ reklutaġġ huwa regolat mill-provvedimenti tal-Manwal tad-Direttiva 7. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ vacancy forms li ġew approvati minn April 2022 sal-lum.

ARMS Ltd – Ħaddiema – Promozzjonijiet – Riżultati kontestati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk qattx kien hemm kontestazzjoni minn xi ħaddiem fl-ARMS dwar xi riżultat jew xorta oħra f’dak li għandu x’jaqsam ma’ promozzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kemm ilha mwaqqfa l-ARMS kien hemm tali kontestazzjoni.

ARMS Ltd – Ħaddiema – Promozzjonijiet – Riżultati kontestati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk teżistix proċedura fl-ARMS għal meta impjegat ma jaqbilx ma’ riżultat miksub minnu/minnha u jkun jixtieq jikkontestah? Jekk iva, tista’ tqiegħed id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali proċedura teżisti u hija stabbilita permezz tal-Ftehim Kollettiv.

Għawdex — New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser ikun possibbli li l-bdiewa kollha li qribhom tpoġġew il-mains tan-New Water ġewwa Għawdex, ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan l-ilma? Tista’ tgħid ukoll liema nħawi ġewwa Għawdex m’għandhomx aċċess għal dan l-ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull bidwi f’Għawdex għandu aċċess għal dan l-ilma mill-eqreb dispenser.

Sistema ta’ ġbir ta’ fliexken minn wara l-bibien

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sehem ser ikollhom il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni (CMD) fil-ġbir ta’ fliexken minn wara l-bibien tal-anzjani u tal-persuni li għandhom il-Blue Badge? Tista’ tgħid ukoll liema kriterji ntużaw biex ġew magħżula l-lokalitajiet li fihom ser titħaddem din is-sistema ta’ ġbir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 29468.

ERA — Monitoraġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-medja annwali tal-livelli ta’ PM 2.5, kif irreġistrati mill-istazzjonijiet kollha ta’ monitoraġġ tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għandhiex konsulenti ingaġġati mal-Ministeru tagħha? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi, min kienu dawn il-konsulenti, xi kwalifiki għandhom, x’inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għall-kull servizz ta’ konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll kif ingħataw dan ix-xogħol dawn il-konsulenti; jekk hux permezz ta’ direct order jew tender?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-konsulenti ingaġġati mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika huma mpjegati skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq San Duminku — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll jekk tafx meta ser jitkompla x-xogħol u jekk hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jassistu lill-kuntrattur biex jinbidlu s-servizzi għad-djar kif ukoll xi xogħol fuq il-mains ta’ din l-imsemmija triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 28232, inżid li x-xogħlijiet jinsabu għaddejjin b’kordinazzjoni mal-kuntrattur li qed iwettaq ix-xogħlijiet flimkien mal-Ministeru għal Għawdex.

San Ġwann — Ċentru - Proġett ta’ tħaddir - Pjanijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kien oriġinarjament responsabbli għad-disinn tal-pjanijiet għall-proġett ta’ tħaddir propost fiċ-Ċentru ta’ San Ġwann? Tista’ tispjega kif intgħażel u ngħata l-kuntratt min kien inkarigat li jagħmel dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kumpanija XYZ Architecture & Design kienet inħatret mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann biex tipprovdi kunċett inizjali għall-imsemmija żona. Hekk kif il-kunċett kompla jiġi żviluppat mal-Kunsill Lokali, ġiet sottomessa applikazzjoni lill-Awtorità għall-Ippjanar għall-ewwel fażi tal-proġett, dik ta’ parkeġġ taħt l-art f’Misraħ Lewża. Meta Project Green wirtet il-proġett mingħand il-Kunsill Lokali, bdiet il-proċess biex tingaġġa lil XYZ Architecture & Design biex tipprovdi l-kumplament tas-servizzi professjonali relatati ma’ dan il-proġett biex ikun jista’ jitkompla mingħajr dewmien.