Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet - attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontenut ta’ din l-interpellanza jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar l-interpellanzi mill-Ordni Permanenti 27 peress li l-interpellanza fiha imputazzjoni (u ċioè li s-sottoskritt jew persuni li jmexxu dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu ġew ospitati privatament minn ‘xi membru tal-ġudikatura’) u wkoll peress illi tirrelata għall-kondotta ta’ persuna mhux fil-kariga uffiċjali jew pubblika tagħha.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali - attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontenut ta’ din l-interpellanza jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar l-interpellanzi mill-Ordni Permanenti 27 peress li l-interpellanza fiha imputazzjoni (u ċioè li s-sottoskritt jew persuni li jmexxu dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu ġew ospitati privatament minn ‘xi membru tal-ġudikatura’) u wkoll peress illi tirrelata għall-kondotta ta’ persuna mhux fil-kariga uffiċjali jew pubblika tagħha.

Abbużi fuq tfal minorenni

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm rapporti lill-Pulizija ta’ abbużi fuq minorenni fis-sena 2017 u matul is-sena l-oħra u kemm tressqu persuni l-Qorti? Jista’ jgħid kemm ingħataw sentenzi in konnessjoni ma’ dawn l-abbużi serji?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministru kkonċernat. Fir-rigward it-tieni u tielet parti tal-mistoqsija, fir-rigward tal-Qorti ta’ Malta, l-informazzjoni hija kif imniżżla hawn taħt: Fir-rigward tas-sena 2017 kien hemm 39 każ ġdid. Fir-rigward tas-sena 2018 kien hemm 36 każ Fl-2017 kien hemm 33 każ li ġie deċiż, 4 kienu liberati u 29 instabu ħatja. Fl-2018 kien hemm 39 każ li ġie deċiż, 5 kienu liberati u 34 instabu ħatja. Fir-rigward tal-Qorti ta’ Għawdex dawn it-tip ta’ kawżi jidħlu mal-kumpliazzjonijiet l-oħra kollha mingħajr distinzjoni dwar is-suġġett li jkunu jirrigwardaw, apparti dawk li għandhom x’jaqsmu mad-droga, u ma tinżammx statistika.

Kunsill Lokali Marsaskala – Qsim ta’ Fondi 2018

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif tqassmu l-fondi allokati lill-Kunsill ta’ Wied il-Għajn is-sena l-oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Hawn taht hawn tabella li tindika t-tqassim tal-fondi allokati lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għas-sena 2018. Kunsill Lokali Marsaskala€ Allocation in terms of Article 55 of the Local Councils Act2018 Parks and Gardens31,175.22 Public Conveniences31,758.22 Urban Maintenance 132,791.78 Rural Maintenance43,479.39 Street Sweeping84,225.86 Rural Cleaning18,904.08 Waste Management 311,716.93 Waste Tipping Fees74,036.00 Administration168,423.45 Total896,510.93

ħlasijiet għall-importazzjoni ta' pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rati ta' ħlasijiet li persuna jkollha tħallas biex ikun mogħtija l-permess li timporta jew iġġib f'pajjiżna pestiċidi? Il-Gvern għal liema pestiċidi jitlob li jsir ħlas biex jingħata l-permess?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda ħlas għal min jimporta jew iġib il-pestiċidi f’pajjiżna, u l-ħlas li hemm huwa għaċ-ċertifikazzjoni biex topera bħala distributur ta’ pestiċidi u għall-awtorizazzjoni/notifika tal-prodott. · Għaċ-ċertifikazzjoni biex topera bħala distributur - il-ħlas huwa ta’ 25 ewro. · Għan-notifika ta’ bijoċidi, il-ħlas huwa ta’ 75 ewro. · Għall-awtorizazzjoni tal-pestiċidi hemm ħlas ta’ bejn 50 u 500 ewro meta dawn ikunu diġà ġew awtorizzati fi-Stat Membru Ewropew ieħor jew għall- parallell imported . Dan il-ħlas ivarja skont ir-riskju tal-prodott hekk kif definit fil-liġi u l-inqas ħlas japplika meta l-applikazjoni issir mill-bidwi nnifsu għal użu tiegħu. F’każ ta’ prodotti li se jitqiegħdu fuq is-suq Ewropew għall-ewwel darba, applikant jista’ jagħżel f’liema Stat Membru jagħmel l-evalwazzjoni xjentifika u f’dan il-każ ikun hemm ħlasijiet rispettivi stabbiliti skont prinċipji fil-leġiżlazzjoni Ewropeja. L-awtorizazzjoni/notifika tal-prodotti hija għal terminu speċifiku u marbuta mal-perjodu t’awtorizazzjoni tas-sustanza attiva hekk kif stipulat fil-liġi. Kull pestiċida għandu bżonn awtorizazzjoni/notifika qabel ma jitpoġġa fuq is-suq u l-ħlas huwa hekk kif diġà msemmi.

