mekkaniżmu uffiċjali — tfassil ta' kull politka u proġett
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16026, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-mekkaniżmi uffiċċjali u formali fuq livelli Dipartimentali u fuq livelli operattivi:
a) fit-tfassil u implimentazzjoni ta' kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija; u
b) fit-tfassil u implimentazzjoni ta' kull politika u proġett għar-reġjun ta’ Għawdex f’dawk il-każijiet li l-Ministeru għal Għawdex għandu biss kompetenzi orizzontali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Kif diġa nfurmajt lill-Onor. Interpellant fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16026, il-Ministeru għal Għawdex hu involut f'kull stadju ta' konsultazzjoni, ippjanar u eżekuzzjoni tal-proġetti u xogħol kollu li jsir f'Għawdex, inkluż dawk il-każijiet li l-Ministeru għal Għawdex għandu biss kompetenzi orizzontali. Dan l-involviment isir kemm fuq livelli dipartimentali kif ukoll fuq livelli operattivi.
Tista' l-Ministru tgħid x’użu qed isir mill-art li l-Ministeru għandu mikrija fil-bitħa tal-Koperattiva Għawdxija tal-Bdiewa (Gozitano) fix-Xewkija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex m'hu qed iħallas l-ebda kera minħabba li m'hux qed jagħmel użu minn art fil-bitħa tal-Koperattiva Għawdxija tal-Bdiewa (Gozitano) fix-Xewkija.
Ministeru għal Għawdex — tender jew direct order ta' kumpanja
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk matul l-aħħar 12-il xahar il-kumpanija M.A&A. Services Ltd. ingħatatx xi tender jew xi direct order mill-ministeru, minn xi entità, awtorità, aġenzija jew korporazzjoni pubblika li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul l-aħħar 12-il xahar il-kumpanija M.A.&A. Services Ltd. ma ngħatat l-ebda tender jew direct order mill-Ministeru jew mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt.
Ilmenti fuq l-operat tal-Ispiżerija Ġenerali ta' Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tgħid persuni li jkunu jridu jressqu ilmenti fuq l-operat tal-ispiżerja tal-Isptar Ġenerali ta’ Ghawdex għand min jistgħu jagħmlu dan, għand is-Suprentendent tal-Isptar, il-Ministeru għal Għawdex, jew il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li lmenti fuq l-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jistgħu jsiru direttament għand is-Superintendent tal-Isptar jew il-Ministeru għal Għawdex, permezz tal-Customer Care System.
Billi fuq kull riċetta magħmula mit-tobba biex pazjenti jkunu jistgħu jġibu mediċini mill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ikun hemm preskritti tliet mediċini, u meta xi waħda minn dawn il-mediċini tkun out of stock l-ispiżerija tal-isptar iżomm il-preskrizzjoni bi tliet riċetti, tista’ l-Ministru tgħid kif isiru r-reconciliation u l-auditing tal-mediċini fl-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Ma taħsibx li s-serjetà titlob li wasal iż-żmien li ssir r-riċetta separata għal kull mediċina speċjalment f’dawn iż-żmenijiet meta ħafna mediċini huma out of stock? Billi riċentement il-Lescol/ Fluvastatin kien out of stock kemm ġie n-nunru ta’ pilloli Lescol/ Fluvastatin over l-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta tqabbel in-numru tal-pilloli li daħlu skont ir-riċetti ma' dawk il-pilloli li verament ingħataw fl-aħħar tliet xhur?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' pilloli Fluvastatin over fl-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex meta tqabbel in-numru tal-pilloli li daħlu skont ir-riċetti ma' dawk il-pilloli li verament ingħataw fl-aħħar tliet xhur, ma jistax jiġi kkalkulat. Dan għaliex pazjenti li kienu fuq Fluvastatin 80mg kienu avżati biex ikellmu lit-tabib tagħhom biex jirrevedi l-mediċina Statin li kienu qed jieħdu bil-possibilità li jinqalbu fuq il-pilloli Zocor. Dan huwa eżerċizzju li suppost sar fis-sena 2006 skond DH Circ No 214/2006. Din iċ-ċirkulari tavża lit-tobba biex jibdew jiktbu riċetti għall-pilloli Zocor wara konsultazzjoni medika, pazjenti li kienu qed jieħdu Fluvastatin 80mg, peress li din il-mediċina ma kenitx se tibqa' tinxtara aktar mill-Governmental Pharmaceutical Services. F'dawn l-aħħar tlett xhur xi pazjenti li kienu fuq Fluvastatin 80mg inqalbu fuq il-pilloli Zocor.
Meta pazjent ikun preskritt tliet mediċini fuq riċetta waħda u xi waħda minnhom tkun out of stock tinħareġ formola 'To collect form' mill-ispiżerija li fuqha d-dispenser jikteb il-mediċina u l-kwantità li l-pazjent irid jingħata. Il-pazjent jippreżenta din il-formola meta din il-mediċina tasal l-ispiżerija.
