Legislature:
Category:
Reset
Active:

Akkomodazzjoni Soċjali – Lista ta’ Lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali (housing estates) f’Malta u f’Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu u f’liema sena tlestew?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fejn qed tiġi ppreżentata l-lista tal-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali tal-Awtorità tad-Djar u s-sena ta’ meta dawn ġew mibnija.

Akkomodazzjoni Soċjali – Lifts wieqfin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift mhux qed jaħdem fi blokok tal-akkomodazzjoni soċjali madwar Malta u Għawdex, fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jgħid ukoll f’liema blokka jinsab?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lifts li tamministra l-Awtorità tad-Djar fil-preżent huma kollha funzjonabbli. Meta jkun hemm rapporti dwar ħsarat, l-Awtorità tara li dawn jissewwew fl-iqsar żmien possibbli sabiex telimina l-inkonvenjenza bla bżonn lir-residenti ta’ dak il-blokk.

Akkomodazzjoni Soċjali — Applikanti mingħajr indirizz fiss

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi jsir f’każ li applikant għall-akkomodazzjoni soċjali ma jkollux indirizz fiss minħabba ċirkustanzi soċjali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta applikant għall-akkomodazzjoni soċjali ma jkollux indirizz fiss minħabba ċirkostanzi soċjali u jkun konformi mal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni, jista’ jintuża PO Box, indirizz ta’ NGO jew istituzzjoni. Fejn ikun hemm każijiet b’diffikultajiet soċjali u kumplessi, professjonisti li jaħdmu fil-komunità jagħmlu rapporti fejn jispjegaw is-sitwazzjoni, biex b’hekk l-Awtorità tad-Djar ikollha stampa aktar ċara dwar l-applikant.

Belt Valletta — Triq Sant'Ursula – Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb illi jirranġa l-partijiet komuni, inkluż il-bejt, tal-blokka fi Triq Sant' Ursula fil-Belt Valletta, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u jekk iva, meta?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Programm ta’ Riġenerazzjoni ta’ blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali għas-sena 2024 għadu qed jiġi mfassal mill-Awtorità tad-Djar. Madankollu, il-blokk imsemmi kien diġà bbenefika mill-iskema bi sħab bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Kunsilli Lokali fejn kienu saru xogħlijiet ta’ titjib fil-partijiet komuni tal-blokk mill-Assoċjazzjoni tar-Residenti permezz ta’ għotja finanzjarja li ngħatat mill-Awtorità tad-Djar. L-għotja globali għal din il-manutenzjoni kienet ta’ €8,291. L-Assoċjazzjoni tar-Residenti kienet obbligata li tkompli tagħmel il-manutenzjoni regolari meħtieġa fil-partijiet komuni sabiex dawn jinżammu fi stat tajjeb.

Awtorità tad-Djar – Applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikant hemm bħalissa quddiem l-Awtorità tad-Djar, għal xiri ta’ units, biex isiru sidien ta’ darhom?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 419-il applikant quddiem l-Awtorità tad-Djar għal xiri ta’ units biex isiru sidien ta’ darhom.

Allokazzjonijiet ġodda — Policy dwar il-kriterji tal-eliġibilità

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy dwar il-kriterji tal-eliġibilità għall-allokazzjonijiet il-ġodda?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – Żjarat fl-uffiċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna żaret l-uffiċini tal-Awtorità tad-Djar matul is-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2023 sat-30 ta’ Ottubru 2023, 7,586 persuna żaret l-uffiċini tal-Awtorità tad-Djar.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Nefqa fuq reklmar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa f’reklamar fuq is-sit soċjali Facebook mill-Ministeru fuq il-paġna Akkomodazzjoni tammonta għal €8,000 (excl. VAT). Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorità tad-Djar ma għamlet l-ebda reklamar fuq is-sit soċjali ta’ Facebook.

Akkomodazzjoni Soċjali – Social Impact Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel l-applikanti jingħataw akkomodazzjoni soċjali, isirx Social Impact Assessment, sabiex wieħed jara kif l-inkwilini l-ġodda ser jaffettwaw lil bqija tal-blokka u anki kif huma stess ser jiġu affettwati?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Studji Intensivi ta’ Social Impact Assessment sa issa mhux il-prassi tal-Awtorità tad-Djar li jsiru. Preżentament it-team tas-social work jagħmlu assessments qabel jiġu referuti għall-board tal-allokazzjoni. Dawn l-assessments jiġu mitqiesa sewwa mit-team u anke mill-Board.