Proġett “Finanzjament għall-Ħidma tal-Każini tal-Baned”

Question

B’referenza għall-proġett “Finanzjament għall-Ħidma tal-Każini tal-Baned” jista’ l-Ministru jgħid: a) kemm kien in-numru ta’ każini tal-baned li applikaw; b) liema kienu dawn il-każini u kemm kien l-ammont ta’ finanzi li ngħataw separatament; u c) jekk kien hemm każini li applikaw u ma ngħatawx finanzi, x’kienet ir-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-programm “Finanzjament għall-Ħidma tal-Każini tal-Baned” applikaw 29 każin ghas-sena 2017 u 41 għas-sena 2018. Iz-zieda fl-ammont ta’ applikazzjonijiet turi s-suċċess ta’ dan il-programm. Fl-2017 ibbenefikaw 21 Soċjetà Mużikali fl-ammont globali ta’ €166,395.39. Il-lista tas-Soċjetàjiet li bbenefikaw hi s-segwenti: 2017 La Vittoria Band Club Mellieha Għ. Muż. Marija Bambina, Naxxar Soċ. Muż. L’Isle Adam, Rabat Soċ. Muż. San Ġużepp, Kalkara Għ. Muż. Santa Marija, Għaxaq Soċ. Fil. San Lawrenz, Birgu Soċ. Fil. Santa Marija, Żebbuġ Għawdex Stella Maris Band, Sliema Għ. Muż. Banda San Ġużepp, Għaxaq Għ. Muż. Sant’Anna, Marsascala Għ. Muż. Sant’Elena, Birkirkara Għ. Muż. Beland, Żejtun Soċ. Fil. Madonna tal-Ġilju, Mqabba Soċ. Fil. Banda Birżebbuga AD1990, Birżebbuga Soċ. Fil. Unjoni, Luqa Soċ. Fil La Stella, Rabat, Gozo Soċ. Fil. Sta. Marija, Banda Re Gorg V, Mqabba Soċ. Muż. Sta. Katerina Misraħ ir-Repubblika Għ. Muż. San Leonardu, Kirkop Għ. Muż. San Gabriel, Balzna Soċ. Muż. Peace, Naxxar Fl-2018 ibbenefikaw 30 Soċjetà Mużikali fl-ammont globali ta’ €152,496.00. Il-lista tas-Soċjetàjiet li bbenefikaw hi s-segwenti: 2018 Soċjetà La Stella Levantina, Banda Santa Marija, Attard Għaqda Banda Żejtun Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq Għaqda Mużikali Santa Marija, Għaxaq Soċjetà Filarmonika, L-Unjoni, Luqa Soċjetà Mużikali Beland, Żejtun Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, Mqabba Għaqda Mużikali Sant Elena, Birkirkara Għaqda Mużikali Imperial, Mellieħa Għaqda Mużikali Banda San Filep, Ħaż-Żebbuġ Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru, Rabat, Malta Soċjetà Filarmonika La Vittoria, Mellieha Soċjetà Filarmonika Stella Maris Soċjetà Filarmonika, Santa Marija, Żebbuġ, Għawdex Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own, Birgu Peace Band Club, Naxxar Soċjetà Mużikali San Ġużepp, Ħal Kirkop Għaqda Mużikali San Leonardu, Kirkop Ċirkolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Famiglia, Kalkara Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, Mqabba Soċjetà Filarmonika Nicolo Isouard, Mosta Għaqda Mużikali San Ġużepp, Ħal Għaxaq Soċjetà Mużikali Santa Katarina, ¯urrieq Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu Fgura Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, Naxxar Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri, Qormi Każin Banda San Pawl, Safi Għaqda Mużikali Sant'Anna, Marsascala Ghaqda Mużikali San Giljan B’hekk, il-medja ta’ fondi li s-Soċjetàjiet Mużikali kkonċernati bbenefikaw minnhom kienet ta’ €7,923.59 fl-2017 bejn 21 Soċjetà Mużikali u €5,083.2 fl-2018 bejn 30 Soċjetà Mużikali. Irrid ngżid li l-evalwazzjoni tal-proġetti u d-deċiżjoni dwar il-finanzjament tagħhom u f’liema ammonti ssir mill-Għaqda Kazini tal-Banda b’koperazzjoni mal-Kunsill Malti ghall-Arti. Irrid nirringrazzja lill-Għaqda Każini tal-Banda tal-ħidma eccellenti li tagħmel f’dan ir-rigward għaliex r-rwol tagħha f’dan il-programm ta’ fondi huwa kruċjali. Intant infurmat li xi każini ma ngħatawx fondi peress li ma kienux konformi mal-liġi tal-Organizzazzjonijiet Volontarji, jew kellhom proġett li għadu mhux konkluż li qed jibbenifikaw min fondi oħra li jipprovdi l-Kunsill, jew l-każin ma kienx eliġibli skond il-kriterji li hemm mniżżel fl-applikazzjoni.

