Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa mill-Gvern biex joffri art lill-istituzzjonijiet edukattivi ta’ reputazzjoni internazzjonali li jkunu interessati jiżviluppaw campus tagħhom ġewwa Għawdex u jipprovdu programmi edukattivi primarjament indirizzati lejn studenti internazzjonali? Saru xi diskussjonijiet ma’ istituzzjonijiet edukattivi ta’ reputazzjoni internazzjonali? Jekk fl-affermattiv, min huma dawn l-istituzzjonijiet? X’kien l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet?
Għawdex, Rabat — ħajt tas-sejjieħ fi Triq Ġwanni Pawlu II
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat li tittieħed xi azzjoni dwar ħajt tas-sejjieħ fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II fir-Rabat, Għawdex, li qed ikun ta’ xkiel serju għal dawk li jgħaddu bil-mixi minn din it-triq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li dan il-każ ġie riferut lill-MEPA, biex tieħu l-azzjoni neċessarja.
B'referenza għall-mistoqsija tiegħi dwar ħlas ta' periti mqabbda mill-Qorti Kriminali t'Għawdex, tista' l-Ministru tgħid jekk il-ħlas isirx skont l-enumerazzjoni tal-vouchers relattivi jew mod ieħor? Jekk mod ieħor, kif?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-vouchers per se m'għandhomx numru progressiv. In-numru li forsi qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa dak mogħti manwali mid-deputat reġistratur, li huwa n-numru tal-każ relattiv u m'għandux x'jaqsam ma' meta jkun ġie preżentat ir-rapport tal-espert għall-ħlas relattiv. Ir-rapport tal-espert jista', kif fil-fatt jiġri ħafna drabi, jiġi preżentat snin wara li jkun infetaħ il-każ/l-inkjesta.
Il-Qorti t'Għawdex tħallas wara li l-voucher jiġi mgħoddi mid-deputat reġistratur lill-Accounts Section.
Tista' l-Ministru tgħid meta tlesta l-bini tal-oqbra fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija? Meta mistenni li jsiru il-kuntratti għall-koncessjonijiet ta’ dawn l-oqbra?
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet huma meħtieġa li jsiru fil-qasam industrijali tax-Xewkija? X'xogħlijiet saru mill-Ministeru għal Għawdex f'dan il-qasam kull sena mill-2008 sal-lum? Kemm kienet in-nefqa kull sena fuq dawn x-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li minn żmien għall-ieħor saru xogħolijiet ta' tindif u xogħol ta' manutenzjoni bil-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. Dwar il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija, peress li l-Qasam Industrijali tax-Xewkija huwa amministrat mill-Malta Industrial Parks, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar mill-Ministeru tagħha kull sena f’dawn l-aħħar tliet snin biex jerġa' jkun hemm servizz ta' l-ajru bejn Malta u Għawdex? Meta l-aħħar li saru diskussjonijiet/konsultazzjonijiet mal-Gozo Toursim Association u mal-Gozo Business Chamber dwar dan is-servizz?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex iżomm laqgħat regolari maż-żewġ entitajiet imsemmija u fihom l-aġenda ta' dawn il-laqgħat tkun dejjem issetjata mill-entitajiet infushom. Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija ma' għandi xejn xi nżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9751.
Offerta għall-provvista, stallazzjoni ttestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta ħarġet l-aħħar offerta għall-provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi anċillari tal-Biċċerija ta' Għawdex? Fiex waslet il-proċedura dwar din l-offerta? Kemm kienu ħarġu offerti oħra qabel u meta kienu ħarġu? Għaliex f'kull każ ma ntgħażel l-ebda offerent?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-aħħar offerta għall-Provvista, Istallazzjoni, Ittestjar u Kummissjonar ta' Apparat u Servizzi Anċillari tal-Biċċerija ta' Għawdex ġiet ippubblikata fis-26 ta' Ottubru 2007 u għalqet fit-18 ta' Diċembru 2007 u li din l-offerta ġiet mogħtija. Jiena nfurmata wkoll li qabel din l-offerta, kienet ħarġet oħra għall-istess suġġett fit-22 ta Marzu 2005 u għalqet fis-17 ta' Mejju 2005 u li din l-offerta ma ngħatatx minħabba li l-ebda sottomissjoni ma kienet skond l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta.