Bejgħ ta’ postijiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiegħu postijiet lil inkwilini rikonoxxuti u li l-Gvern huwa s-sid tagħhom, fil-perjodu bejn is-sena 2021 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont totali sena b’sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2021 u llum inbiegħu 300 post lill-inkwilini rikonoxxuti u li l-Gvern huwa s-sid tagħhom. Dawn it-300 post inbiegħu kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:- 2021106 2022122 2023 – Sat -30 ta’ Ottubru 202372

Akkomodazzjoni Soċjali — Każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema pożizzjoni qiegħda fil-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jista' jagħti d-dettalji preċiżi ta' kif taħdem din il-lista ta’ stennija u l-kriterji kollha li jiġu applikati, inkluż jekk hemmx forma ta' first-come-first-served basis? Jista' wkoll jagħti indikazzjoni ta’ meta l-persuna għandha tistenna li tingħata tali akkomodazzjoni?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ stennija tiddependi minn fatturi varji fosthom is-sitwazzjoni preżenti tal-applikant u assessments li jsiru minn professjonisti fi ħdan l-istess Awtorità tad-Djar u li jagħtu stampa aktar ċara tal-bżonnijiet u l-għażliet tal-istess applikanti.

Awtorità tad-Djar – Persuni li qegħdin jgħixu fil-periklu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex informazzjoni ta’ persuni li qegħdin jgħixu f’dar mimlija perikli u jekk iva, kemm hu l-ammont?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 6 applikanti li qegħdin jgħixu fi proprjetà bil-periklu. L-Ewwel Każ Tkellimna mal-applikant ta’ dan il-każ sitt xhur ilu. Din hija proprjetà ta’ qabel l-1995 fejn bħalissa jinsabu għaddejjin bi proċeduri tal-qorti. L-applikant ikkonferma li jaċċetta allokazzjoni biss f’lokalità waħda. L-Awtorità tad-Djar ser tkun qed tagħmel aġġornament tal-assessment tal-applikant fil-jiem li ġejjin. Il-periklu tfaċċa għax il-proprjetà mhux mibnja kif suppost bil-konsegwenza illi bdew jidhru d-difetti. Is-soqfa m’għandhomx kuntrabejt u hemm penetrazzjoni qawwija ta’ ilma tax-xita. Barra minn hekk, hemm ukoll diversi konsenturi fil-ħitan. It-Tieni Każ Dan il-każ huwa każ dwar proprjetà ta’ qabel l-1995. L-applikanta għaddejja bi proċeduri l-qorti mas-sid, u fl-assessments (li l-aħħar wieħed sar f’nofs din is-sena) sostniet li trid għajnuna biss mill-Awtorità f’każ li tiġi żgumbrata. Semmiet ukoll li l-post huwa kbir u qeda tagħmel użu minn parti fejn il-periklu huwa inqas evidenti. Il-proprjetà hija antika ħafna u għandha ħafna umdità. Hemm soqfa li ġġarrfu u b’hekk il-kmamar ma jistgħux jintużaw. It-Tielet Każ Dan huwa każ dwar proprjetà antika. L-applikant riċentament ġie allokat żewg propjetajiet, liema propjetajiet ġew irrifjutati. Fil-proprjetà hemm 3 xorok maqsumin, 3 travi msaddin u xi travi tal-injam immermrin. Hemm periklu li l-ħajt ta’ ilqugħ fil-bitħa jċedi u jordom din il-proprjetà peress li hemm sinjali serji ta’ moviment fil-bażi tal-ħajt. Ir-Raba Każ Dan il-każ huwa dwar proprjetà ta’ qabel l-1995. L-applikant riċentament ġie allokat fond, liema fond ġie rrifjutat. Fil-proprjetà hemm penetrazzjoni ta’ ilma li qed jiġi mill-fond sovrastanti u li għandu xorok li qed jistrieħu fuq travi tal-ħadid imdendlin. Dawn is-soqfa huma kollha fi stat perikoluż peress li t-travi huma msaddin b’konsegwenza li diversi xorok inqasmu. L-ilma tax-xita qed iqattar mill-istess soqfa u qed jikkaġuna t-tixrib tas-saqaf tat-terran ta’ taħt. Il-Ħames Każ L-applikanti li joqogħdu fi proprjetà antika, riċentament kienu ġew allokati żewġ proprjetajiet differenti mill-Awtorità tad-Djar u li iżda l-applikanti d-darbtejn irrifjutaw il-fond. Il-proprjetà għandha l-faċċata deterjorata peress li xi partijiet ittieklu u partijiet oħra għandhom qsim fl-istruttura. Barra minn hekk, fuq ġewwa hemm ix-xorok u t-travi tal-injam li huma deterjorati u qed jikkawżaw problemi strutturali. Teżisti ukoll problema ta’ umdità. Is-Sitt Każ Din l-applikazzjoni daħlet f’nofs din is-sena u sar assessment inizjali. Il-proprjetà għandha fili miftuħin fil-faċċata, il-ħitan qed jitfarfru u huma deterjorati. Ġewwa hemm xorok maqsumin u travi msaddin peress li hemm ingress ta’ ilma.

