Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – każijiet ta’ inġustizzja
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 166 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ inġustizzja ġie ttrattat, solvut, investigat u deċiż minn xi entità li taqa’ taħtu minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ l-Ministru jgħid minn min kien magħmul il-Bord jew entità li trattat tali każijiet ta’ inġustizzja? Jista’ jelenka (mingħajr ismijiet) l-ammont ta’ flus ordnati li għandhom jitħallsu (jew li diġà tħallas) u/jew xi rimedju ieħor ordnat/mogħti fl-ewwel 12-il każ biss għal kull entità/Bord fil-Ministeru tiegħu li qed jinvestiga l-inġustizzji?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-WasteServ, li taqa’ taħt d-dekasteru tiegħi, ittrattat 60 każ ta’ inġustizzja minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Diċembru 2017. Ir-rakkomandazzjonijiet għal kull każ ġew kunsidrati u ttieħdet l-azzjoni neċessarja mill-maniġment tal-kumpanija.
Il-Bord Indipendenti li ttratta dawn il-każi nħatar fit-12 ta’ Lulju 2013 u kien kompost minn Chairperson, żewġ Membri u Segretarju.
Fl-ebda każ ma ngħata kumpens monetarju bħala rimedju. Il-każi trattati kienu jirreferu għal
Human Resources
,
Occupational Health and Safety
, dixxiplina, trasfertimenti u promozzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-ħlasijiet li saru lill-persuna u/jew il-kumpanija, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet, kumpaniji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu mill-2013 sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Jista’ jgħid jekk dawn ingħatawx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Jista’ jaqsam il-ħlasijiet sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpelalnt li l-WasteServ tagħt Purchase Order ta €1,000 fis-sena 2017 lill-persuna u/jew il-kumpanija, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3751, jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-każijiet fis-sena 2016 u fis-sena 2017 (listi seperati) fejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) vvutat kontra l-vot tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 24 vot tal-Prof. Victor Axiak kienu kontra d-deċiżjoni tal-PA Board, 5 drabi fl-2016 u 19-il darba fl-2017.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kriterji li ntużaw fl-iskema pożittiva “Tħaddir fil-Komunitajiet” u li tagħha tħabbru r-riżultati fl-aħħar jiem?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji li jintużaw għal din l-iskema huma il-“Guidelines on Trees, Shrubs and Plants for Planting and Landscaping in the Maltese Islands” ippublikati mill-MEPA fl-2002 li jagħtu tagħrif dwar is-siġar, arbuxelli u ħxejjex li huma awtorizzati u addattati għat-taħwil fiż-żoni urbani ta’ Malta. Minn dawn il-pjanti mbagħad jintgħażlu dawk li huma aktar addattati għal ambjent partikolari tal-post fejn ser jitħawlu sabiex inkunu ċerti li dawn jikbru b’saħħithom. Din is-sena ser jitħawlu diversi speċi ta’ siġar u arbuxelli bħal siġar ta’ Guda, deru, arbutus, rihan, ġenista, gummar, siġar tal-virgi u ħafna oħrajn.
Il-Mosta — Triq il-Piżatur u l-Industrial Estate tal-madwar ta' Triq il-Fortizza - ġbir ta' skart
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk munzell skart fi Triq il-Piżatur u l-Industrial Estate tal-madwar fi Triq il-Fortizza fil-Mosta, għandux jinġabar mill-Kunsill Lokali jew mill-MIP, peress li t-tnejn li huma qed jitfgħu r-responsabilità fuq xulxin (kif jidher fid-dettalji li qed jidhru separatament), b'detriment lejn ir-residenti ta' Triq il-Fortizza u l-madwar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie prodott melħ, xahar b’xahar, minn meta nfetħu s-Salini Salt Pens li jinsabu bejn Kennedy Grove u Triq il-Kosta f'San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid kemm sar profitt minn din il-produzzjoni? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-preżent fuq il-produzzjoni tal-melħ f' dan is-sit u f’liema grad qegħdin u jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħlu iktar ħaddiema jaħdmu ġewwa s-Salt Pens?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-llum il-ġurnata s-Salini Salt Pens jaqaw taħt il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali iżda fil-ġejjini qrib ser jiġi mgħoddi lill-Ministeru tiegħi. Għal dan is-sit ġie ffirmat Heads of Agreement mal-Bird Life Malta.