Tista' l-Ministru tgħid x’sar s’issa fuq il-proġett ta’ rikostruzzjoni tal-parkegg li hemm fi Triq Borg Olivier biex jsir multi level parking? Tista tgħid meta mistenni li jibda u meta mistenni li jispiċċa dan il-proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li saret applikazzjoni lill-MEPA fuq dan il-proġett li jikkonsisti f'multi level parking u bini ta' qorti ġdid. Ix-xogħol fuq dan il-proġett jiddependi fuq l-eżitu ta' din l-applikazzjoni.
Tista’ l- Ministru tgħid x'xogħol ta' konsulenza ngħata lill-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, mill-entitajiet, aġenziji, fondazzjonijiet, awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha sena b'sena bejn l-2004 u l-2009? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol u xi ħlas sar ta' kull biċċa xogħol ta' konsulenza ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma ngħata ebda xogħol ta' konsulenza lill-persuna li isimha ntbagħat separatament, mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu bejn l-2004 u l-2009.
Tista’ l-Ministru tgħid x'xogħol ta' konsulenza ngħata lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mill-entitajiet, aġenziji, fondazzjonijiet, awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha sena b'sena bejn l-2004 u l-2009? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol u xi ħlas sar ta' kull biċċa xogħol ta' konsulenza?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma ngħata ebda xogħol ta' konsulenza lill-persuna li isimha ntbagħat separatament, mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu bejn l-2004 u l-2009.
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li se jinxtara CT Scan għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Jekk iva, kif se jinxtara dan il-makkinarju jekk hux bit-tender process u jekk iva, meta se joħorġu l-call for tenders? Meta hemm il-ħsieb li se jiġi stallat dan l-apparat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Isptar Ġenerali t'Għawdex se jkun attrezzat b'
CT Scanner
. Dan huwa possibli permezz ta' sejħa pubblika li kienet tinvolvi
EU tendering
. Dan il-proċess huwa konkluż u dalwaqt jibda x-xogħol relatat ma' l-istallar ta' dan l-apparat.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk għadux jintuża s-servizz tal-helicopter tal-Armata biex pazjenti jittieħdu mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-isptar Mater Dei? Jekk m’għadux jintuża, għaliex? Jekk għadu jintuża, għal liema każijiet jintuża? X’inhuma l-kriterji għall-użu tiegħu? Min jiddeċiedi jekk jintużax jew le? X’approvazzjonijiet huma meħtieġa għall-użu tiegħu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-servizz tal-helicopter tal-Armata għadu jintuża biex pazjenti jittieħdu mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex għall-Isptar Mater Dei. Dan jintuża kull darba li pazjent/a li jkollu/jkollha bżonn ta' kura f'Mater Dei meta ma jkunx possibli li jittieħed b'ambulanza. Issir konsultazzjoni bejn il-Konsulent tal-Isptar t'Għawdex u dak ta' Mater Dei u huma stess japprovaw il-ħtieġa ta' dan is-servizz. Wara li tittieħed din id-deċiżjoni, l-armata tal-helicopter u l-istaff ikkonċernat ta' l-Isptar ta' Mater Dei jiġu infurmati u l-helicopter jiġbor l-istaff minn Mater Dei u jiġi Għawdex għall-pazjent/a.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa kull xahar s’issa mill-Vot Kapitali Nru III item 7239 Eco-Gozo? Tista’ tagħti lista ta’ kull nefqa li saret u tgħid x’ġie ipprokurat b’kull nefqa? Kemm hemm flus kommessi għan-nefqa llum? X’se jiġi pprokurat b’kull nefqa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fost l-oħrajn, s'issa sar xogħol relatat mal-proċess tal-applikazzjonijiet għall-permessi tal-iżvilupp relatati mal-proġett tal-indoor pool fir-Rabat, proġett t'afforestazzjoni fil-Qortin ta' Isopu, Nadur, ħolqien ta' ġnien ġdid f'Marsalforn, proġett t'afforestazzjoni ħdejn il-Bosk Papa Ġwanni XXIII fl-Imġarr, titjib fil-Ulysses Grove fir-Rabat, tindif tal-Wied fil-limiti ta' Żejta fir-Rabat u tindif tal-Wied fi Triq ir-Rabat, Marsalforn.
