Tista' l-Ministru tara li l-mediċina Ranfaxine XL al-75mg tkun disponibbli fl-Ispiżerija tal-Gvern għaliex kien hemm lamenteli li din il-mediċina mhux dejjem qed tkun disponibbli?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-mediċina msemmija hija disponibbli.
Għawdex — Triq ta' Pinu u tal-Imġarr - Spezzjonijiet fuq xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il darba saru spezzjonijiet fuq xogħlijiet fit-toroq ta' Pinu u tal-Imġarr? Meta saru dawn l-ispezzjonijiet, minn min u x'kien l-eżitu tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li spezzjonijiet fuq xogħlijiet fit-Triq ta' Pinu jsiru regolarment mill-Project Management Team li ngħata l-kuntratt biex jissorvelja x-xogħlijiet u jara li huma skont il-kundizzjonijiet li hemm fil-kuntratt.
Dwar it-Triq tal-Imġarr, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Onor. Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16270 fejn skont il-Ministru l-konsum tal-Lescol f'Għawdex huwa ta' madwar 42,000 pillola fix-xahar. Fix-xahar ta' Frar 2010 kienu ingħataw 47,700 pillola u fl-aħħar ta' Marzu 2010 reġgħu ngħataw 28,500 pillola oħra mill-Governmental Pharmaceutical Services, jiġifieri l-provvista ta' Lescol li l-Governmental Pharmaceuical Services taw lill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex għal xaharejn (Frar u Marzu) tammonta għat-total ta' 76,200. Jekk skont il-Ministru l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għandu bżonn ta' 84,000 pillola u d-differenza fl-ammont hija ta' 7,800, min ma ngħatax dak li kien intitolat għalih, se jingħata d-differenza tal-ammont li baqgħalu jieħu? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negativ, għaliex le? Il-pubbliku Għawdxi kif ikun jaf li wasal il-Lescol billi jmur kuljum jistenna fil-kju, jew forsi billi jistaqsi lil xi ħadd fil-Ministeru għal Għawdex? Min ma jagħmlix hekk, jibqa' b'xejn bħalma ġara s'issa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pubbliku jkun jaf li waslu l-pilloli billi jew iċempel l-ispiżerija tal-isptar t'Għawdex jew jiġi personalment l-ispiżerija biex jistaqsi. L-aħħar stock ta' Fluvastatin (il-mediċina li hemm fil-pilloli Lescol) li ngħata mill-Governmental Pharmaceutical Services kienu Fluvastatin 20mg u mhux Fluvastatin 40mg. L-ammont li ngħata kien ta' 8550 pillola. L-aħħar informazzjoni li tawna l-Governmental Pharmaceutical Services hija li s'issa m'għandhom l-ebda data meta mistenija jaslu l-pilloli Fluvastatin 40mg.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont dovut, fil-15 ta' April 2010, lill-esperti mqabbda mill-qorti kriminali f'Għawdex? Kemm imur lura l-aktar ħlas antik dovut? Għaliex dawk l-esperti mqabbda mill-qrati kriminali f'Malta, huma bejn wieħed u ieħor up to date fil-ħlas b'differenza għal dak li jiġri f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li sal-15 t'April 2010, l-ammont dovut kien ta' €43,170.95. L-aktar pagament antik hu tas-sena 2008.
Il-Ministeru għal Għawdex qed jistħarreġ kif jista' jitħallas l-ammont dovut.
Tista' l-Ministru tispjega f'liema jiem ma kienx hemm misħun fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? F'liema swali? Għal kemm ħin? Kemm-il pażjenti ġie affetwat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fl-ebda ġurnata ma kien hemm nuqqas ta' misħun fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
Baħar tad-Dwejra — Marine Special Area of Conservation
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex il-baħar tad-Dwejra jsir Marine Special Area of Conservation u biex jinħolqu MSACs oħra? X'inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2011 u fl-2012 fuq dawn l-inizjattivi? X'inhi n-nefqa s'issa fuqhom? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Prim Ministru.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jiġi provdut trasport pubbliku effiċjenti f'Għawdex? X'inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2011 u fl-2012 fuq din l-inizjattiva? X'inhi n-nefqa s'issa fuqha? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ir-riforma għal trasport pubbliku aktar effiċjenti f'Għawdex hija parti mir-riforma tat-trasport pubbliku fuq bażi nazzjonali. Għall-kumplament tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid f'liema oqsma l-Ministeru tagħha qed iwettaq politika reġjonali għal Għawdex? X'inhi l-politika reġjonali li qed titwettaq f'kull wieħed minn dawn l-oqsma?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, il-Ministeru għal Għawdex twaqqaf sabiex jixpruna l-iżvilupp f'kull qasam tal-gżira Għawdxija. Il-Gvern jagħraf li Għawdex għandu karatteristiċi partikolari u għalhekk bżonnijiet differenti minn dawk ta' Malta u fassal politika li hija mmirata direttament lejn l-esiġenzi ta' din il-gżira. Grazzi għall-ħidma partikolari tal-Ministeru flimkien mal-ħidma kollettiva tal-Gvern preżenti, Għawdex hu llum ukoll meqjus bħala reġjun fuq livell tal-politika Ewropeja. Din il-politika tfisser, fost l-oħrajn, li mill-anqas 10% tal-fondi mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2007-2013 qegħdin ikunu wżati għall-benefiċċju ta' Għawdex. Din il-politika reġjonali għal Għawdex tħaddan ukoll il-viżjoni Eko-Għawdex li tippromwovi inizjattivi f'kull qasam għal din il-gżira li jirrikonoxxu l-potenzjal u l-isfidi li għandha.