Kunsill Lokali Marsaskala – proġetti

Question

Bil-flus li se jiffranka mit-toroq il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti għandu biex jimplimenta dan il-Kunsill Lokali għall-benefiċċju tar-residenti tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-proġetti li l-kunsill għandu ppjanati biex jimplimenta għall-benefiċċju tar-residenti tiegħu huma: 1. Twettiq ta’ bosta proġetti ta' tisbih u manutenzjoni fil-Lokalità. 2. It-tlestija tal-proġett ta' Żonqor P layingfield li se jiġi jiswa 'l fuq minn €160,000. 3. Fis-7 ta' Frar 2019 infetħu l-offerti għat-tisbiħ ta' Ġnien Sant'Anna, proġett li stmat li jiswa ‘l fuq minn €100,000. 4. Il-Kunsill Lokali għaddej bl-evalwazzjoni tas-sejħa għall-ewwel fażi tal-bini tal-uffiċini Amministrattivi. Il-bini huwa stmat li jiġi jiswa ‘l fuq minn €700,000. 5. Ser jitwettqu diversi xogħlijiet ta' patching hekk kif jiġi aġġudikat it-tender il-ġdid ta' patching u manutenzjoni ta' toroq. Dan sar peress li din is-sena, il-Gvern Ċentrali se jagħmel total ta' tlett toroq mil-ġdid. 6. Ser jitwettqu xogħlijiet ta' patching f'ħafna toroq fosthom Triq id-Daħla ta' San Tumas, La Sengle, Triq tal-Gardiel u bosta toroq oħra. 7. Il-Kunsill Lokali ser jwettaq ukoll proġett "Europe for Citizens" bil-fondi tal-Unjoni Ewropea. Ta’ min isemmi li l-Kunsill Lokali ser jibqa’ xorta waħda responsabbli taż-żamma u l-manutenzjoni tat-toroq kollha. Għaldaqstant hu alloka l-istess ammont ta' fondi fuq manutenzjoni ta' toroq.

Deputati Reġistraturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk id-Deputati Reġistraturi li kienu jġorru l-grad ta’ Prinċipal jew Uffiċjal fi Skala 10 fid-data li ġie ffirmat il-ftehim settorali fit-13 ta’ April 2017 u ġew assimilati fi grad/skala ħażina minħabba interpretazzjoni żbaljata min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Qrati, mhux ser jingħataw l-arretrati dovuti lilhom mit-13 ta’ April 2017 sal-5 ta’ Lulju 2018? U dan wara li l-amministrazzjoni tal-Qrati ser timplimenta s-suġġeriment tal-konċiljatur u d-Deputati Reġistraturi ser jingħataw biss l-arretrati b’effett mis-6 ta’ Lulju 2018. Kemm hemm Deputati Reġistraturi f’Malta kif ukoll f’Għawdex li ġew affetwati b’din l-interpretazzjoni żbaljata tal-ftehim settorali? Ġaladarba saret din l-inġustizzja mad-Deputati Reġistraturi, għalfejn m’għandhiex issir ġustizzja magħhom, billi jingħataw l-arretrati kollha dovuti lilhom, meta qegħdin f’post fejn suppost issir ġustizzja?

Response (BONNICI, OWEN)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-ammininistrazzjoni tal-Qorti mxiet mar-rakkommandazzjoni tal-Bord ta’ Konċiljazzjoni u dan bi prassi u konformità mal-prattika tar-relazzjonijiet industrjali. In-numru ta’ Deputati Reġistraturi affettwati kienu 33 f’Malta u 6 f’Għawdex.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontenut ta’ din l-interpellanza jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar l-interpellanzi mill-Ordni Permanenti 27 peress li l-interpellanza fiha imputazzjoni (u ċioè li s-sottoskritt jew persuni li jmexxu dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu ġew ospitati privatament minn ‘xi membru tal-ġudikatura’) u wkoll peress illi tirrelata għall-kondotta ta’ persuna mhux fil-kariga uffiċjali jew pubblika tagħha.

Miżuri għall-konformità ma’ Regolament UE 2016/1191 tal-Parlament Ewropew

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri se jittieħdu biex Malta tiġi konformi ma' Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE u li jibda japplika fl-intier tiegħu fis-16 ta' Frar 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kummissjoni Elettorali – ġurament għal votazzjoni kmieni — persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Elettorali hux se taħtar persuni barra minn Malta li quddiemhom jista' jittieħed ġurament skont l-Art. 77(3A)(a) tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354) biex elettur jivvota kmieni fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali f'Mejju li ġej bħalma kien ġara fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali?