Ninsab infurmat mill-istess Ministeru li r-restawr tas-salini tal-melħ fil-Bajja tas-Salina kien iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013 u tlesta f’Diċembru 2015. Dawn is-salini għandhom il-potenzjal li jipproduċu melħ iktar mill-produzzjoni tas-salini l-oħra kollha fil-gżejjer Maltin. Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013 ma jippermetix li l-fondi jintużaw għall-ħolqien ta’ bejjiegħ dominanti tal-melħ lokali fis-suq; liema obbligu jibqa’ jgħodd sas-sena 2020. Il-melħ ma nġabarx fis-sena 2016. Madwar 20 tunnellata melħ inġabru fl-2017 minn 2 salini biss; liema melħ jinsab kollu maħżun f’maħżen fis-Salina. Ninsab infurmat ukoll li hemm żewġ ħaddiema fil-grad t’Assistant Salt Worker jaħdmu fuq il-produzzjoni tal-melħ apparti xogħol ieħor ta’ manteniment tal-post. Hemm post vakant fil-grad t’Assistant Salt Worker.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proġett ta’ afforestazzjoni sar ġewwa Għawdex mit-8 ta Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid f'dawn il-proġetti ta' afforestazzjoni kemm-il siġra ġiet imħawwla? Jista’ l-Ministru jgħid fejn hu ppjanat li jsiru proġetti ta’ afforestazzjoni matul is-sena 2018 f'Għawdex?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi qiegħed f’diskussjoniet mal-Ministeru t’Ghawdex sabiex jsiru proġetti t’afforestazzjoni f’Għawdex.
Nikkonferma wkoll li l-Ministeru tiegħi beda x-xogħol tal-proġett t’afforestazzjoni ġewwa Kemmuna.
Għal dak li jirrigwarda l-iskema ‘Tħaddir tal-Komunitajiet’ ibbenifikaw 4 Kunsilli Lokali Għawdxin, fejn ħadu s-somma ta’ €104,570 kif ukoll hemm Kunsill Lokali Għawdxi li għadu kif ġie allokat €30,000. Dawn il-fondi ntefqu u ser jintefqu sabiex jiżdiedu aktar siġar u arbuxelli f’dawn il-lokalitajiet.
Adopt-A-Pet Allowances – adozzjoni minn Santwarji tal-Annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Adopt-A-Pet Allowance ta' €150 li tingħata lil kull min jadotta kelb jew qattus minn santwarju tal-annimali skont kif tħabbret fil-manifest elettorali, bdietx taħdem? Jekk iva, kemm-il allowance ingħatat s’issa? Jekk le, meta hemm pjan li tibda tingħata din l-allowance?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Adopt-A-Pet Allowance ta' €150 li tingħata lil kull min jadotta kelb jew qattus minn santwarju tal-annimali skont kif tħabbret fil-manifest elettorali, għada ma bdietx tingħata. Din l-allowance ħa tibda tingħata hekk kif tiġi stabilita s-sistema u jiġu allokati l-fondi neċċessarji.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35 u ċjoè: Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 605.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – Direct orders bejn l-2008 u l-2013
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tiegħu) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Malta Resources Authority – chairman u membri tal-Bord
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, min kienu ċ-chairman u l-membri tal-Bord tal-Malta Resources Authority (MRA), minn meta din twaqqfet sal-lum? Jista' jgħid kemm kien il-perjodu tal-ħatra ta’ kull membru, u jekk tul il-perjodu tal-ħatra kienx hemm xi membru li rriżenja jew twarrab mill-kariga?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi żewġ Tabelli fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3148, jista' l-Ministru jgħid x’ġara minnhom ir-rekords kollha tal-Bord ta’ Appelli dwar ir-Riżorsi? Jista' jgħid fejn qed jinżammu dawn illum u min hu responsabbli minnhom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ntqal fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari 3148, il-Bord tal-Appelli dwar ir-Riżorsi kien entità separata u distinta mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżosi u kien iżomm ir-rekords tiegħu. Dawn ir-rekords qatt ma setgħu jiġu mgħoddija lill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.
Jiena nfurmat li t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva li jisma’ l-appelli, jżomm l-informazzjoni min-naħa tat-Tribunal fl-arkivji tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Nirreferi għaż-żona ta’ akwakultura tas-Sikka l-Bajda fin-nofstanhar ta’ Malta li hija żona ODZ marittima u post temporarju li qed jiġi segwit b’monitoraġġ mill-Awtorità tal-Ippjanar filwaqt li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Agrikoltura qed iħejji analiżi xjentifika f’rapport. Huwa nnotat li n-numru ta’ gaġeġ tat-ton żdiedu ferm aktar minn dak li hu stipulat fil-permess (12) tal-operat u jirriżulta wkoll li ddaħlet pre-screening application biex jiżdiedu għal 24 gaġġa. Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal ir-rapport xjentifiku? Jista’ jgħid meta hu l-ħsieb li jitlesta? X’inhuma l-parametri li qed jiġu studjati? X’inhu l-oġġettiv?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm tħejjijiet mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura biex titwaqqaf żona ġdida tal-akkwakultura fil-grigal ta’ Malta, li għandha bżonn studji skont ir-Regolamenti tal-2017 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali u r-Regolamenti tal-2006 dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali. L-ERA ħarġet it-termini ta’ riferiment sabiex isiru dawn l-istudji.
