Tista’ l-Ministru tgħid kemm flus intnefqu kull xahar s’issa fuq l-items ta’ nfiq numru 7211 u 7221 taħt Vot Kapitali III tal-Ministeru tagħha? Fuqiex intnefqu? X'hemm kommess għan-nefqa llum taħt kull waħda ta’ dawn l-items of expenditure? Għalxiex huma kommessi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm flus intnefqu kull xahar s’issa fuq il-proġett ta’ Villa Rundle li se jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea? Fuqiex intnefqu? X'hemm kommess għan-nefqa llum fuq dan il-proġett? Għalxiex huma kommessi? X’jonqos isir fuq dan il-proġett? Meta mistenni li jitlesta l-proġett? Taħt liema Vot Kapitali tal-Estimi Ġenerali jidhru l-fondi approvati għal dan il-proġett? X’inhija l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17792. Inżid ngħid li l-fondi approvati għal dan il-proġett jinsabu taħt il-Vot Kapitali III tal-Estimi Ġenerali u l-pagamenti jsiru wara li x-xogħol li jkun tlesta jiġi mkejjel u ċċertifikat. Dan il-proġett mistenni li jispiċċa fis-sena 2011.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm flus intnefqu kull xahar s’issa fuq il-proġett ta’ taż-Żewwieqa Waterfront li se jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea? Fuqiex intnefqu? X'hemm kommess għan-nefqa llum fuq dan il-proġett? Għalxiex huma kommessi? X’jonqos isir fuq dan il-proġett? Meta mistenni li jitlesta l-proġett? Taħt liema Vot Kapitali tal-Estimi Ġenerali jidhru l-fondi approvati għal dan il-proġett? X’inhija l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17791. Inżid ngħid li l-fondi approvati għal dan il-proġett jinsabu taħt il-Vot Kapitali III tal-Estimi Ġenerali u l-pagamenti jsiru wara li x-xogħol li jkun tlesta jiġi mkejjel u ċċertifikat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm flus intnefqu kull xahar s’issa fuq il-proġett tal-upgrading tal-Operating Theatre u tat-Twaqqif tar-Radiology Unit li se jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea? Fuqiex intnefqu? X'hemm kommess għan-nefqa llum fuq dan il-proġett? Għalxiex huma kommessi? X’jonqos isir fuq dan il-proġett? Meta mistenni li jitlesta l-proġett? Taħt liema Vot Kapitali tal-Estimi Ġenerali jidhru l-fondi approvati għal dan il-proġett? X’inhija l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament m'hemmx kontijiet pendenti x'jitħallsu. Filwaqt li l-upgrading tas-sala tal-operazzjonijiet huwa fl-istadju ta' tendering, ix-xogħol fid-dipartiment tar-radjoloġija beda. Il-fondi approvati għal dan il-proġett jinsabu taħt il-Vot Kapitali Numru III tal-Estimi Ġenerali. Dan il-proġett hu mistenni li jitlesta din is-sena.
Peress li hemm ilmenti mill-pubbliku li fl-ispiżerija tal-Gvern m'hemmx il-mediċina Zocor, tista' l-Ministru tara li din tkun disponibbli?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi qed jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex il-mediċina Zocor tkun disponibbli, ovvjament fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha relatati mal-provvediment u tqassim ta' mediċina f'pajjiżna.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 15012 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu mal-Gozo Channel matul is-snin 2006, 2007, 2008 u 2009? X'kien ix-xogħol tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment il-Ministeru responsabbli mill-entità msemmija fid-domanda tiegħu. Għalhekk nitolbu jindirizza din il-mistoqsija lill-istess Ministeru.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 15011 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm għamlet qliegħ il-Gozo Channel matul l-2007, 2008 u 2009?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment il-Ministeru responsabbli mill-entità msemmija fid-domanda tiegħu. Għalhekk nitolbu jindirizza din il-mistoqsija lill-istess Ministeru.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 15009 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm inġarru passiġġieri mill-Gozo Channel, vetturi bi tnejn u b'aktar roti eżempju 4, 6 u 8 bejn Malta u Għawdex bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2007, 2008 u 2009?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment il-Ministeru responsabbli mill-entità msemmija fid-domanda tiegħu. Għalhekk nitolbu jindirizza din il-mistoqsija lill-istess Ministeru.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema mal-Gozo Channel? Tista' taqsamhom skont il-grad? Tista' tgħid meta saru l-aħħar ingaġġi mal-istess kumpanija u x'kienu jinvolvu? Kemm daħlu u f'liema grad?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.
In vista tal-viżjoni Eco-Gozo, apparti t-tindif tal-widien u l-irrangar tal-irdieden, tista' l-Ministru tgħid:
a) liema rħula Għawdxin se jilħqu l-livell ta'
zero-carbon villages
, b'liema mezz u sa liema żmien?
b) liema toroq se jkunu smart roads fis-sens li jiffaċilitaw l-użu tar-roti?