Beda wkoll xogħol relatat mal-proġett taċ-Ċentru ta' Riċerka fil-farm sperimentali, u saru kampanja edukattiva fl-iskejjel, programm ta' awareness għall-pubbliku in ġenerali, investiment fil-programm Hands on Farming, ħlasijiet konnessi ma' skema għar-restawr ta' rdieden tar-riħ, l-iżvilupp ta' pakkett ta' riżorsi dwar l-iżvilupp sostenibbli għall-għalliema, programm dwar ikel u dieta bilanċjati, attivita' għall-istudenti dwar saħħa u sigurta', konferenza dwar il-biedja organika, u konferenza dwar is-saħħa mentali f'Għawdex. Sar ukoll kuntatt ma' xi kumpaniji li huma nteressati jikkontribwixxu u jieħdu sehem f'dan il-proġett permezz tal-programm ta' Corporate Social Responsibility tagħhom.
Jiena nfurmata wkoll li fost l-oħrajn, din is-sena hemm il-pjan li jinxtara makkinarju u tagħmir għall-farm sperimentali u għas-sezzjoni tal-Afforestazzjoni, xogħolijiet ta' tiswija u manutenzjoni fil-farm tal-Gvern, u investiment fejn għandha x'taqsam l-enerġija alternattiva.
Ninsab infurmata li n-nefqa kommessa għal dan ix-xogħol, hija ta' €1,296,823 li minnha diġà saru xi ħlasijiet.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa kull xahar s’issa fuq kull item ta’ nfiq taħt Vot Kaptiali III tal-Ministeru tagħha? X'hemm kommess għan-nefqa llum taħt kull item of expenditure?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17273 dwar l-Inter-Island Transport Scheme, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-ispejjeż addizzjonali li huma koperti b’din l-iskema? Taħt liema liġi u/jew avviż legali ddaħħlet din l-iskema? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-regolamenti dwar eliġibilità, proċessar, ħlas, eċċ ta’ din l-iskema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-iskema msemmija Promoting Economic Cohesion in Gozo (Industrial sector) hija ntiża biex tkopri parti mill-ispiża addizzjonali li operaturi fil-qasam tal-manifattura f'Għawdex ikollhom fit-trasport ta' makkinarju, materjal u prodotti relatati ma' l-attivitajiet tagħhom f'Għawdex. Din l-iskema hija mwaqqfa amministrattivament taħt ir-regoli de-minimis. Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji dwar ir-regolamenti ġenerali dwar din l-iskema.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17273 dwar l-Inter-Island Transport Scheme, tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus taħt din l-iskema fl-2008 u fl-2009, kull sena għaliha? Tista’ tgħid meta tħallsu u taħt liema vot? Tista’ tgħid kemm kienu l-benefiċċjarji kull sena? Liema Dipartiment/Direttorat jamministra din l-iskema? Kemm hemm applikazzjoni pendenti li huma approvati u għadhom ma tħallsux? Kemm hemm applikazzjonijiet li għadhom ma ġewx ipproċessati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li saru applikazzjonijiet minn seba' kumpaniji għal għajnuna taħt din l-iskema li qegħdin jiġu pproċessati.
Fl-okkażjoni tan-Notte Gozitana li nżammet f'Għawdex f'dan ix-xahar ta' Mejju, tista' l-Ministru tgħid liema kienu l-lokalitajiet u t-toroq li ġew magħluqa għat-traffiku? Liema kienu l-lokalitajiet u t-toroq fejn ġie projbit il-parking tal-vetturi? Kemm kien hemm impjegati tal-gvern imqabbda biex jagħtu s-sehem tagħhom? Għal kemm telgħu l-ispejjeż globali nvoluti fl-organizzazzjoni u t-twettiq tagħha? Kemm u liema kienu d-ditti u l-kumpaniji minn Malta u minn Għawdex li ġew imqabbda jagħtu s-sehem tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm sar safar minn uffiċjali ta' korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul is-sena 2009? Min kien li siefer? X'kienet ir-raġuni wara s-safra u fejn kienet? X'kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda awtorità u korporazzjoni li taqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies impjegati fis-segretarjat privat tad-dekasteru tagħha? Min huma u xi kwalifiki għandhom? Kemm jitħallsu fix-xahar u x'perkaċċi għandhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.