Tista' l-Ministru tgħid min jirrakkmanda, min jistabbilixxi u min japprova x'għandhom ikunu s-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex fil-qasam tal-agrikoltura f'Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabbilixxi u min japprova x'għandu jkun in-numru ta' l-uffiċjali fid-dipartiment tal-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabbilixxi u min japprova x'għandhom ikunu l-gradi ta' l-uffiċjali tal-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Hemm politika reġjonali għal Għawdex fl-oqsma tal-biedja u sajd? Għaliex l-ebda proġett fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea m'huwa taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta ta' mistoqsija identika bin-numru 16022.
Tista’ l-Ministru tgħid liema mill-proposti li hemm fid-dokument ta’ Eko-Għawdex huma taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru tagħha? X’inhi r-responsabilità tal-Ministeru tagħha f’dawk il-proposti li l-Ministeru tagħha m’għandux ir-responsabilità diretta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti tal-Mistoqsijiet Parlamentari Nri. 16026 u 16027.
Jiena nfurmata li kif jirriżulta ċar, fil-maġġor parti tagħhom, il-proposti f'dan id-dokument jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex.
Fil-każijiet fejn il-proposti jaqgħu taħt ir-responsabilità ta' Ministeru ieħor, il-Ministeru għal Għawdex jaħdem mal-Ministeru konċernat biex il-proposti jitwettqu bl-aħjar mod.
Ministeru għal Għawdex — xiri ta' mobile phones/iPhones
Question
Tista' l-Ministru tgħid inxtrawx mobile phones/iPhones fid-dikasteru tagħha mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sistemi u metodi ta' irrigazzjoni ta' prodotti agrikoli
Question
Tista' l-Ministru tgħid xi studji saru s'issa din is-sena dwar l-aħjar proċessi, sistemi u metodi ta' irrigazzjoni ta' prodotti agrikoli? Saru xi rakkmandazzjonijiet s'issa dwar dan il-proġett? X'inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena, fl-2011 u fl-2012 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-faċilitajiet imsemmija huma parti mill-proġett biex il-Farm Sperimentali jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni. Għaldaqstant nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16440.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha dwar l-aħjar użu tal-pestiċidi fl-agrikoltura f'Għawdex u għall-immaniġġjar tajjeb tal-kontenituri ta' perstiċidi? X'inhu ppjanar u pprogrammat li jsir din is-sena, fl-2011 u fl-2012 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li wara li fl-2008 sar kors għall-bdiewa dwar l-użu korrett tal-pestiċidi, il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jippjana li jorganizza korsijiet oħrajn dwar dan is-suġġett. Ninsab infurmata wkoll li fil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija qegħdin jintużaw nases, feromoni, u xbieki (insect nets) kif ukoll sterilizazzjoni tal-ħamrija bix-xemx (solarisation) biex jiġi evitat l-użu tal-kimiċi bħala eżempju għall-bdiewa. Fil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija tpoġġa ukoll steel cabinet fejn il-bdiewa jiddisponu minn kontenituri tal-pestiċidi b'mod sikur.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jiġi inkoraġġit il-bini mill-ġdid ta' ħitan tas-sejjieħ f'Għawdex? X'inċentivi ngħataw biex l-art agrikola tkompli tinħadem? X'inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena fl-2011 u fl-2012 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fil-preżent qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet mill-bdiewa li permezz tagħhom jiġu ntitolati għall-għajnuna ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea li tinċentiva l-bdiewa biex ikomplu jieħdu ħsieb u jaħdmu r-raba' tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hi l-area totali koperta b'ġonna u msaġar f'Għawdex illum? X'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jitħawlu siġar sabiex jinħolqu ġonna u msaġar f'inħawi li huma esposti għall-erużjoni f'Għawdex? X'inhu ppjanar u pprogrammat li jsir din is-sena fl-2011 u fl-2012 fuq dawn l-inizjattivi? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-area totali koperta b'ġonna u msaġar pubbliċi f'Għawdex illum hija ta' 110,000 metru kwadru u li matul din is-sena qed isir xogħol preparatorju fuq siti oħrajn u se jinħarġu offerti għal xogħlijiet biex isiru ġonna u msaġar. Huwa ppjanat li matul dawn it-tlett snin isir ix-xogħol u taħwil fis-siti li diġa rreferejt għalihom kif ukoll f'siti oħrajn li jiġu identifikati aktar 'il quddiem. Ninsab infurmata ukoll li x-xogħlijiet ippjanati għal din is-sena li sa issa ġew stmati, huma kkalkulati li se jiswew madwar €666,000.