ċ) jekk hux se jkun hemm stallazzjonijiet ta' faċilitajiet waste to energy? Jekk iva, fejn u meta?
d) jekk hux se jkun hemm stallazzjonijiet ta' alternative energy units bħal wind to energy units, solar to energy eċċ.? Fejn? Kemm? Sa liema żmien?
e) kemm enerġija jikkonsma Għawdex kollu kull sena? In linea tal-viżjoni ta' gżira ekoloġika, x'targets għandu l-gvern biex persentaġġ qawwi ta din l-enerġija tiġi kreata minn renewable sources?
f) jekk hux se jkun hemm servizzi ta' kwalità ta' trasport pubbliku li jniġġżu inqas l-ambjent bħal electricity-powered city cabs eċċ.? Meta u f'liema rħula?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għad-dokument 'Eco-Gozo: a better Gozo - Proposed Action 2010 - 2012' li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta tad-9 ta' Novembru 2009, li fih hemm elenkati dawk il-proposti li l-Gvern bi ħsiebu jwettaq fis-sentejn li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid minn min hi magħmula l-RGV Joint Venture?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li RGV Joint Venture hija entità li tefgħet offerta għal tender li qed tiġi aġġudikata. Għaldaqstant huwa prematur li tingħata l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qasmu karozzi bejn Malta u Għawdex, xahar b'xahar, fl-ewwel tliet xhut ta' din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment peress li l-entitajiet konċernati jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu.
Tista' l-Ministru tgħid kemm jesa' vetturi l-vapur:
a) Ta' Pinu;
b) Gaudos; u
ċ) Malita?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment peress li l-entitajiet konċernati jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17657, tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet/se tkun in-nefqa fuq kull proġett, inizjattiva, programm, eċċ. msemmija fit-tweġiba?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li s'issa, n-nefqa proġettata hija kif rappurtat fir-risposta għall-mistoqsija oriġinali. Ta' min jgħid li f'diversi każi ta' programmi jew proġetti, m'huwiex possibbli jingħad minn issa kemm se tkun in-nefqa totali għal din is-sena, peress li dan jiddependi min numru ta' fatturi, u peress li ċertu xogħol għal din is-sena - bħal per eżempju l-programm edukattiv għas-sena skolastika li ġejja - għadu fi stadju ta' proġettazzjoni.
Helicopter tal-Armata — ġarr ta' pazjenti għall-isptarijiet
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17656, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ntuża s-servizz tal-helicopter tal-Armata biex pazjenti ttieħdu mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-Isptar Mater Dei kull sena mill-1999 sal-lum? X’kienet in-nefqa kull sena fuq dan is-servizz?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija hawn taħt:
Ġarr ta' Pazjenti bil-
helicopter
Sena
Pazjenti
1999
53
2000
57
2001
77
2002
36
2003
57
2004
44
2005
54
2006
48
2007
55
2008
36
2009
33
2010(sa l-aħħar ta’ Mejju)
15
Il-ħlasijiet ta' dan is-servizz ma jsirux minn dan l-Isptar.
Tista' l-Ministru tgħid x’sar s’issa fuq il-proġett ta’ bini ta’ qorti ġdid f’Għawdex? Tista tgħid meta mistenni li jibda u meta mistenni li jispiċċa dan il-proġett? Tista’ tgħid fejn hu s-sit li mistenni jinbena fuqu dan il-proġett?
Tista' l-Ministru tgħid meta tnediet il-kompetizzjoni għal disinn għaż-Żewwieq Waterfront? Min rebaħ l-offerta? Min rebaħha din il-kompetizzjoni? Kemm swiet flus? Fiex jikkonsisti l-proġett skont id-disinn rebbieħ? Sar xi feasibility study dwar dan il-proġett? X'sar s'issa fuq dan il-proġett? Kemm intnefqu u tħallsu flus b'kollox s'issa fuq dan il-proġett? Kemm hemm flus kommessi u għandhom ma tħallsux? Għalxiex huma kommessi? Meta mistenni jibda u jitlesta dan il-proġett? X’inhuma l-offerti li ħarġu s’issa fuq dan il-proġett? Kemm minnhom ingħataw? Lil min ingħataw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex dwar il-mistoqsijiet relatati mal-kompetizzjoni għal disinn għaż-Żewwieqa Waterfront jirreferi għar-risposti tal-Mistoqsijiet Parlamentari Nri. 27518 u 29310 tal-X Leġislatura.
Dwar il-mistoqsijiet l-oħra, ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li nħarġu l-permessi neċessarji mill-MEPA, inħarġu sejħiet għall-offerti għall-Feasibility Study, Project and Management u għax-xogħlijiet infrastrutturali. L-ewwel żewġ offerti ngħataw lil Europa Consultants Ltd. u lil S&A Quality Assurance Surveyors Ltd. rispettivament. Filwaqt li l-offerta l-oħra għadha fil-proċess ta' tendering. L-ammont ta' flus li tħallas s'issa huwa ta' €22,000.00. S'issa m'hemmx kontijiet pendenti x'jitħallsu. Dan il-proġett mistenni li jispiċċa fis-sena 2011.
Tista' l-Ministru tgħid x’sar s’issa fuq il-proġett ta' Villa Rundle? Kemm sewa dan ix-xogħol? X’jonqos isir biex jitlesta l-proġett? Kemm intnefqu u tħallsu flus b'kollox s'issa fuqu? Kemm hemm flus kommessi u għadhom ma tħallsux? Għaliex huma kommessi dawn il-flus? X’inhuma l-offerti li ħarġu s’issa fuq dan il-proġett? Kemm minnhom ingħataw? Lil min ingħataw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li nħarġu l-permessi neċessarji mill-MEPA, inħarġu sejħiet għall-offerti għall-pubbliċità, Project Management, xogħolijiet u għall-installazzjoni tas-sistema tal-elettriku. L-ewwel tliet offerti ngħataw lil MFCC; S&A Quality Assurance Surveyors Ltd; u Road Construction Co. Ltd. rispettivament. Filwaqt li l-offerta għall-installazzjoni tas-sistema tal-elettriku għadha fil-proċess ta' tendering. L-ammont ta' flus li tħallas s'issa huwa ta' €1416.00. S'issa m'hemmx kontijiet pendenti x'jitħallsu.