Response (BONNICI, OWEN)

It-twegiba tinghata f’seduta ohra.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Assistenti Parlamentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kellux Assistenti Parlamentari fil-leġiżlatura ta' bejn is-sena 2008 u s-sena 2013? Jista’ jgħid x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta ma’ tali rwol, kemm dawk finanzjarji kif ukoll perkaċċi oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-leġiżlatura ta’ bejn is-sena 2008 u s-sena 2013 fil-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern kien hemm Assistent Parlamentari, li kien Beppe Fenech Adami. Għall-kundizzjonijiet nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Papers Laid numru 7378 tal-11-il Leġiżlatura li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ispeaker fl-10 ta’ Ġunju 2011. Fit-tweġiba, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm indikat li l-Assistenti Parlamentari bejn l-2008 u l-2013 kienu jitħallsu 65% ta’ Skala 1 tas-Servizz Pubbliku (ekwivalenti għal €29,577.60ċ, skont il-grad tal-lum), flimkien ma’ servizzi ta’ linja fissa tat-telefown u mowbajl.

Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – ċitazzjonijiet mill-Uffiċjali tal-Komunità fuq ġbir u separazzjoni tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet minn Uffiċjali tal-Komunità (wardens) bejn Novembru 2018 u l-aħħar ta’ Jannar 2019 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar (lokalità b’lokalità b’mod separat) b’rabta ma’ allegati nuqqasijiet ma’ ġbir/separazzjoni tal-iskart?

Response (BONNICI, OWEN)

Hawn taħt hawn tabella bl-informazzjoni mitluba. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-każ tan-Naxxar u San Pawl il-Baħar ma inagħtawx ċitazzjonijiet relatati ma’ ġbir jew separazzjoniji ta’skart. Mellieħa Nov-18Dec-18Jan-19 TRIQ L IZBARK TAL FRANCIZI124 TRIQ L-MARLOZZ1

Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – ċitazzjonijiet mill-Uffiċjali tal-Komunità fuq ġbir u separazzjoni tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema toroq u kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-Uffiċjali tal-Komunità (wardens) triq bi triq b’mod separat, dwar allegati nuqqasijiet b’rabta mal-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar bejn Novembru 2018 u l-aħħar ta’ Jannar 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 8614.

Raħal Ġdid – lapida ta’ Ftuħ ta’ Ġnien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-lapida li kienet tqiegħdet mill-Onor. Prim Ministru Dr Eddie Fenech Adami u l-Onor. Segretarju Parlamentari Stanley Zammit fl-1995 fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Ġnien Pawlu Boffa, Raħal Ġdid, hiex ser titqiegħed lura f’postha jew le?

Response (BONNICI, OWEN)

It-twegiba tinghata f'seduta ohra.

Residwi ta’ pestiċidi — laboratorji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6817 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jelenka liema laboratorju jew laboratorji fil-preżent qed jiġu ingaġġati biex janalizzaw ir-residwi ta’ pestiċidi f’kampjuni ta’ oriġini veġetali u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ analiżi ta’ residwi li qed isiru minn kull laboratorju rispettiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laboratorji li ġew ingaġġati biex janalizzaw ir-residwi ta’ pestiċidi f’kampjuni ta’ oriġini veġetali huma dawn li gejjin: 1. Istituto Zooprofilattico Sperimentale della Lombardia e dell’Emilia Romagna “Bruno Ubertini”. 2. Eurofins Dr. Specht Laboratorien GmBH Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ analiżi ta’ residwi.

Residwi ta’ pestiċidi — kampjuni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6818 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-laboratorji li fil-preżent qed jintużaw biex janalizzaw ir-residwi ta’ pestiċidi f’kampjuni ta’ oriġini veġetali huma akkreditati skont il-liġijiet eżistenti? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iScope of Accreditation ta’ dawn il-laboratorji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laboratorji li jintużaw biex janalizzaw r-residwi ta’ pestiċidi f’kampjuni ta’ oriġini veġetali huma akkreditati skont il-liġijiet eżistenti. Qed npoggi fuq il-mejda tal-kamra ċ-Ċertifikati tal-Akkreditazzjoni tal-laboratorji.

Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – nomina ta’ tliet persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-kumitat li se jinnomina t-tliet persuni għall-kariga ta’ Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċċess tal-għażla għaddej bħalissa u ghalhekk id-domanda hi intempestiva.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook li huma amministrati mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħra jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

It-twegiba tinghata f'seduta oħra.