Għawdex — Faċilitajiet fejn jitkabbru siġar u pjanti
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex f'Għawdex jitjiebu l-faċilitajiet fejn jitkabbru siġar u pjanti ta' valur ġenetiku u biex dawn il-faċilitajiet jinfetħu għall-pubbliku u riċerkaturi? X'inhu ppjanat u programmat li isir din is-sena fl-2011 u fl-2012 fuq dawn l-inizjattivi? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-faċilitajiet imsemmija huma parti mill-proġett biex il-Farm Sperimentali jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni. Għaldaqstant nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16440.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jitnaddfu l-widien f'Għawdex? X'inhu ppjanar u programmat li jsir din is-sena fl-2011 u fl-2012 fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul din is-sena sar tindif minn ħaddiema tad-Dipartiment Proġetti u Żvilupp ta' oġġetti u materjal li ntefa' llegalment fil-Wied ta' Żejta fil-limiti tar-Rabat u qegħdin isiru preparamenti biex jitnaddfu uħud mill-ġibjuni fil-wied li mir-Rabat iwassal għal Marsalforn. Jiena infurmata ukoll li matul dawn it-tliet snin se jkomplu jitnaddfu widien u ġibjuni f'diversi inħawi f'Għawdex. L-istejjem tax-xogħol għal din is-sena se jiġu ppreparati hekk kif jiġi determinat il-mod kif se isiru l-interventi.
Tista' l-Ministru tgħid fuq liema korpi statutorji - bħalma huma l-MCESD, l-MEUSAC, l-Korporazjzoni għas-Servizzi tal-Ilma, Heritage Malta, il-Wasteserv, l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità dwar it-Trasport, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u il-Fondazzjoni għas-Servizzi tas-Saħħa – hemm rappreżentant tas-soċjetà Għawdxija? Fejn hemm, x’konsultazzjoni saret u ma' min dwar il-ħatra tagħhom? X’inhuma l-kriterji għall-għażla ta’ dawn ir-rappreżentanti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għandu responsabilità oriżżontali fl-oqsma kollha fejn hemm entità, awtorità jew organizazzjoni nazzjonali li għandha responsabilità operattiva sabiex jassigura li dak kollu li jaffettwa lil Għawdex jew isir f'Għawdex ikun fl-aħjar interess ta' Għawdex u l-Għawdxin. Għal dan il-għan il-Ministeru jista' jkollu rappreżentant/a fuq xi bordijiet, bħal per eżempju, Heritage Malta. Irrispettivament mill-fatt jekk il-Ministeru għandux rappreżentanza fuq bordijiet statutorji, il-Ministeru għal Għawdex jimpenja ruħu f'kull stadju ta' konsultazzjoni, ppjanar u eżekuzzjoni tal-proġetti u xogħol kollu li jsir f'Għawdex jew b'konnessjoni mal-gżira Għawdxija minn dawn l-entitajiet.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16270, tikkonsidra l-Ministru li min hu intitolat għall-mediċina Lescol u mediċini oħra li jkunu out of stock fl-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ikollhom il-faċiltà li jixtru l-mediċini li jkunu intitolati li jieħdu bi dritt minn spiżerija privata u wara li tiġi ppreżentata l-irċevuta jingħataw il-ħlas lura mill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jew mill-minsiteru tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-Onor. Interpellant hija mitluba tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16270, tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni l-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed tirċievi stock limitat ta’ Lescol mill-Governmental Pharmaceutical Services bil-konsegwenza li l-pazjenti f’Għawdex mhux qed jingħataw is-servizz tas-saħħa b’xejn kif dejjem sostna u ftaħar il-Gvern Nazzjonalista?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-Onor. Interpellant hija mitluba tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità.