Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vapur ROPAX ref. CT2379/2024 — Sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet is-sejħa għall-vapur ROPAX ref. CT2379/2024 li għalqet fit-2 ta' April 2025? Jista jgħid ukoll kemm kien hemm kumpaniji li wrew interess għal din is-sejħa u x'inhu l-pass li jmiss issa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda interess f’din is-sejħa. Mhux eskluż li s-sejħa terġa’ toħroġ fiż-żmien li ġej.

Vapur ROPAX ref. CT2379/2024 — Tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx analiżi tal-ispejjeż u studju ta’ fattibbiltà qabel ma nħareġ it-tender għall-vapur ROPAX ref. CT2379/2024? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji konċernati? Jista jgħid ukoll jekk kienx hemm xi affarijiet differenti f'din is-sejħa biex b'hekk ikun hemm iktar interess għal din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. li diversi konsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-esperjenzi preċedenti tal-kumpanija ġew meqjusa għall-fini ta’ din is-sejħa.

L-Awtorità tal-Ippjanar — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-iżvilupp għand l-Awtorità tal-Ippjanar li għadhom pendenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha sitt elef mitejn u erba’ u disgħin (6,294) applikazzjoni attiva vvalidatata u/jew ippubblikata.

CT3003/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF ULYSSES GROVE IN XEWKIJA, GOZO WITH A REDUCED ENVIRONMENTAL IMPACT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex id-data għas-sejħa 'CT3003/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF ULYSSES GROVE IN XEWKIJA, GOZO WITH A REDUCED ENVIRONMENTAL IMPACT' li kellha tagħlaq fl-10 ta' April 2025, ġiet immexxija ’l quddiem u issa se tagħlaq fil-25 ta' April 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-data ta’ skadenza tas-sejħa għall-offerti ġiet estiża fuq diversi talbiet minn operaturi kummerċjali interessati li jitfgħu l-offerta tagħhom għal din is-sejħa. Skont il-prassi, l-Awtorità Kontraenti tevalwa dawn it-talbiet u l-ġustifikazzjonijiet relatati u tagħti l-estensjonijiet kif meħtieġa u jekk meħtieġa.

CT3007/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF RURAL ROADS IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER – WIED JUNU, GHAJN ABDUN AND TRIQ TA’ SPITERI, L/O KERCEM AND SAN LAWRENZ, GOZO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex id-data tal-għeluq għas-sejħa 'CT3007/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF RURAL ROADS IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER – WIED JUNU, GHAJN ABDUN AND TRIQ TA’ SPITERI, L/O KERCEM AND SAN LAWRENZ, GOZO' li kellha tagħlaq fit-8 ta' April 2025, ġiet mibdula ftit ġranet qabel ma kellha tagħlaq u issa se tagħlaq fit-2 ta' Mejju 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-data ta’ skadenza tas-sejħa għall-offerti ġiet estiża skont il-prassi għaliex l-Awtorità Kontraenti ħasset il-bżonn li tiċċara dettal fl-istess sejħa għall-offerti.

Iċ-Ċirkewwa — Terminal - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet kienu qed isiru f'dawn l-aħħar ġimgħat u għadhom qed isiru fit-Terminal taċ-Ċirkewwa? Jista’ jgħid ukoll: i. Minn min qed isiru? ii. Kemm huma stmati li se jiġu jiswew? iii. Meta u fejn ħarġet is-sejħa biex isiru dawn ix-xogħlijiet? iv. Meta huma maħsuba li se jitlestew dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li qed isir fit-terminal taċ-Ċirkewwa jinkludi fost l-oħrajn l-provvista u l-installazzjoni ta’ membrane tal-waterproof tat-terminal; liema xogħol huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar ta’ Mejju. Apparti hekk qed issir kostruzzjoni, xogħlijiet ta’ finishing u kummissjonar ta’ proġett tal-e-ticketing fit-terminal taċ-Ċirkewwa u tal-Imġarr. Dawn ix-xogħlijiet mistennija li jitlestew sal-aħħar ta’ Awwissu. Dawn iż-żewġ proġetti qed isiru minn GM Developments Ltd, bl-ispiża mistennija tammonta għal € 166,303.00 (VAT eskluż) u € 472,137.52 (VAT eskluż), rispettivament. Is-sejħiet ġew ippubblikati nhar it-18 ta’ Jannar u nhar id-29 ta’ Settembru tal-2022, rispettivament, fuq l-e tenders epps.

In-Naxxar — Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet għall-permess tal-bini pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-permess tal-bini fin-Naxxar li bħalissa huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u li diġà ngħataw referenza (PA number, eċċ.)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet oħra li sa issa għadhom ma ngħatawx il-PA number fl-istess lokalità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta tal-Ippjanar għandha quddiemha mitejn, wieħed u tletin (231) applikazzjoni attiva għall-żvilupp fin-Naxxar li huma pendenti; u wieħed u ħamsin (51) applikazzjoni għal żvilupp fin-Naxxar li għadhom mhux ikkunsidrati kompluti.

Kiosks — Kemmuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ kiosks li jinsabu fuq Kemmuna li għandhom permess tal-ippjanar validu, u jindika l-post eżatt fejn jinsabu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għal kiosk fuq il-gżira ta' Kemmuna.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Nefqa fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

In-Nadur Għawdex – Triq l-Emigranti — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol fadal isir fi Triq l-Emigranti, fin-Nadur? Kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol, u għaliex f’dawn l-aħħar xhur ma tkompla ebda xogħol f’din it-triq? Jista’ jgħid ukoll jekk jafx meta ser jitkompla x-xogħol u meta x-xogħol f’din it-triq ser jitlesta minn kollox?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għad fadal isiru xogħlijiet relatati mas-sistema tad-drenaġġ, culvert tad-dawl, bankini ġodda u l-asphalt.

CT2299/2024 — ‘FRAMEWORK CONTRACT FOR PROVISION OF GENERAL ROAD WORKS INC. LAYING OF ASPHALT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet stmata s-sejħa CT2299/2024 - ‘FRAMEWORK CONTRACT FOR PROVISION OF GENERAL ROAD WORKS INC. LAYING OF ASPHALT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS FOR THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING’ meta ħarġet fis-suq u kemm ġiet awarded? Jista’ jgħid ukoll liema xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru permezz ta’ din is-sejħa fil-ġimgħat li ġejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti CT2299/2024 - "Framework Contract for Provision of General Road Works Including Laying of Asphalt in a Resource Efficient Manner which Considers Wider Environmental Impacts for the Ministry for Gozo and Planning" ġiet ippubblikata fl-24 ta' Ottubru 2024 u għalqet fil-25 ta' Novembru 2024. Wara li tlesta l-proċess ta' evalwazzjoni, din is-sejħa ġiet awarded għall-valur ta' €1,393,296.25. Bħalissa, il-Ministeru qiegħed iħejji u jippjana l-fażijiet ta' mobilizzazzjoni relatati ma' dan it-tender. Wara li jiġi ffinalizzat dan il-proċess ta' ppjanar, se tiġi definita lista ta' toroq u xogħlijiet li għandhom isiru, u x-xogħlijiet se jibdew minnufih.

ORNIS — Membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-ORNIS u xi kwalifiki u esperjenzi għandhom (ma’ dan is-suġġett) sabiex ikunu fuq dan il-bord?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-membri tal-Kumitat Ornis huma maħtura skont ir-regolament 10(2) tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.42 tal-Liġijiet ta' Malta.

Kaċċa fir-rebbiegħa

Question

Fid-dawl li hemm żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea li jitkellmu kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa u issa li reġa’ nfetaħ l-istaġun, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu biex jara li ma jkunx hemm proċess/sentenza oħra kontra Malta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux minnu li hemm żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea li jitkellmu kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa. L-unika sentenza tal-Qorti Ewropea dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa f’Malta hija dik fil-kawża C-76/08 Kummissjoni v Repubblika ta’ Malta datata 10 ta’ Settembru 2009. F’din is-sentenza, il-Qorti Ewropea kkonfermat li d-deroga tal-kaċċa fir-Rebbiegħa kienet ġiet applikata b’mod ħażin iżda kkonfermat li fil-prinċipju, il-kaċċa għall-gamiem u s-summien fil-Ħarifa mhix - fil-każ ta’ Malta - alternattiva sodisfaċenti għall-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-Rebbiegħa. Kif sar fis-snin preċedenti, il-Gvern Malti se jiżgura li r-regolamenti tal-kaċċa fir-Rebbiegħa jiġu infurzati b’mod strett skont il-kundizzjonijiet tal-liċenzja speċjali maħruġa apposta għal dan l-istaġun u skont il-parametri tad-deroga tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Environment and Planning Review Tribunal — Permessi taħt appell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser titwettaq il-wegħda li saret mill-Gvern biex ix-xogħlijiet ta’ applikazzjonijiet tal-ippjanar li jinsabu fi stadju ta’ appell jitwaqqfu sakemm ikun hemm is-sentenza mill-Environment and Planning Review Tribunal (EPRT)? Jista’ jagħti framework / timeline ta’ meta din ser iseħħ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-liġi jinstab fi stadju avvanzat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 26292.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Chief Executive Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-Chief Executive Officers tad-diversi aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid wkoll: (a) Kemm damu/ilhom fil-ħatra dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (ċ) X'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra ħadu/qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f'liema kariga/grad, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari,? (f) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f'liema kariga/grad qegħdin, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' ħatra u l-kuntratt ta' dawn iċ-Chief Executive Officers?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14446 u 22422.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar — Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet għall-estensjonijiet ta’ lukandi eżistenti jew lukandi ġodda

Question

Jista’ l-Minstru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-estensjonijiet ta’ lukandi eżistenti jew lukandi ġodda fil-Mellieħa u f’San Pawl il-Baħar (Buġibba, Qawra u Xemxija) b’mod separat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 15-il applikazzjoni għal lukandi, bdil fl-użu għal lukandi, u żidiet sostanzjali ma’ lukandi, li huma pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta tal-Ippjanar, maqsuma skont il-lokalità.

Għawdex — Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25134, dwar xogħlijiet meħtieġa fil-parti tat-triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq li ftit wara li kienet tranġat din bdiet tisfronda, fejn kien intqal li 't-tender ġiet awarded u bħalissa għaddejjin il-preparamenti neċessarji sabiex jinbeda x-xogħol', jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol inbedix u jekk hux ser ikun lest kollu kemm hu qabel jibda s-sajf 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur li għalih ġiet awarded is-sejħa u fiex ser ikun jikkonsisti x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender SPD3/2024/079 - Road works including the building of a gravity wall and resurfacing of part of Triq ta’ Ħondoq ir-Rummien Qala, Gozo in a resource efficient manner which considers wider environmental impacts ġiet awarded għas-somma ta’ Euro 399,312.97 (excl VAT). Ix-xogħol jikkonsisti fil-konsolidazzjoni tat-triq.

Għawdex — Anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Home Help

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna anzjani llum li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) ġewwa Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal dawn is-servizzi f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 1,065 persuna li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help). Bħalissa hemm 24 applikazzjonijiet pendenti li qed jistennew li jiġu assesjati sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-eliġibilità tal-applikazzjoni.