F’Jannar tal-2018, l-ERA rċiviet id-Deskrizzjoni tal-Proġett għal din il-proposta biex jirduppjaw in-numru ta’ gaġġeġ tat-tonn minn tnax għal erbgħa u għoxrin. Id-deċiżjoni dwar din il-proposta teħtieġ studji skont ir-Regolamenti tal-2017 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali u r-Regolamenti tal-2006 dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali, bil-għan li jiġu mistħarrġa l-impatti fuq l-ambjent. L-applikant ġie nnotifikat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fis-6 ta' Frar 2018 b’din id-deċiżjoni. Il-proċess għadu fil-bidu tiegħu, u dettalji ulterjuri dwaru jkunu jistgħu jingħataw aktar ‘il quddiem.
Nirreferi għal akwakultura. Jista’ l-Ministru jgħid x’monitoraġġ isir min-naħa tad-dipartiment li kollox hu segwit skont is-sengħa u regolamenti internazzjonali? Il-kwoti tat-ton u l-closed cycle fish għas-sena 2018, baqgħu l-istess bħal 2017? Jista’ jgħid kemm huma għal kull kategorija għas-snin 2017 u 2018?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura jagħmel monitoraġġ regolari fuq il-fish farms. Dan il-monitoraġġ huwa mmirat fuq it-trawwim tal-ħut innifsu. Il-frekwenza tal-kontrolli tvarja wkoll skont it-tip ta’ proċess li jkun qiegħed iseħħ fil-farm partikolari, kif ukoll skont ir-rekwiżiti li joħorġu minn obbligi internazzjonali. Ta’ min jinnota li ċertu proċessi, bħal waqt il-qatla tat-tonn jirrikkjedu l-preżenza kontinwa ta’ Uffiċjali tad-Dipartiment u Osservaturi Reġjonali. M’hemm l-ebda kwota għall-closed cycle fish.
Fir-rigward tal-kwoti tat-tonn, m’hemm l-ebda relazzjoni bejn il-kwota tat-tonn maqbud mid-dgħajjes awtorizzati Maltin u dak li jiġi trasferit fil-
farms
Maltin. Il-kwota tat-tonn
(
Eastern Bluefin Tuna
)
fil-Mediterran żdiedet b’20% mill-2017 għall-2018. Bħala sajjieda Maltin il-kwota awtorizzata għas-sena 2017 kienet ta’ 270,996 Kg u l-kwota għas-sena 2018 hija ta’ 319,440 Kg.
Nirreferi għal Akwakultura tat-tonn. Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il żona offshore għandha? Qatt saru twiddibiet min-naħa tad-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura f’dan ir-rigward?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa hawn żona tal-akkwakultura offshore waħda, li tinstab fix-Xlokk ta’ Malta u nbeda il-proċess sabiex tiġi identifikata żona oħra offshore fil-Grigal ta’ Malta.
Ma kien hemm bżonn ta’ l-ebda twiddiba min-naħa tad-Dipartiment f’dan ir-rigward, minn meta dawn ġew rilokati fiż-żona tal-Akkwakultura.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess għar-riabilitazzjoni ta’ Wied Fulija? X’passi ħadet il-Wasteserve fl-aħħar xhur u meta huwa mistenni li jkun hemm pjan ċar għall-implimentazzjoni tar-riabilitazzjoni ta’ dan il-Wied?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Wasteserv qegħdha fil-proċess tal-applikazzjoni għall-ogħtja tal-fondi, u permess tal-Awtorità tal-Ippjanar. Ladarba jkun approvat il-permess ta’ żvilupp, u fondi mill-Unjoni Ewropea, tinħareġ sejħa għax-xogħlijiet.
Huwa pjanat li sal-aħħar ta’ 2018 ix-xogħol jibda' fuq il-post.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - direct orders
Question
Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 531.
Jista’ l-Ministru jgħid u jagħti separatament x’tunnellaġġ u x’tip ta’ materjal hemm akkumulat preżentament fis-Civic Amenity Sites? (Għall-fini tat-tweġiba, wieħed għandu jieħu d-data ta’ meta saret din il-mistoqsija parlamentari.)
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.