Medicine Reconciliation isir waqt li pazjent qiegħed jinqeda' għall-pilloli. Id-dispenser jivverifika x'mediċini ikun qed jieħu l-pazjent mid-dokumenti li jippreżenta l-pazjent, cioe mill-kartuna safra u/jew roża, permessi tal-pilloli u noti oħra li t-tabib ikun kitiblu.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16577, tista' l-Ministru tgħid meta l-pubbliku jmur personalment l-ispiżerija biex jistaqsi jekk ikunux waslu pilloli li kienu out of stock u dawn fil-fatt ikunu waslu, kif jagħmel biex jiġbor il-mediċina li jkun diġà stenna fil-kju biex jieħu u li ma jkunx ingħata għax kienet out of stock? Jerġa' joqgħod jistenna għal darba oħra fil-kju jew jaqbeż il-kju? Ma taħsibx li għandha tintuża l-istess sistema li qed tintuża fiċ-Ċenrti tas-Saħħa f’Malta li meta mediċina tkun out of stock min ma jingħatax dik il-mediċina jingħata irċevuta biex meta din il-mediċina tasal u jmur jiġborha b’din l-irċevuta jkollu dritt li ma joqgħodx jerġa' jistenna?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-sistema li tintuża fiċ-Ċentri tas-Saħħa, li meta mediċina tkun out of stock pazjent jingħata l-possibilità li jaqbeż il-kju, kienet ippruvata f'żewġ okkażjonijiet fl-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Jidher iżda li din is-sistema ma ħadmitx u għalhekk f'kull ċirkostanza persuni li jkunu qed jistennew xi mediċina jkollhom jistennew fil-kju wara min imisshom.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16577, tista' l-Ministru tgħid min fl-aħħar xhur ma ngħatax il-pilloli Lescol u mediċina oħra li kien intitolat għaliha għax kienet out of stock, se jingħata d-differenza tal-ammont li baqgħalu jieħu? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negativ, għaliex le?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-pazjenti se jingħataw d-differenza tal-ammont tal-pilloli Fluvastatin li baqgħalhom jieħdu meta l-mediċina tingħata lill-ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mill-Governmental Pharmaceutical Services. Bħalissa qed jitqassmu l-pilloli Fluvastatin 20mg.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-policy jew pożizzjoni tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex dwar it-trasport tal-pazjenti li jkunu rikoverati fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex biex imorru għall-testijiet f'Malta fis-sens jekk il-pazjenti jistgħux jagħżlu huma jekk imorrux l-Isptar Mater Dei bl-ambulanza jew b'xi mezz ta' trasport ta' l-għażla tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li pazjent li jkun rikoverat fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex jibqa' taħt ir-responsabilità medika tal-istess sptar anke waqt il-vjaġġ għall-Mater Dei. Għalhekk fl-aħjar interess tal-pazjent u tal-Isptar dan jingħata l-parir li tintuża ambulanza u staff tal-Isptar. F'każ rari li l-pazjent jagħżel li juża trasport mhux tal-Isptar, dan jintalab biex l-ewwel jiffirma li sejjer jitlaq mill-Isptar kontra l-parir mediku għaliex l-Isptar ma jkunx f'pożizzjoni li jerfa' r-responsabilità tal-pazjent waqt il-vjaġġ.
Tinda tar-Rampa fl-iskola speċjali ta' Sannat Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex minkejja diversi wegħdi għadha ma saritx it-tinda tar-rampa ta' l-iskola speċjali ta' Sannat u tgħid għaliex dan id-dewmien kollu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-tender inħareġ u qiegħed fi stadju ta' aġġudikazzjoni. Ix-xogħol huwa ppjanat jibda kif tispiċċa l-iskola.
Għawdex tal-Ibraġġ — nuqqas ta' misħun fix-short stay ward
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex fix-short stay ward tal-Ibraġġ Għawdex hemm problema persistenti ta' nuqqas ta' misħun u tara li dan l-inkonvenjent jiġi riżolt?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-provvista tal-misħun ġiet interrotta għal jumejn nhar it-Tnejn 3 ta' Mejju 2010 u t-Tlieta 4 ta' Mejju 2010 wara li żviluppaw żewġ ħsarat suċċessivi. It-tiswijiet ħadu dan iż-żmien peress li xi fittings partikolari kellhom jiġu akkwistati minn Malta fiż-żewġ okkażjonijiet.
Però jien infurmata ukoll illi minkejja din il-ħsara, l-pazjenti xorta ma ġewx affetwati b'nuqqas ta' misħun, peress illi min hu nkarigat sab mezzi alternattivi.
Peress li fl-awli tal-Qorti ta' Għawdex hemm problemi minħabba nuqqas ta' apparat ta' recording u anke hemm ħsarat fil-mikrofoni li qed ixekkel u jtellef ħafna x-xogħol li jsir fl-awli u liema sitwazzjoni ilha tippersisti għal diversi xhur, tista' l-Ministru tindirizza din is-sitwazzjoni minnufih?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li għalkemm fil-Qorti ta' Għawdex għandna xi apparat tar-recording li hu bil-ħsara u li għalih qed jistennew il-parts rikjesti biex jissewwa, jekk kien hemm xi xkiel u/jew telf fix-xogħol li jsir fl-Awla, żgur li ma kienx minħabba dan, peress illi għandna sistema ta' back-up bil-manual recording. Din is-sistema tal-manual recording hi ppreferita minn wieħed mill-Maġistrati li, anke meta s-sistemi kollha jkunu jaħdmu sew, jagħżel li jutilizza s-sistema manwali.
Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema mal-Private Staff
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema impjegati u/jew seconded mal-Private Staff tal-Ministru u segretarju parlamentari? Jista' jgħid x'inhu l-grad li għandhom u jekk humiex impjegati taċ-Ċivil? F'każ ta' persuni seconded mal-Ministeru minn fejn huma seconded jew on loan?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ħlas ta' allowance lill-ħaddiema — tindif tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tgħid filwaqt li qed issir riferenza għar-rakkmandazzjoni magħmula mill-Ombudsman għal ħlas ta' allowance lill-ħaddiema li jagħmlu xogħol ta' tindif fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex liema rakkmandazzjoni kienet mertu tal-każ H0034, tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu biex tiġi implimentata r-rakkmandazzjoni magħmula?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li r-rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman, li qed tirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, m'hijiex rakkomandazzjoni biex isir il-ħlas ta' l-allowance iżda "rakkomandazzjoni lill-Ministeru għal Għawdex u b'mod partikolari lill-amministrazzjoni ta' l-Isptar Ġenerali illi jqisu dik it-talba fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li appena għamilt".
Dawn il-kunsiderazzjonijiet jinsabu f'paragrafi 8 u 9 tad-Deċiżjoni ta' l-Ombudsman li kopja tagħhom se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra. (Ara dokument numru 5254 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 256 nhar id-29 ta' Settembru 2010)
Ministeru għal Għawdex — Architecture Project - xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw xogħol id-ditta ta' periti Architecture Project mill-Ministru u l-entitajiet li jiffurmaw parti minnha matul dawn l-aħħar tnax-il sena? F'kull każ, x'kien jikkonsisti x-xogħol, kemm kien il-valur tax-xogħol u kemm tħallas minnu? Meta ingħata dan ix-xogħol u meta tlesta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-ditta ta' periti Architecture Project ma ngħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru u mid-Dipartimenti li jaqgħu taħtu f'dawn l-aħħar tnax-il sena.
Ministeru għal Għawdex — persuni li laħqu l-età tal-irtirar
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu dawk il-persuni li laħqu l-età ta' rtirar iżda reġa' ġie mġedded it-terminu tal-impjieg tagħhom f'din l-aħħar sena? Tista' tindika ukoll f'liema dipartiment u f'liema gradi sar dan it-tiġdid?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru kemm kien l-introjtu tal-gvern mir-residenti li kien hemm ġo Sant'Anna f'dawn l-aħħar sentejn u kemm kien hemm persuni residenti kull tliet xhur separatament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li skond il-kalkoli li għamel l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex permezz tas-sistema kompjuterizzata ECDS, mir-residenti ta' Sant'Anna, l-Gvern kellu jdaħħal dawn l-ammonti:
2008 - €313,160
2009 - €340,690
Jannar-Marzu 2010 - €94,110.
Ta' min jiġbed l-attenzjoni li r-responsabilità għall-ġbir ta' dawn il-fondi hija tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali, tat-Teżor u tal-Kumitat tal-Welfare, u għalhekk jekk tinħtieġ aktar informazzjoni għandha tiġi mitluba lill-Ministru konċernat.
Il-persuni residenti fir-Residenza Sant'Anna kienu
31-03-2008 - 73 resident
30-06-2008 - 73 resident
30-09-2008 - 74 resident
31-12-2008 - 72 resident
31-03-2009 - 79 resident
30-06-2009 - 77 resident
30-09-2009 - 77 resident
31-12-2009 - 81 resident
31-03-2010 - 81 resident.
Tista’ l-Ministru tgħid liema mill-proposti li hemm fid-dokument Eko-Għawdex se jibdew jitwettqu minn din is-sena? Kemm hija stmata li se tkun in-nefqa fuq dawn il-proposti din is-sena? X’intnefaq s’issa fuqhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li diġa' nbdew numru ta' proġetti, u qed tiġi ffinaliżżata l-lista tal-proposti li se jkunu qed jibdew jitwettqu din is-sena.
Madanakollu, n-nefqa fuq l-implimentazzjoni tal-proposti relatati ma' Eko-Għawdex hija mistennija li tlaħħaq iċ-ċifra allokata fil-Budget għal din is-sena.
Ministeru għal Għawdex — Każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 16058 u tgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtha? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw computers inkluż laptops u/jew notebook computersfid-dekasteru tagħha mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li mill-1 ta' Janar 2008 sal-lum fil-Ministeru għal Għawdex inxtara Laptop Sony Vaio FW21E komplut bl-MS Office Application bil-prezz ta' €1354 għas-Segretarjat Permanenti u kien awtorizzat mis-Segretarju Permanenti.