Għawdex – programm ta’ titjib ta’ toroq arterjali u residenzjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-programm ta’ titjib ta’ toroq arterjali u residenzjali f’Għawdex għal din is-sena? Liema toroq huma mdaħħlin fil-programm u kemm hi stmata li tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru bħalissa qed jistenna l-eżitu tal-proċess tas-sejħa għall-offerti biex imbagħad ikun jista' jqassam ix-xogħlijiet skont l-urġenza u l-prijoritajiet. Madankollu għalqet is-sejħa tal-offerti għal Periti sabiex jinbeda d-disinn tat-triq arterjali li tagħti min-Nadur għall-Qala li ser tkun tinkludi Triq it-Tiġrija n-Nadur, Triq il-Qala kemm fin-Nadur u fil-Qala, triq il-Mitħna l-Qala u Triq San Ġużepp il-Qala li twassal sal-pjazza.
Din it-triq l-aħħar li saret kien fis-sebgħinijiet u mistenniha tkun waħda mit-toroq arterjali li ser issir f’din leġiżlatura.
Apparti dan, qed nistenna l-appell jinqata' sabiex tkun tista’ tibda triq arterjali oħra mir-Rabat sa Marsalforn.
Ministeru għal-Għawdex — entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet li applikaw għal fondi tal-Unjoni Ewropeja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2021 u 2022? Jista’ jgħid għal liema fondi applikaw u x’kien l-eżtu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3928 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u issa ġiet referuta lilu u jgħid kemm hemm staff fit-taqsima tal-kultura li huma responsabbli għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-taqsima tal-kultura hemm 11-il impjegat.
Ministeru għal Għawdex — ħaddiema taċ-ċivil - vacation leave
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem taċ-Ċivil fil-Ministeru tiegħu għad għandhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 1,245 ħaddiem taċ-Ċivil fil-Ministeru li kien fadlilhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4367 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3721, jista’ jgħid fejn jinsabu dawn it-12-il binja ġodda (triq u raħal) mikrija mill-privat matul is-snin 2021 u 2022 u fiex jikkonsistu? Jista’ jgħid b’liema mod inkrew dawn it-12-il binja ġodda mikrija mill-privat? Meta u fejn ħarġet is-sejħa biex jinkrew dawn it-12-il binja u x'kera qed titħallas għal kull wieħed minn dawn it-12-il post? Jista’ jgħid ukoll għal liema skop inkriet binja mid-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3721 ma ngħatatx ir-raġuni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rabat, Għawdex – skola ġdida primarja u estensjoni tal-Middle School — pagamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq l-iskola ġdida primarja u l-estensjoni tal-Middle School fir-Rabat, Għawdex, sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid lil min sar kull pagament u kemm kien u jgħid ukoll ta' liema xogħol/servizz/servizzi kien dak il-pagament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li pagamenti fuq xogħlijiet ta’ exkavazzjoni u kostruzzjoni saru b’€3,149,226,86.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq il-Gozo Museum fir-Rabat, Għawdex sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid lil min sar kull pagament u kemm kien, kif ukoll jgħid ta' liema xogħol/servizz/servizzi kien dak il-pagament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Gozo Museum se jkun wieħed mill-aqwa attrazzjonijiet kulturali fil-pajjiż. Intant, il-pagamenti li saru s’issa fuq dan il-proġett jammontaw għal €4,077,870.
Għawdex – Xagħra – Triq ta’ Karkar – xogħol ta’ bini u rikostruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jindika bejn wieħed u ieħor meta se jibda x-xogħol ta' bini u rikostruzzjoni tat-Triq ta' Karkar fix-Xagħra, Għawdex, peress li f' dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fiha u din it-triq hi bla wiċċ u tinsab fi stat ħażin ħafna u taqa’ taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rikostruzzjoni ta’ din it-triq mistennija ssir fix-xhur li ġejjin. Infurmat ukoll li din it-triq qiegħda fi stat ħazin.
Għawdex – Kerċem — Għadira ta’ San Rafflu – xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 3368 u 4095, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fl-Għadira ta San Rafflu fil-limiti ta’ Kerċem u jistax jgħid ukoll liema awtorità hija inkarigata sabiex iżżomm l-ambjent tal-istess għadira nadif?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Għawdex – Skejjel Primarji ta’ Kerċem, Żebbuġ, Għarb u diversi skejjel oħra – xogħol ta’ tisbiħ u modernizzar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3647, 4088 u 4866 u jgħid matul is-sena 2022 sal-lum kemm kienet in-nefqa:
a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem;
b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ;
ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb; u
d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex?
F'kull każ, jista' jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 4866.
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2811, 3428, 3643, 3822 u 4862, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid:
a. min hi l-persuna li fil-preżent tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha;
b. ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna;
ċ. b'mod speċifiku kemm hemm Animal Welfare Officers f'din it-taqsima; u
d. xi grad għandhom it-tliet ħaddiema klerikali li hemm f'din it-taqsima.
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din is-sezzjoni qatt ma kien hemm u lanqas hemm uffiċjali li għandhom xi grad maniġerjali u kif ingħad fid-diversi risposti li ngħataw, din is-sezzjoni taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tad-direttur EkoGħawdex. Il-mistoqsijiet l-oħra ġew imwieġba ampjament fid-diversi risposti li ngħataw.
Port tal-Imġarr Għawdex – proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 20759 u 22730 tat-13-il Leġiżlatura dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta' Lourdes f'Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr), jista’ jgħid fiex waslu u meta bdew "il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-GRDA sabiex jiġu wkoll diskussi l-effetti ambjentali li tali proġett jista’ jikkawża"?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq għadha ma saritx.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi lill-NGO San Umberto biex tkun tista' torganizza esibizzjoni fl-iskejjel tal-Gvern ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll minn liema line-up/fond ittieħdu dawn il-flus?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Inerpellant li l-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Conservation of Wild Birds Fund) hu marbut ma' regolament 31 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S. 549.42) li jiġi ppubblikat kull sentejn. Dan il-Fond juża flus mil-vot tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi, flus li jinġabru mil-multi u miżati relatati mal-liċenzji tal-kaċċa u nsib. Minn dan il-Fond tingħata għajnuna finanzjarja, sa massimu ta' €100,000, lill-għaqdiet mhux governattivi, li jkunu konformi mal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap. 492), biex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet, proġetti, programmi u skemi relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Kull proġett jingħata sa massimu ta’ €20,000. Il-proġett ‘School Exhibitions’ kien wieħed mill-proġetti li ngħata l-fondi mis-sejħa li ġiet ippubblikata fl-2021 skont il-kuntratt ‘Conservation of Wild Birds Funding Scheme Grant Agreement No. 1/2021’. Dan il-Fond jissussidja sa 80% tal-ammont totali ta’ kull proġett, għalhekk mill-ammont totali ta’ €9,936, li hu l-ammont totali li ġie dikjarat li se jiswa dan il-proġett, ‘School Exhibitions’ ħa jingħata l-ammont totali ta €7,948. Skont il-linji gwida tal-Fond, 50% tal-ammont dovut jingħata hekk kif jiġi ffirmat il-kuntratt, u l-50% l-oħra jingħataw meta il-proġett ikun konkluż. L-ammont finali jingħata biss meta l-Organizzazzjoni Volontarja tippreżenta l-irċevuti relatati mal-proġett u rapport finali. S’issa l-proġett ‘School Exhibitions’ li jinkludi wirjiet fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, ingħata l-ammont ta’ €3,974. Skont l-irċevuti li se jiġu preżentati mill-Kaċċaturi San Ubertu wara li jiġi konkluż il-proġett f’Ġunju, huma se jingħataw il-50% l-oħra dovuti.
Ninformak ukoll li fl-istess approvazzjoni tal-proġett tal KSU ġew approvati u mogħtija fondi għal dawn il-proġetti
1.
Barn Owl Re-Introduction Phase IV
implimentat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK).
2.
Turtle Doves Captive-breeding for Release into the Wild
Phase II
implimentat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK).
3.
Tracking Mediterranean Gulls and Yellow-legged Gulls
implimentat min-BirdLife Malta (BLM)
4.
Making Malta Greener
implimentat min Kaċċaturi san Ubertu (KSU)
Ministeru għal Għawdex – Uffiċjali li qed jiġu rimborżati għall-użu tal-karozza privata tagħhom fuq xogħol uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fil-Ministeru għal Għawdex, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li qegħdin jiġu rimborżati għall-użu tal-karozza privata tagħhom fuq xogħol uffiċjali? Jista’ jgħid x’inhu l-grad tagħhom u l-pożizzjoni li qegħdin jokkupaw, kif ukoll l-ammont ta’ flus li rċevew matul is-sena 2022 għal dan il-għan? Jista’ jgħid ukoll min ta l-approvazzjoni għal tali rimborż f’kull każ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rimborż li l-uffiċjali qegħdin jirċievu huwa skont il-kuntratt jew ftehim kolletiv.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti n-Negotiated Procedure li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex: MGOZ NP02/2023 - Supplies Negotiated Procedure for the Provision of Incontinence Diapers, Pull-Ups, Pads and Inco Sheet for Senior Citizens and Persons with Special needs for the Ministry for Gozo'? Jista’ jgħid għaliex ħarġet permezz ta’ negotiated procedure u għal kemm hu l-perjodu ta' żmien ta' din is-sejħa, kemm hi stmata u meta tagħlaq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm proċeduri fil-Qorti għaddejjin fuq it-tender tal-Incontinence Diapers, Pull-Ups, Pads and Inco Sheets fro Senior Citizens and Persons with Special Needs. Minkejja dan, is-servizz irid jibqa’ jingħata.
Ministeru għal Għawdex – inċentivi għal kumpaniji fl-Industrija Diġitali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ inċentivi (fiex kienu jikkonsistu) offra l-Ministeru tiegħu biex jiġu attirati kumpaniji u kemm ġew attirati fl-Industrija Diġitali 'digital companies' fil-gżira Għawdxija fil-binja tal-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija, Għawdex? Jista’ jgħid fil-preżent x'tip ta’ inċentivi qed joffri l-Ministeru tiegħu biex jiġu attirati kumpaniji fl-Industrija Diġitali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fuq xogħol ta’ embellishment
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq, areas, ġonna u roundabouts f’Għawdex li huma indukrati/miżmuma (embellished) mill-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema fuq dan ix-xogħol u xi grad għandhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn tnaddfu widien f’Għawdex matul is-snin 2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti t-tindif u kemm kienet l-ispiża fuq kull wied li tnaddaf? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej u kemm kien l-ammont ta' finanzjament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn is-snin tħejjew il-permessi neċessarji biex isir it-tindif tal-widien. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena se jkunu qed jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għat-tindif ta’ 12-il wied madwar Għawdex. It-tindif ta’ dawn il-widien għandhom allokat kofinanzjament tas-somma ta’ €2,316,736.00, li minnhom 80% huma ffinanzjati minn fondi Ewropej filwaqt li l-20% l-oħra huma ffinanzjati minn fondi nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mistennija tkun l-ispiża fuq il-proġett kollu tal-Park and Ride fix-Xewkija u kemm minn din l-ispiża se tkun koperta minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid meta għandu jibda jintuża dan il-park and ride? Jista' jgħid ukoll kemm-il metru kwadru ta' art se jkun ikopri dan il-proġett ta' park and ride u żona rikreattiva?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li stima tal-ispiża fuq ix-xogħol tal-Park and Ride fix-Xewkija mistennija tkun ftit 'il fuq minn €7.0 miljun, li €4.7 miljun minnhom huma fondi Ewropej. L-operat tal-Park and Ride minn dan is-sit mistenni jibda minn l-ewwel kwart tas-sena 2024.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi użati mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ta' liema ditta huma? Jista' jgħid ukoll liema huma dawk il-karozzi li jintużaw fil-weekends u fil-festi? Min jagħmel użu minnhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li karozzi użati mill-Ministeru u d-dipartimenti hemm tlieta u tletin. Sittax minnhom huma tad-ditta KIA, tnejn tad-ditta FORD, ħamsa huma tad-ditta OPEL, tnejn tad-ditta TOYOTA, waħda tad-ditta RENAULT, oħra tad-ditta HYUNDAI, tnejn tad-ditta SEAT, oħra Dacia, oħra tad-ditta VOLKSWAGEN u tnejn tad-ditta PEUGEOT.