Awtorità tad-Djar – Azzjoni dwar persuni bi sfidi differenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħda tagħmel l-Awtorità tad-Djar quddiem sitwazzjonijiet ta’ persuni li għandhom sfidi ta’ mobilità, jgħixu f’shelter homes, m’għandhomx indirizz, b’nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji, b’każijiet soċjali u li huma riferuti minn aġenziji, jew li jinsabu f’kirjiet tant għoljin li lanqas bis-sussidju mhuma jlaħħqu?

Response (GALDES, RODERICK)

Il-Ħidma tal-Awtorità tad-Djar għandha fil-qalba tagħha għajnuna lejn dawn in-nies vulnerabbli. Kontinwament qegħdin nassiguraw li mhux biss insaħħu u nwessgħu l-iskemi offurti fosthom id-Disability Scheme, Benefiċċju tal-Kera, Skemi għall-xogħlijiet strutturali fi djar privati jew mikrija b’kirjiet ta’ qabel l-1995 u li kollha ġew msaħħa din is-sena stess. Qegħdin ukoll neliminaw burokrazija żejda u ntejbu l-aċċess għal din l-għajnuna sabiex tasal fejn verament hemm bżonnha b’iktar effiċjenza.

Binjiet ta’ Akkomodazzjoni Soċjali — Rapporti ta’ mġiba ħażina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm rapporti ta’ mġiba ħażina f’binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali marbuta ma’ condominiums?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lil Onor. Interpellant li f’xahar l-Awtorità tad-Djar tirċievi madwar 40 ilment marbut ma’ condominiums. Kull ilment jiġi investigat u tittieħed l-azzjoni neċessarja immedjatament.

Tqassim ta’ postijiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqassmu postijiet tal-Gvern ġodda mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u f’liema lokalitajiet?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-20 ta’ Ottubru 2023, l-Awtorità tad-Djar allokat 736 proprjetà maqsuma skont il-lokalità kif ġej: Lokalità Total Attard 06 Baħar iċ-Ċagħaq 01 Birkirkara 44 Birżebbuġa 07 Buġibba 03 Burmarrad 03 Cospicua 71 Fgura 04 Floriana 05 Għajnsielem Għawdex 07 Għaxaq 06 Gudja 01 Gżira 27 Ħamrun 11 Kirkop 05 Lija 01 Luqa 01 Marsa 05 Marsalforn Għawdex 08 Mellieħa 03 Mġarr 01 Mosta 02 Mqabba 02 Msida 93 Nadur Għawdex 02 Naxxar 01 Paola 10 Pietà 01 Qala Għawdex 02 Qawra 30 Qormi 36 Qrendi 34 Rabat 31 Rabat Għawdex 09 San Ġwann 25 San Lawrenz Għawdex 01 Sannat Għawdex 02 Senglea 01 Siġġiewi 31 St Julians 02 St Paul's Bay 36 Sta Luċija 13 Sta Venera 17 Ta' Xbiex 01 Tarxien 21 Valletta 31 Vittoriosa 04 Wied il-Għajn 03 Xaghra Għawdex 07 Xewkija Għawdex 01 Xgħajra 01 Xlendi 05 Żabbar 20 Żebbuġ 09 Żejtun 03 Żurrieq 29 736

Bormla – Dar it-Tama

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minn “Dar it-Tama” f’Bormla u jekk kinitx ingħatat mill-Awtorità tad-Djar peress li x-xogħol li kien isir mill-NGO kien ġie ddikjarat xolt? Jista’ jgħid ukoll jekk kinitx inxtrat jew jekk għadhiex taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li “Dar it-Tama” f’Bormla għadha sal-lum il-ġurnata tilqa’ bħala residenti, ex-ħabsin li ma jkollhomx saqaf fuq rashom. L-Awtorità tad-Djar kienet allokat residenza lill-Għaqda Mid-Dlam għad-Dawl fis-sena 2007 ġewwa 149, Triq Matty Grima, Bormla. Il-Binja inkwistjoni qatt ma nxrat mill-NGO msemmija.

Evictions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il eviction saret, sena b’sena, mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mis-sena 2021 sat-23 ta’ Ottubru 2023 saru s-segwenti żgumbramenti: Sena Numru ta’ Żgumbramenti 2021 19 2022 31 2023 - Ottubru 19

Pjan għal persuni li minħabba problema ta’ droga huma homeless

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jindirizza l-bżonnijiet ta' persuni li minħabba problema ta’ droga jispiċċaw homeless?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.